28.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/48


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/436

tal-14 ta’ Frar 2023

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, it-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità dwar kooperazzjoni msaħħa u żvelar ta’ evidenza elettronika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 u l-Artikolu 82(1), flimkien mal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fis-6 ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tipparteċipa, f’isem l-Unjoni, fin-negozjati dwar it-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (CETS Nru. 185) (“il-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità”).

(2)

It-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità dwar il-kooperazzjoni msaħħa u l-iżvelar ta’ evidenza elettronika (“il-Protokoll”) ġie adottat mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis-17 ta’ Novembru 2021 u huwa previst li jinfetaħ għall-iffirmar fit- 12 ta’ Mejju 2022.

(3)

Id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll jaqgħu f’qasam kopert fil-biċċa l-kbira minn regoli komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), inklużi strumenti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jiżguraw standards minimi ta’ drittijiet proċedurali kif ukoll protezzjoni tad-data u salvagwardji tal-privatezza.

(4)

Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposti leġiżlattivi għal Regolament dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali u għal Direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-fini tal-ġbir tal-evidenza fi proċedimenti kriminali, li jintroduċu, Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej transfruntiera vinkolanti li għandhom jiġu indirizzati direttament lil rappreżentant ta’ provditur ta’ servizz fi Stat Membru ieħor.

(5)

Bil-parteċipazzjoni tagħha fin-negozjati dwar il-Protokoll, il-Kummissjoni żgurat il-kompatibbiltà tagħha mar-regoli komuni rilevanti tal-Unjoni.

(6)

Għadd ta’ riżervi, dikjarazzjonijiet, notifiki u komunikazzjonijiet fir-rigward tal-Protokoll huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-Protokoll mal-liġi u l-politiki tal-Unjoni. Oħrajn huma rilevanti biex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi tal-Protokoll mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma Partijiet għall-Protokoll (“l-Istati Membri li huma Partijiet”) fir-relazzjoni tagħhom ma’ pajjiżi terzi li huma Partijiet għall-Protokoll (“pajjiżi terzi li huma Partijiet”), kif ukoll l-applikazzjoni effettiva tal-Protokoll.

(7)

Ir-riżervi, dikjarazzjonijiet, notifiki u komunikazzjonijiet li dwarhom tingħata gwida lill-Istati Membri fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe riżerva jew dikjarazzjoni oħra li jistgħu jkunu jixtiequ jagħmlu individwalment meta l-Protokoll jippermetti dan.

(8)

L-Istati Membri li ma jagħmlux riżervi, dikjarazzjonijiet, notifiki u komunikazzjonijiet skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni fil-mument tal-iffirmar jenħtieġ jagħmlu dan meta jiddepożitaw l-istrument tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-Protokoll.

(9)

Wara r-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni tal-Protokoll, l-Istati Membri jenħtieġ li, barra minn hekk, josservaw l-indikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

(10)

Il-Protokoll jipprevedi proċeduri rapidi li jtejbu l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika u livell għoli ta’ salvagwardji. Għalhekk, id-dħul fis-seħħ tiegħu ser jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u forom oħra ta’ kriminalità fil-livell globali billi jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li huma Partijiet u l-pajjiżi terzi li huma Partijiet, ser jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-individwi, u ser jindirizza l-kunflitti tal-liġijiet.

(11)

Il-Protokoll jipprevedi salvagwardji xierqa f’konformità mar-rekwiżiti għal trasferimenti internazzjonali ta’ data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Għalhekk, id-dħul fis-seħħ tiegħu ser jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni fil-livell globali, jiffaċilita l-flussi tad-data bejn l-Istati Membri li huma Partijiet u l-pajjiżi terzi li huma Partijiet, u jiżgura l-konformità tal-Istati Membri li huma Partijiet mal-obbligi tagħhom skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

(12)

Barra minn hekk, id-dħul fis-seħħ rapidu tal-Protokoll ser jikkonferma l-pożizzjoni tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità bħala l-qafas multilaterali ewlieni għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità.

(13)

L-Unjoni ma tistax tirratifika l-Protokoll, peress li l-Istati biss jistgħu jkunu partijiet għalih..

(14)

Jenħtieġ għalhekk li l-Istati Membri jkunu awtorizzati jirratifikaw il-Protokoll, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

(15)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u ta l-opinjoni tiegħu fil- 21 ta’ Jannar 2022.

(16)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(17)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

(18)

Il-verżjonijiet awtentiċi tal-Protokoll huma l-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż tat-test, adottat mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis- 17 ta’ Novembru 2021,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni, it-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità dwar kooperazzjoni msaħħa u żvelar ta’ evidenza elettronika (“il-Protokoll”) (5).

Artikolu 2

1.   Meta jirratifikaw il-Protokoll, l-Istati Membri li fil-mument tal-iffirmar tal-Protokoll, ma għamlux riżervi, dikjarazzjonijiet, notifiki jew komunikazzjonijiet skont it-Taqsimiet 1 sa 3 tal-Anness għal din id-Deċiżjoni għandhom jagħmlu dan meta jiddepożitaw l-istrument tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-Protokoll.

2.   Wara r-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni tal-Protokoll, l-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, josservaw l-indikazzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 4 tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Frar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SVANTESSON


(1)  Kunsens tas-17 ta’ Jannar 2023 (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(5)  Ara l-paġna 28 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS

Dan l-Anness jistabbilixxi r-riżervi, id-dikjarazzjonijiet, in-notifiki, il-komunikazzjonijiet u l-indikazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 2.

1.   Riżervi

Skont l-Artikolu 19, il-paragrafu 1 tal-Protokoll, Parti tista' tiddikjara li tagħmel użu minn waħda jew iktar mir-riżervi pprovduti f'ċerti artikoli tal-Protokoll..

Skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 9a, tal-Protokoll, Parti tista’ tirriżerva d-dritt li ma tapplikax l-Artikolu 7 ( (Żvelar ta’ informazzjoni dwar l-abbonati). L-Istati Membri għandhom iżommu lura milli jagħmlu tali riżerva..

Skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 9b, tal-Protokoll, Parti tista’, soġġett għall-kundizzjonijiet li hemm fih, tirriżerva d-dritt li ma tapplikax l-Artikolu 7 għal ċerti tipi ta’ numri ta’ aċċess. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu tali riżervi, iżda biss fir-rigward ta’ numri ta’ aċċess għajr dawk neċessarji għall-iskop uniku ta’ identifikazzjoni tal-utent.

Skont l-Artikolu 8, il-paragrafu 13, tal-Protokoll, Parti tista’ tirriżerva d-dritt li ma tapplikax l-Artikolu 8 (L-għoti ta’ effett lill-ordnijiet minn Parti oħra għall-produzzjoni mħaffa ta’ informazzjoni dwar l-abbonati u data dwar it-traffiku) lid-data dwar it-traffiku. L-Istati Membri huma mħeġġa joqogħdu lura milli jagħmlu tali riżerva

Fejn l-Artikolu 19, il-paragrafu 1, jipprovdi bażi għal riżervi oħra, l-Istati Membri huma awtorizzati jikkunsidraw u jagħmlu tali riżervi.

2.   Dikjarazzjonijiet

Skont l-Artikolu 19, il-paragrafu 2, tal-Protokoll, Parti tista' tagħmel id-dikjarazzjonijiet identifikati f'ċerti artikoli tal-Protokoll.

Skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 2b, tal-Protokoll, Parti tista’, fir-rigward ta’ ordnijiet maħruġa lill-provdituri tas-servizzi fit-territorju tagħha, tagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja:

“L-ordni skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 1, trid tinħareġ minn, jew taħt is-superviżjoni ta’, prosekutur jew awtorità ġudizzjarja oħra, jew inkella tinħareġ taħt superviżjoni indipendenti.”

L-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ ordnijiet maħruġa lill-provdituri tas-servizzi fit-territorju tagħhom, jagħmlu d-dikjarazzjoni stabbilita fit-tieni paragrafu ta’ din it-Taqsima.

Skont l-Artikolu 9, (Żvelar imħaffef ta’ data maħżuna tal-kompjuter f’emerġenza), il-paragrafu 1b, tal-Protokoll, Parti tista' tiddikjara li mhijiex ser teżegwixxi talbiet skont il-paragrafu l.a ta' dak l-Artikolu, li tfittex biss id-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar l-abbonati. L-Istati Membri huma mħeġġa joqogħdu lura milli jagħmlu tali dikjarazzjoni.

Fejn l-Artikolu 19, il-paragrafu 2, jipprovdi bażi għal dikjarazzjonijiet oħra, l-Istati Membri huma awtorizzati jikkunsidraw u jagħmlu tali dikjarazzjonijiet.

3.   Dikjarazzjonijiet, notifiki jew komunikazzjonijiet

Skont l-Artikolu 19, il-paragrafu 3, tal-Protokoll, Parti għandha tagħmel kwalunkwe dikjarazzjoni, notifika jew komunikazzjoni identifikata f'ċerti artikoli tal-Protokoll skont it-termini speċifikati fih.

Skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 5a, tal-Protokoll, Parti tista’ tinnotifika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa li meta tinħareġ ordni skont il-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu lil fornitur ta’ servizz fit-territorju tagħha, dik il-Parti teħtieġ, fi kwalunkwe każ jew f'ċirkustanzi identifikati, notifika simultanja tal-ordni, l-informazzjoni supplimentari u sommarju tal-fatti relatati mal-investigazzjoni jew il-proċediment. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jagħmlu n-notifika li ġejja lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa:

“Meta tinħareġ ordni skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 1, lil provditur ta’ servizzi fit-territorju ta’ [Stat Membru], [Stat Membru] jeħtieġ f’kull każ notifika simultanja tal-ordni, informazzjoni supplimentari u sommarju tal-fatti relatati mal-investigazzjoni jew mal-proċediment.”.

Bis-saħħa tal-Artikolu 7, il-paragrafu 5e, tal-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità waħda kompetenti biex tirċievi n-notifika skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 5.a tal-Protokoll, u twettaq l-azzjonijiet deskritti fl-Artikolu 7, il-paragrafu 5.b, 5.c u 5.d, tal-Protokoll, u għandhom, meta tingħata għall-ewwel darba n-notifika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 5.a, tal-Protokoll, jikkomunikaw l-informazzjoni ta' kuntatt ta’ dik l-awtorità lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

Skont l-Artikolu 8, il-paragrafu 4, tal-Protokoll, Parti tista’ tiddikjara li hija meħtieġa informazzjoni ta’ sostenn addizzjonali biex jitwettqu l-ordnijiet skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom, jagħmlu d-dikjarazzjoni li ġejja:

"Hija meħtieġa informazzjoni addizzjonali ta’ appoġġ biex tagħti effett lill-ordnijiet skont l-Artikolu 8, il-paragrafu 1. L-informazzjoni addizzjonali ta’ sostenn meħtieġa ser tiddependi fuq iċ-ċirkostanzi tal-ordni u l-investigazzjoni jew il-proċediment relatati.”.

Skont l-Artikolu 8, il-paragrafi 10.a u 10.b, tal-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw u jżommu aġġornata l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtoritajiet maħtura biex jissottomettu ordni skont l-Artikolu 8, u tal-awtoritajiet maħtura biex jirċievu ordni skont l-Artikolu 8, rispettivament. L-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (1) , li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE"), għandhom jinkludu lill-UPPE, fil-limiti tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu kif previst fl-Artikoli 22, 23 u 25 ta' dak ir-Regolament, fost l-awtoritajiet ikkomunikati skont l-Artikolu 8, il-paragrafi 10.a, 10.b, tal-Protokoll, u jagħmlu dan b'mod koordinat.

Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom, jagħmlu d-dikjarazzjoni li ġejja:

"F’konformità mal-Artikolu 8, il-paragrafu 10 [Stat Membru], bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("UPPE"), jaħtar lill-UPPE, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, kif previst fl-Artikoli 22, 23 u 25 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939, tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”,) bħala awtorità kompetenti."

Skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 7.c, tal-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa l-awtorità jew l-awtoritajiet li għandhom jiġu notifikati skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 7.b, tal-Protokoll, għall-finijiet tal-Kapitolu II, it-Taqsima 2, tal-Protokoll, b'rabta ma’ inċident ta’ sigurtà.

Skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 10.b, tal-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa l-awtorità jew l-awtoritajiet biex jipprovdu awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-Kapitolu II, it-Taqsima 2, tal-Protokoll, fir-rigward tat-trasferiment ulterjuri lil Stat ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali ta’ data riċevuta skont il-Protokoll.

Fejn l-Artikolu 19, il-paragrafu 3, tal-Protokoll jipprovdi bażi għal dikjarazzjonijiet, notifiki jew komunikazzjonijiet oħra, l-Istati Membri huma awtorizzati li jikkunsidraw u jagħmlu tali dikjarazzjonijiet, notifiki jew komunikazzjonijiet.

4.   Indikazzjonijiet oħrajn

L-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa stabbilita mir-Regolament (UE) 2017/1939 għandhom jiżguraw li l-UPPE jista’, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu kif previst fl-Artikoli 22, 23 u 25 ta' dak ir-Regolament, ifittex kooperazzjoni skont il-Protokoll bl-istess mod bħall-prosekuturi nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri.

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ numri ta’ aċċess, l-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw ordni taħt dak l-Artikolu għall-iskrutinju ta’ prosekutur jew awtorità ġudizzjarja oħra meta l-awtorità kompetenti tagħhom tirċievi notifika simultanja tal-ordni qabel l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba mill-provditur.

Skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 11.c, tal-Protokoll l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jittrasferixxu data għall-finijiet tal-Protokoll, il-Parti riċeventi tiġi infurmata li l-qafas legali domestiku tagħhom jeħtieġ li jingħata avviż personali lill-individwu li d-data tiegħu hija pprovduta.

Fir-rigward tat-trasferimenti internazzjonali abbażi tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali (2) ("il-Ftehim Komprensiv"), l-Istati Membri għandhom, għall-finijiet tal-Artikolu 14, il-paragrafu 1.b, tal-Protokoll, jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti li l-Ftehim Komprensiv japplika għat-trasferimenti reċiproċi ta’ data personali skont il-Protokoll bejn l-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, l-Istati Membri għandhom iqisu li l-Ftehim Komprensiv jenħtieġ li jiġi kkomplementat b’salvagwardji addizzjonali li jqisu r-rekwiżiti uniċi tat-trasferiment ta’ evidenza elettronika direttament mill-provditur tas-servizz minflok bejn l-awtoritajiet kif previst skont il-Protokoll. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-komunikazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti:

"Għall-finijiet tal-Artikolu 14, il-paragrafu 1.b, tat-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità("il-Protokoll"), [Stat Membru]iqis li Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali ("il-Ftehim Komprensiv) japplika għat-trasferimenti reċiproċi ta’ data personali skont il-Protokoll bejn l-awtoritajiet kompetenti. Għal trasferimenti bejn il-provdituri ta’ servizzi u l-awtoritajiet skont il-Protokoll, il-Ftehim Komprensiv japplika biss flimkien ma’ arranġament speċifiku ulterjuri skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-paragrafu 1 tal-Ftehim Komprensiv li jindirizza r-rekwiżiti uniċi tat-trasferiment ta’ evidenza elettronika direttament mill-provdituri tas-servizzi aktar milli bejn l-awtoritajiet. Fin-nuqqas ta’ tali ftehim ta’ trasferiment speċifiku, tali trasferimenti jistgħu jsiru skont il-Protokoll, f’liema każ, l-Artikolu 14, il-paragrafu 1.a, flimkien mal-Artikolu 14, il-paragrafi 2 sa 15 tal-Protokoll japplikaw."”.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li japplikaw l-Artikolu 14, il-paragrafu 1.c, tal-Protokoll, biss jekk il-Kummissjoni Ewropea tkun adottat deċiżjoni ta’ adegwatezza bis-saħħa tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jew l-Artikolu 36 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għall-pajjiż terz ikkonċernat li jkopri t-trasferimenti tad-data rispettivi, jew abbażi ta' ftehim ieħor li jiżgura salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 46(2), il-punt a, tar-Regolament (UE) 2016/679 jew l-Artikolu 37(1), il-punt a, tad-Direttiva (UE) 2016/680.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(2)  ĠU L 336, 10.12.2016, p. 3.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).