28.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/54


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/437

tat-22 ta’ Frar 2023

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Niżguraw li l-migranti jingħataw akkoljenza dinjituża fl-Ewropa”, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2023) 1121)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Diċembru 2022 il-Kummissjoni ġiet ippreżentata talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Niżguraw li l-migranti jingħataw akkoljenza dinjituża fl-Ewropa”.

(2)

L-għanijiet tal-inizjattiva kif ġew spjegati mill-organizzaturi huma: “Ta’ sikwit it-trattament tal-migranti fl-Unjoni Ewropea (UE) ma jirrispettax il-prinċipji tad-dinjità tal-bniedem, li huwa valur fundamentali tal-Unjoni. Fil-fehma tagħna, ir-raġuni ewlenija għal dan hija l-inadegwatezza persistenti tar-regoli Ewropej u n-nuqqas ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri. Peress li l-Unjoni hija “spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li jirrispetta d-drittijiet fundamentali”, aħna, iċ-ċittadini Ewropej, nitolbu lill-UE tiżgura akkoljenza dinjituża lill-migranti, minnufih kif jidħlu fit-territorju, b’manjiera kompatibbli mad-drittijiet fundamentali li huma rikonoxxuti lil kull bniedem mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u mid-dritt internazzjonali. Nappellaw li jiġu adottati regolamenti, fil-qafas tal-iżvilupp ta’ politika komuni dwar l-ażil, li jikkontribwixxu għal dan billi: 1) jiġi introdott mekkaniżmu ġdid għad-distribuzzjoni ta’ dawk li japplikaw għall-ażil fl-UE, abbażi tar-rieda ħielsa tagħhom u tas-solidarjetà effettiva bejn l-Istati Membri (reviżjoni tar-Regolament ta’ Dublin); 2) tobbliga standards ta’ akkoljenza vinkolanti f’dawk li huma ikel, saħħa; akkomodazzjoni, edukazzjoni u xogħol, li jiggarantixxu kundizzjonijiet tal-għajxien dinjitużi, komparabbli fl-Unjoni kollha.”

(3)

L-inizjattiva tinkludi anness li jipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond. L-organizzaturi jsostnu li minkejja x-xewqa kostanti tal-Kummissjoni li ttejjeb reġim tal-ażil u l-migrazzjoni li ma jaħdimx tajjeb, għad iridu jiġu adottati ħafna bidliet leġiżlattivi u ta’ politika, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali, li jiżguraw it-trattament dinjituż lill-migranti kollha. L-ewwel nett, huma jitolbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmu ġdid għad-distribuzzjoni ta’ dawk li japplikaw għall-ażil fl-Unjoni billi tirrevedi r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bil-ħsieb li tibbilanċja l-kondiviżjoni tal-akkoljenza ta’ dawk li japplikaw għall-ażil fl-UE filwaqt li tqis l-aspirazzjonijiet ta’ dawk li japplikaw għall-ażil bħala kriterju ġdid u tipprevedi mekkaniżmu vinkolanti ta’ solidarjetà għar-rilokazzjoni bejn l-Istati Membri li jikkoreġu allokazzjonijiet sproporzjonati. It-tieni, huma jitolbu li jiġi adottat regolament dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għal dawk li japplikaw għall-ażil fl-UE sabiex jiġu ggarantiti livell ta’ għajxien dinjituż u kundizzjonijiet ta’ għajxien komparabbli madwar l-Unjoni, li jirrikjedi li l-Istati Membri jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, jiżgura li l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza għal dawk li japplikaw għall-ażil jikkonformaw mal-istandards operazzjonali u mal-indikaturi żviluppati mill-Uffiċċju Ewropew għall-Migrazzjoni u l-Ażil (European Asylum and Migration Office, EASO), jiggarantixxi d-drittijiet tat-tfal, jiffaċilita l-aċċess għall-impjieg u jipprevedi pjanijiet ta’ akkoljenza ta’ emerġenza.

(4)

Ġie ppreżentat ukoll dokument addizzjonali li jipprovdi informazzjoni dwar l-isfond tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

(5)

Fir-rigward tal-għanijiet tal-inizjattiva, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposta għal att legali li jintroduċi mekkaniżmu ġdid għad-distribuzzjoni ta’ dawk li japplikaw għall-ażil u jobbliga ċerti standards ta’ akkoljenza abbażi tal-Artikolu 78(2) tat-Trattat fl-Istati Membri.

(6)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(7)

Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inklużi l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ.

(8)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament.

(9)

L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

Għaldaqstant l-inizjattiva intitolata “Niżguraw li l-migranti jingħataw akkoljenza dinjituża fl-Ewropa” għandha tiġi rreġistrata.

(11)

Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva intitolata “Niżguraw li l-migranti jingħataw akkoljenza dinjituża fl-Ewropa” għandha tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Niżguraw li l-migranti jingħataw akkoljenza dinjituża fl-Ewropa”, irrappreżentat mis-Sinjura Stéphanie POPPE u mis-Sinjura Pascale HÖGER li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).