14.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/576

tad-9 ta’ Marzu 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq fir-rigward l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (1) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat mill-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 (2) u ġie applikat b’mod provviżorju mid-29 ta’ Ġunju 2022.

(2)

L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt biex jissorvelja u jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim u jirrieżamina perjodikament il-funzjonament tiegħu fid-dawl tal-objettivi tiegħu.

(3)

L-Artikolu 7(6) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt irrid jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim, jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt jiġu adottati.

(4)

Kif stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-Ftehim, il-Ftehim għandu japplika sat-30 ta’ Ġunju 2023. Madankollu, il-Kumitat Konġunt għandu jitlaqqa’ sa mhux aktar tard minn 3 xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, biex jivvaluta u jiddeċiedi l-ħtieġa għall-kontinwazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

(5)

Sabiex kemm l-Unjoni kif ukoll l-Ukrajna jkomplu jibbenefikaw mill-effetti pożittivi tal-Ftehim dwar l-iffaċilitar tat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn u permezz tal-Ukrajna u l-Unjoni u dwar l-iżgurar ta’ korsiji ta’ solidarjetà li jiffunzjonaw tajjeb fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li dan jiġi estiż sat-30 ta’ Ġunju 2024.

(6)

Il-Kumitat Konġunt irrid jadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-regoli ta’ proċedura tiegħu u dwar il-ħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-Ftehim, inkluż id-durata tiegħu.

(7)

Għalhekk jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim, peress li d-deċiżjonijiet tiegħu se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

(8)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjonijiet mehmuża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 7 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (“il-Ftehim”) fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim, inkluż id-durata tiegħu, għandhom ikunu bbażati fuq l-abbozz ta’ Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu ma’ tibdiliet minuri fl-abbozz ta’ Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

G. STRÖMMER


(1)  ĠU L 179, 6.7.2022, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L 179, 6.7.2022, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI NRU 1/2023 TAL-KUMITAT KONĠUNT stabbilit bil-Ftehem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq,

ta' …

fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(6) tiegħu,

Billi skont l-Artikolu 7(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (‘il-Ftehim’), il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Ir-Regoli ta’ Proċedura kif stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jenħtieġ għalhekk li jiġu adottati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Regoli ta’ Proċedura

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma b’dan adottati.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi ….,

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti


(1)  ĠU UE L 179, 6.7.2022, p. 4.


ANNESS

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT

Artikolu 1

Kapijiet tad-delegazzjoni

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Kull Parti għandha taħtar il-Kap u, fejn hu meħtieġ, Viċi Kap tad-delegazzjoni tagħha. Il-Kap tad-Delegazzjoni jista’ jiġi sostitwit mill-Viċi Kap jew minn persuna ddeżinjata għal laqgħa partikolari.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkun presedut b’rotazzjoni minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tal-Ukrajna. Il-Kap tad-delegazzjoni rilevanti, jew fin-nuqqas ta’ dik il-persuna, il-Viċi Kap jew il-persuna ddeżinjata biex tissostitwixxihom għandhom jaġixxu bħala president.

Artikolu 2

Laqgħat

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ kif u meta jkun meħtieġ. Kwalunkwe Parti tista’ titlob li tissejjaħ laqgħa. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ wkoll sa mhux aktar tard minn 3 xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, sabiex jivvaluta u jiddeċiedi l-ħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 6(2) tiegħu.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jorganizza laqgħat wiċċ imb wiċċ jew permezz ta’ mezzi oħra (eż. konferenzi telefoniċi jew vidjokonferenzi).

3.   Il-laqgħat għandhom isiru, kemm jista’ jkun, b’mod alternat fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u fl-Ukrajna, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet.

4.   Il-lingwa ta’ ħidma għandha tkun l-Ingliż.

5.   Ladarba l-Partijiet ikunu qablu dwar id-data u l-post tal-laqgħat, il-laqgħat għandhom jissejħu mill-Kummissjoni Ewropea għall-Unjoni Ewropea u mill-Ministeru inkarigat mit-trasport bit-triq għall-Ukrajna.

6.   Sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tiġi abbozzata stqarrija għall-istampa bi ftehim reċiproku fi tmiem il-laqgħa.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

1.   Qabel kull laqgħa, il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jinformaw lil xulxin dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet tagħhom għal-laqgħa.

2.   Ir-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati tal-industrija tat-trasport bit-triq jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat jew partijiet mil-laqgħat bħala osservaturi, jekk il-Kumitat Konġunt ikun jaqbel b’konsensus li jsir hekk.

3.   Jekk ikun hemm qbil dwar dan b’konsensus, il-Kumitat Konġunt jista’ jistieden lil partijiet interessati jew lil esperti oħra biex jattendu l-laqgħat jew partijiet minnhom sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari.

4.   L-osservaturi ma għandhomx jieħdu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 4

Segretarjat

L-uffiċjal tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea u l-uffiċjal tal-Ministeru inkarigat mit-trasport bit-triq tal-Ukrajna għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala segretarji tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 5

Aġenda tal-laqgħat

1.   Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jistabbilixxu l-aġenda proviżorja ta’ kull laqgħa bi ftehim reċiproku. L-aġenda proviżorja għandha tintbagħat mis-segretarji lill-membri tad-delegazzjonijiet mhux iktar tard minn 15-il jum qabel id-data tal-laqgħa.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti oħra minbarra dawk li jkunu jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiġu inklużi fl-aġenda jekk il-Kumitat Konġunt jaqbel li jsir hekk.

3.   Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jqassru l-limitu ta’ żmien speċifikat fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu r-rekwiżiti jew l-urġenza ta’ kwistjoni partikolari.

Artikolu 6

Minuti

1.   Wara kull laqgħa, tal-Kumitat Konġunt għandhom jitfasslu abbozzi tal-minuti ta’ kull laqgħa. Dawn għandhom jindikaw il-punti diskussi u d-deċiżjonijiet adottati.

2.   Fi żmien xahar wara l-laqgħa, l-abbozz tal-minuti għandu jintbagħat mill-Kap tad-Delegazzjoni ospitanti lill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor, permezz tas-segretarji tal-Kumitat Konġunt, għall-approvazzjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub.

3.   Meta jiġu approvati, il-minuti għandhom jiġu ffirmati f’duplikati mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni u għandha tiġi ppreżentata kopja oriġinali waħda minn kull waħda mill-Partijiet. Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni jistgħu jiddeċiedu li l-iffirmar u l-iskambju ta’ kopji elettroniċi jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

4.   Il-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu pubbliċi sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor minn waħda mill-Partijiet.

5.   Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jqassru l-limitu ta’ żmien speċifikat fil-paragrafu 2 u jaqblu dwar data fir-rigward tal-approvazzjoni speċifikata fil-paragrafu 3 sabiex jitqiesu r-rekwiżiti jew l-urġenza ta’ kwistjoni partikolari.

Artikolu 7

Proċedura bil-miktub

Fejn meħtieġ u debitament motivat, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub. Għal dak il-għan, il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jiskambjaw l-abbozz tal-miżuri li dwarhom tintalab d-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, li mbagħad jistgħu jiġu kkonfermati permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza. Madankollu, kwalunkwe Parti tista’ titlob li l-Kumitat Konġunt jitlaqqa’ biex tiġi diskussa l-kwistjoni.

Artikolu 8

Deliberazzjonijiet

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ konsensus tal-Partijiet.

2.   Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandu jkollhom it-titolu “Deċiżjoni” segwit b’numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

3.   Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu ffirmati mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni u għandhom jiġu mehmuża mal-minuti.

4.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt għandhom jiġu implimentati mill-Partijiet f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom stess.

5.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu ppubblikati mill-Partijiet fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali rispettivi tagħhom. Kopja oriġinali waħda tad-deċiżjonijiet għandha tintbagħat minn kull waħda mill-Partijiet.

Artikolu 9

Gruppi ta’ Ħidma

1.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma biex jassistu lill-Kumitat Konġunt fit-twettiq ta’ dmirijietu. It-termini ta’ referenza għal grupp ta’ ħidma għandhom jiġu approvati mill-Kumitat Konġunt f’konformità mal-Artikolu 7(5) tal-Ftehim u għandhom jiġu inklużi f’anness tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-grupp ta’ ħidma.

2.   Il-gruppi ta’ ħidma għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti tal-Partijiet.

3.   Il-grupp ta’ ħidma għandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt, u għandhom jipprovdulu rapport wara kull laqgħa li jkollhom. Dawn ma għandhomx jieħdu deċiżjonijiet, iżda jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.

4.   Fi kwalunkwe ħin, il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jabolixxi gruppi ta’ ħidma eżistenti, li jimmodifika t-termini ta’ referenza tagħhom jew li jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma ġodda biex jgħinuh fit-twettiq ta’ dmirijietu.

Artikolu 10

Spejjeż

1.   Kull waħda mill-Partijiet għandha tħallas l-ispejjeż relatati mal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u tal-gruppi ta’ ħidma, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tan-nefqa ta’ sussistenza kif ukoll tal-kostijiet tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

2.   Kwalunkwe nefqa oħra relatata mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat għandha titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

Artikolu 11

Emenda għar-Regoli ta’ Proċedura

Fi kwalunkwe ħin, il-Kumitat Konġunt jista’ jemenda dawn ir-Regoli ta’ Proċedura permezz ta’ deċiżjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 7(5) ta’ dan il-Ftehim.