21.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 53/37 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/388
tal-20 ta’ Frar 2023
li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għar-rikonoxximent, l-okkupazzjoni jew l-annessjoni illegali mill-Federazzjoni Russa ta’ ċerti żoni tal-Ukrajna mhux ikkontrollati mill-gvern
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fit-23 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 (1). |
(2) |
Fis-6 ta’ Ottubru 2022, b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-reġjuni tal-Ukrajna ta’ Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia mill-Federazzjoni Russa, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1908 (2). Dik id-Deċiżjoni emendat it-titolu tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 u estendiet l-ambitu ġeografiku tar-restrizzjonijiet biex ikopri ż-żoni kollha tal-Ukrajna mhux ikkontrollati mill-gvern fl-oblasts ta’ Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia. |
(3) |
L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u tibqa’ deċiża għall-implimentazzjoni sħiħa tal-politika ta’ nonrikonoxximent fir-rigward tal-annessjoni illegali mir-Russja. L-Unjoni ma tirrikonoxxix l-annessjoni illegali tat-territorji Ukreni mill-Federazzjoni Russa u tkompli tikkundannaha bħala ksur tad-dritt internazzjonali. Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/266, u fid-dawl tal-azzjonijiet illegali kontinwi tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi jiġġeddu sal-24 ta’ Frar 2024. |
(4) |
Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/266, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-24 ta’ Frar 2024.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/266 tat-23 ta’ Frar 2022 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għar-rikonoxximent, l-okkupazzjoni jew l-annessjoni illegali mill-Federazzjoni Russa ta’ ċerti żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-Ukrajna (ĠU L 42I, 23.2.2022, p. 109).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1908 tas-6 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għar-rikonoxximent taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk u d-deċiżjoni li jintbagħtu l-forzi armati Russi f’dawk iż-żoni (ĠU L 259I, 6.10.2022, p. 118).