|
13.3.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 74/61 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/569
tad-9 ta’ Marzu 2023
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-proposti għall-emendar tal-Anness 16, il-Volumi I sa III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, dwar l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati relatati mal-protezzjoni tal-ambjent
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). |
|
(2) |
L-Istati Membri kollha huma Stati Kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati Internazzjonali (SPRI). |
|
(4) |
L-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent ġew adottati mill-Kunsill tal-ICAO bħala l-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, fil-Volumi I sa IV. |
|
(5) |
Il-Kunsill tal-ICAO, waqt il-228 Sessjoni tiegħu li għandha ssir bejn it-13 u l-31 ta’ Marzu 2023, għandu jadotta għadd ta’ emendi għall-Anness 16, il-Volumi I sa III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. |
|
(6) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO peress li l-emendi proposti għandhom effett legali, minħabba li huma vinkolanti skont id-dritt internazzjonali u jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (2). |
|
(7) |
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni jenħtieġ li tkun li tappoġġa l-emendi għall-Volumi I sa III. |
|
(8) |
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni. |
|
(9) |
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni wara l-adozzjoni mill-Kunsill tal-ICAO tal-emendi għall-Anness 16, il-Volumi I sa III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li għandha titħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO permezz ta’ proċedura ta’ Ittra tal-Istat tal-ICAO, jenħtieġ li tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni u jenħtieġ li tiġi nnotifikata l-konformità ma’ dawk il-miżuri. Meta l-liġi tal-Unjoni tiddevja mill-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali li jkunu għadhom kif ġew adottati wara data tal-applikazzjoni prevista ta’ dawk l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali, kwalunkwe differenza minn dawk l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali partikolari jenħtieġ li tiġi notifikata lill-ICAO, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-228 Sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti tagħha, fir-rigward ta’ proposti għall-emendar tal-Anness 16, il-Volumi I sa III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, dwar Standards u Prattiki Rakkomandati relatati mal-protezzjoni ambjentali għandha tkun li tappoġġa l-emendi proposti fl-intier tagħhom.
2. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, dment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta mingħajr ebda bidla sostanzjali l-emendi proposti għall-Anness 16, il-Volumi I sa III talKonvenzjoni ta’ Chicago msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni u għandha tkun li tiġi nnotifikata l-konformità mal-miżura adottata bi tweġiba għall-Ittra rispettiva tal-Istat tal-ICAO. Meta l-liġi tal-Unjoni tiddevja mill-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali li jkunu għadhom kif ġew adottati wara d-data tal-applikazzjoni prevista ta’ dawk l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali, kwalunkwe differenza minn dawk l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali partikolari għandha tiġi notifikata lill-ICAO. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xieraq u mill-inqas xahrejn qabel kwalunkwe skadenza stabbilita mill-ICAO biex jiġu nnotifikati d-differenzi, tissottometti lill-Kunsill, għad-diskussjoni u l-approvazzjoni, dokument preparatorju li jistabbilixxi d-differenzi dettaljati li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-ICAO f’isem l-Unjoni.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
G. STRÖMMER
(1) Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).