8.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 70/55


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/510

tas-7 ta’ Marzu 2023

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/667 dwar miżura ta’ assistenza li tieħu l-forma ta’ programm ġenerali ta’ appoġġ għall-Unjoni Afrikana taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi għall-perjodu 2022–2024

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ April 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/667 (1), li tipprevedi miżura ta’ assistenza li tieħu l-forma ta’ programm ġenerali ta’ appoġġ għall-Unjoni Afrikana taħt il-Faċilita Ewropea għall-Paċi għall-perjodu 2022-2024 (“il-miżura ta’ assistenza”).

(2)

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà rrakkomanda lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà l-approvazzjoni ta’ azzjoni taħt il-miżura ta’ assistenza b’appoġġ għat-Task Force Konġunta Multinazzjonali li taġixxi kontra Boko Haram. Parti minn dik l-azzjoni għandha tiġi implimentata mill-organizzazzjoni nongovernattiva Żvizzera, COGINTA.

(3)

Għalhekk, il-lista ta’ entitajiet li jistgħu jimplimentaw kompletament jew parzjalment azzjonijiet taħt il-miżura ta’ assistenza stabbilita fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/667 jenħtieġ li tiġi emendata biex tinkludi lil COGINTA,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/667 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 5(2), jiżdied il-punt li ġej:

“(s)

tali entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ kif stabbilit fl-Anness.”;

(2)

fl-Anness, jiżdied it-test li ġej:

“Lista ta’ entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ li jistgħu jimplimentaw kompletament jew parzjalment azzjonijiet taħt il-Miżura ta’ Assistenza:

COGINTA”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

L. EDHOLM


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/667 tal-21 ta’ April 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi li tieħu l-forma ta’ programm ġenerali ta’ appoġġ għall-Unjoni Afrikana taħt il-Faċilita Ewropea għall-Paċi għall-perjodu 2022–2024 (ĠU L 121, 22.4.2022, p. 38).