13.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/58


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/568

tad-9 ta’ Marzu 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-228 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) rigward l-adozzjoni tal-Emenda 93 għall-Anness 10 — Telekomunikazzjoni Ajrunawtika, il-Volum I — Għajnuniet għar-Radjunavigazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u tal-emenda għall-Istruzzjonijiet tekniċi għat-trasport sikur ta’ oġġetti perikolużi bl-ajru biex jiġu permessi apparati attivi ta’ lokalizzazzjoni li jaħdmu b’batteriji żgħar tal-litju f’bagalji rreġistrati

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”), li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din il-Konvenzjoni stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(2)

L-Istati Membri tal-Unjoni huma Stati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Sitt Stati Membri bħalissa huma rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

(3)

Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta standards u prattiki rakkomandati (“SARPs”) internazzjonali, u jiddeżinjahom bħala Annessi għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(4)

Il-Kunsill tal-ICAO, fil-228 sessjoni tiegħu, ser jadotta l-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(5)

L-għan ewlieni tal-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni ta’ Chicago huwa li tiġi appoġġata sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita (GNSS) bi frekwenza doppja u kostellazzjonijiet multipli (DFMC) billi jiżdiedu dispożizzjonijiet għal frekwenzi operattivi addizzjonali għas-sistema ta’ pożizzjonament globali (GPS), is-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita (GLONASS) u s-sistema ta’ awmentazzjoni bis-satellita (SBAS), u billi jiddaħħlu dispożizzjonijiet għas-Sistema l-ġdida ta’ Navigazzjoni bis-Satellita BeiDou (BDS) u għas-sistema Galileo. Din tgħin ukoll biex jittaffa l-gradjent jonosferiku għas-sistema ta’ awmentazzjoni bbażata fuq l-art (GBAS).

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO, billi l-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni ta’ Chicago ser tkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali u tista’ tinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 (1).

(7)

Jenħtieġ li l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-228 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO jew f’xi sessjoni sussegwenti fir-rigward tal-adozzjoni tal-Emenda 93 prevista għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kif deskritta fl-Ittra lill-Istati 2021/41 tkun li tappoġġa u tikkonforma bis-sħiħ ma’ din l-emenda. Jenħtieġ li din il-pożizzjoni tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

(8)

Ladarba tiġi adottata u ssir effettiva, l-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni ta’ Chicago ser tkun vinkolanti fuq l-Istati Membri kollha tal-ICAO, inkluż l-Istati Membri kollha tal-Unjoni f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Chicago u fi ħdan il-limiti stabbiliti fiha.

(9)

Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, jenħtieġ li kull Stat li jqis li huwa imprattikabbli għalih li jikkonforma għalkollox ma’ xi standard jew proċedura internazzjonaliadottati mill-ICAO, jew li jġib ir-regolamenti jew il-prattiki tiegħu għalkollox konformi ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn jew li jidhirlu li hija neċessarja l-adozzjoni ta’ regolamenti jew prattiki differenti f’xi aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali.

(10)

Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull Anness jew kull emenda f’xi Anness adottatti mill-Kunsill tal-ICAO jsiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta jiġu ppreżentati lill-Istati Kontraenti tal-ICAO, jew fi tmiem dak il-perjodu itwal ta’ żmien li jista’ jippreskrivi l-Kunsill tal-ICAO, għajr jekk sadanittant ikun hemm maġġoranza ta’ Stati kontraenti tal-ICAO li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom mal-Kunsill tal-ICAO.

(11)

Jenħtieġ li l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni wara l-adozzjoni tal-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni ta’ Chicago mill-Kunsill tal-ICAO, mħabbra mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO permezz tal-proċedura tal-Ittra lill-Istati tal-ICAO, ma tirreġistrax diżapprovazzjoni u tnnotifika konformità, dment li l-emenda tiġi adottata mingħajr ebda tibdil sostanzjali. Meta l-liġital-Unjoni tiddevja mis-SARPs li jkunu għadhom kemm ġew adottati wara data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk is-SARPs, jenħtieġ li kwalunkwe differenza fir-rigward ta’ dawk is-SARPs partikolari tiġi nnotifikata lill-ICAO. Jenħtieġ li l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ differenza bħal din tkun ibbażata fuq dokument bil-miktub ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill għad-diskussjoni u l-approvazzjoni. Jenħtieġ li din il-pożizzjoni tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

(12)

Il-Kunsill tal-ICAO, fil-228 sessjoni tiegħu, għandu jadotta wkoll Emenda għall-Istruzzjonijiet Tekniċi għat-Trasport Sikur ta’ Oġġetti Perikolużi bl-Ajru (Dokument 9284 tal-ICAO) biex jiġu permessi apparati attivi ta’ lokalizzazzjoni li jaħdmu b’batteriji żgħar tal-litju f’bagalji rreġistrati. Il-kwistjoni taqa’ taħt l-Anness 18 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago - It-Trasport Sikur ta’ Oġġetti Perikolużi bl-Ajru.

(13)

L-emenda tkun tippermetti lill-passiġġieri u lill-ekwipaġġ iġorru apparati attivi ta’ lokalizzazzjoni li jaħdmu b’batteriji żgħar tal-litju fil-bagalji rreġistrati tagħhom, xi ħaġa li d-Dokument 9284 tal-ICAO jipprojbixxi minħabba rekwiżit li jkunu mitfija l-apparati li jkollhom ċelluli jew batteriji tal-litju f’bagalji rreġistrati.

(14)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO peress li l-bidliet proposti għad-Dokument 9284 tal-ICAO jkollhom impatt dirett fuq ir-regoli għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (2), li jirreferu b’mod ċar għal dak id-dokument tal-ICAO, u għalhekk jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni.

(15)

Jenħtieġ li l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul il-228 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO jew kwalunkwe sessjoni sussegwenti fir-rigward tal-adozzjoni tal-Emenda proposta għad-Dokument 9284 tal-ICAO tkun li tappoġġa din l-emenda. Jenħtieġ li din il-pożizzjoni tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-228 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, jew f’xi sessjoni sussegwenti, għandha tkun li tiġi appoġġata l-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

2.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, dment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta l-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni ta’ Chicago mingħajr ebda tibdil sostanzjali, għandha tkun li ma tiġix reġistrata diżapprovazzjoni u li tiġi notifikata konformità ma’ dik l-emenda bi tweġiba għall-Ittra lill-Istati rispettiva tal-ICAO.

3.   Meta l-liġi tal-Unjoni tiddevja mis-SARPs li jkunu għadhom kemm ġew adottati wara d-data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk is-SARPs, differenza fir-rigward ta’ dawk is-SARPs partikolari għandha tiġi nnotifikata lill-ICAO, f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha, fi żmien debitu u mill-inqas xahrejn qabel xi skadenza stabbilita mill-ICAO għan-notifika tad-differenzi, tissottometti lill-Kunsill, għad-diskussjoni u l-approvazzjoni, dokument preparatorju li jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar id-differenzi dettaljati li jridu jiġu notifikati lill-ICAO.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-228 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, jew f’xi sessjoni sussegwenti, għandha tkun li tiġi appoġġata l-Emenda għall-Istruzzjonijiet Tekniċi għat-Trasport Sikur ta’ Oġġetti Perikolużi bl-Ajru (Dokument 9284 tal-ICAO).

Artikolu 3

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 2 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) u (3) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

G. STRÖMMER


(1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta’ servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħrajn tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom, iħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377 u jemenda r-Regolament (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 62, 8.3.2017, p. 1)

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).