25.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 59/434


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/431

tal-25 ta’ Frar 2023

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-28 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali.

(2)

Fit-13 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/2208 (2), li stabbiliet qafas ġdid, li jippermetti miżuri restrittivi kontra individwi u entitajiet responsabbli għal theddid għall-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Mali, jew għat-tfixkil jew id-dgħajfien tat-tlestija b’suċċess tat-tranżizzjoni politika tiegħu.

(3)

Fl-24 ta’ Jannar u fl-21 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill innota li l-Awtoritajiet ta’ Tranżizzjoni ddeċidew li jikkooperaw mal-forzi merċenarji affiljati mar-Russja tal-Wagner Group, magħruf għal atroċitajiet, b’mod partikolari abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, is-Sirja, il-Libja, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RCA), is-Sudan, il-Mali u l-Mozambique, li jinkludu tortura u eżekuzzjonijiet u qtil extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji. Il-Kunsill ikkundanna l-preżenza tal-Wagner Group fuq il-post.

(4)

Fid-dawl tal-persistenza tal-gravità tas-sitwazzjoni fil-Mali, jenħtieġ li persuna waħda tiġi inkluża fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775.

(5)

Jenħtieġ għalhekk li l-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 hu emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-25 ta’ Frar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775 tat-28 ta’ Settembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 251, 29.9.2017, p. 23).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2208 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 446, 14.12.2021, p. 44).


ANNESS

L-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 hu emendat kif ġej:

(1)

L-entrata li ġejja tiżdied mal-lista ta’ persuni fiżiċi li tinsab taħt l-intestatura “A. Lista ta’ persuni fiżiċi msemmijin fl-Artikolu 1a(1)”:

 

Isem

Informazzjoni ta’ Identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“6.

Ivan Aleksandrovitch MASLOV

Иван Александрович МАСЛОВ

Data tat-twelid: 11.7.1982 jew 3.1.1980

Post tat-twelid: Arkhangelsk / Chuguevka village, Chuguev district, Primorsky territory

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Funzjoni: Kap tal-Wagner Group fil-Mali

Indirizz: Mhux magħruf, irreġistrat fil-belt ta’ Shatki, fir-reġjun ta’ Nizhni Novgorod skont ‘All eyes on Wagner’

Ivan Aleksandrovitch Maslov huwa l-kap tal-Wagner Group fil-Mali, li l-preżenza tiegħu fil-pajjiż kibret mill-aħħar tal-2021.

Il-preżenza ta’ Wagner fil-Mali hija ta’ theddida għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-pajjiż. B’mod partikolari, il-merċenarji ta’ Wagner kienu involuti f’atti ta’ vjolenza u abbużi multipli tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mali , inkluż qtil extraġudizzjarju, bħall-‘massakru ta’ Moura’ fl-aħħar ta’ Marzu 2022.

Bħala l-kap lokali tal-Wagner Group, Ivan Maslov huwa għalhekk responsabbli għall-azzjonijiet tal-Wagner Group li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Mali, b’mod partikolari l-involviment f’atti ta’ vjolenza u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem.

25.2.2023”

(2)

L-entrata li ġejja tiżdied mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab taħt l-intestatura “B. Lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmijin fl-Artikolu 2a(1)”

 

Isem

Informazzjoni ta’ Identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“6.

Ivan Aleksandrovitch MASLOV

Иван Александрович МАСЛОВ

Data tat-twelid: 11.7.1982 jew 3.1.1980

Post tat-twelid: Arkhangelsk / Chuguevka village, Chuguev district, Primorsky territory

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Funzjoni: Kap tal-Wagner Group fil-Mali

Indirizz: Mhux magħruf, irreġistrat fil-belt ta’ Shatki, fir-reġjun ta’ Nizhni Novgorod skont ‘All eyes on Wagner’

Ivan Aleksandrovitch Maslov huwa l-kap tal-Wagner Group fil-Mali, li l-preżenza tiegħu fil-pajjiż kibret mill-aħħar tal-2021.

Il-preżenza ta’ Wagner fil-Mali hija ta’ theddida għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-pajjiż . B’mod partikolari, il-merċenarji ta’ Wagner kienu involuti f’atti ta’ vjolenza u abbużi multipli tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mali , inkluż qtil extraġudizzjarju, bħall-‘massakru ta’ Moura’ fl-aħħar ta’ Marzu 2022.

Bħala l-kap lokali tal-Wagner Group, Ivan Maslov huwa għalhekk responsabbli għall-azzjonijiet tal-Wagner Group li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Mali, b’mod partikolari l-involviment f’atti ta’ vjolenza u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem.

25.2.2023”.