27.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 61/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/418

tal-24 ta’ Frar 2023

dwar il-konklużjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 77(2), il-punti (b) u (d), u l-Artikolu 79(2), il-punt (c), flimkien mal-Artikolu 218(6), il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1958 (2), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (il-“Ftehim”) kien iffirmat fis-26 ta’ Ottubru 2022, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)

Skont l-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), f’ċirkostanzi li jirrikjedu l-iskjerament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta lejn pajjiż terz fejn il-membri tat-timijiet se jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat abbażi tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha u lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(4)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(5)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (il-“Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni (5).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 22(1) tal-Ftehim (6).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)  Approvazzjoni tal-15 ta’ Frar 2023 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1958 tat-13 ta’ Ottubru 2022 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq (ĠU L 270, 18.10.2022, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(5)  Ara l-paġna 3 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.