21.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 53/19 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/387
tal-20 ta’ Frar 2023
b’appoġġ għal mekkaniżmu ta’ rappurtar globali dwar armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom biex jitnaqqas ir-riskju ta’ devjazzjoni u trasferiment illeċitu tagħhom (“iTrace V”)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
L-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-UE tal-2016 (l-”Strateġija Globali tal-UE”) tenfasizza li l-Unjoni ser tippromwovi l-paċi u tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini u t-territorju tagħha u żżid il-kontributi tagħha għas-sigurtà kollettiva. Hija tappoġġa bis-sħiħ ukoll l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar ta’ trattati u reġimi multilaterali ta’ diżarm, nonproliferazzjoni u kontroll tal-armi u tappella għat-”traċċar transfruntier ta’ armi” filwaqt li tirrikonoxxi li s-sigurtà Ewropea tiddependi fuq valutazzjonijiet aħjar u kondiviżi ta’ theddid u sfidi interni u esterni. |
(2) |
L-Istrateġija tal-UE tad-19 ta’ Novembru 2018“Aktar sigurtà fuq l-armi biex nipproteġu liċ-ċittadini - Strateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom” (l-”Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”) tenfasizza li l-armi tan-nar, l-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti (“SALW”) ikomplu jikkontribwixxu għall-instabbiltà u l-vjolenza fl-Unjoni, fil-viċinat immedjat tagħha, u fil-bqija tad-dinja. L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tistabbilixxi l-qafas għal azzjoni għall-Unjoni sabiex jiġu indirizzati dawk l-isfidi u tintrabat li tappoġġa sforzi ta’ riċerka mmirati lejn l-oriġini tas-SALW illeċiti f’żoni ta’ kunflitt, bħall-proġett iTrace imniedi mill-organizzazzjoni Conflict Armament Research. |
(3) |
Il-manifattura, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illeċiti ta’ armi u munizzjon konvenzjonali, u l-akkumulazzjoni eċċessiva u t-tixrid mhux ikkontrollat tagħhom iżidu n-nuqqas ta’ sigurtà fl-Ewropa u fil-viċinat tagħha kif ukoll f’bosta reġjuni oħra tad-dinja, biex b’hekk jiggravaw il-kunflitt u jdgħajfu t-tiswir tal-paċi wara l-kunflitt u joħolqu theddida serja għall-paċi u s-sigurtà Ewropea. |
(4) |
L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tiddikjara li l-Unjoni ser tappoġġa l-ħidma tal-bordijiet tan-NU li jimmonitorjaw l-embargi tal-armi, u li ser tikkunsidra modi kif ittejjeb l-aċċess għas-sejbiet tagħhom dwar id-devjazzjoni u dwar l-armi tan-nar u s-SALW illeċiti għal finijiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi. |
(5) |
Permezz tal-Programm ta’ Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (il-”Programm ta’ Azzjoni tan-NU”), adottat fl-20 ta’ Lulju 2001, l-Istati Membri kollha tan-NU intrabtu li jipprevjenu t-traffikar illeċitu fis-SALW, jew id-devjazzjoni tagħhom lejn destinatarji mhux awtorizzati u, b’mod partikolari, biex jittieħed kont tar-riskju tad-devjazzjoni tas-SALW fil-kummerċ illegali waqt il-valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni. |
(6) |
Fit-8 ta’ Diċembru 2005, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat Strument Internazzjonali li Jippermetti lill-Istati Jidentifikaw u Jittraċċaw, b’Mod f’Waqtu u Affidabbli s-SALW Illeċiti. |
(7) |
Fit-Tielet Konferenza ta’ Rieżami tal-2018 dwar il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU, l-Istati Membri kollha tan-NU affermaw l-impenn tagħhom li jinkoraġġixxu lill-Istati biex meta jkunu qed jittraċċaw SALW illeċiti, inkluż dawk li jinstabu f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u ta’ wara kunflitt, jikkonsultaw rekords fi ħdan l-Istat fejn l-arma żgħira jew l-arma ħafifa tkun instabet u/jew jikkonsultaw mal-Istat ta’ manifattura ta’ dik l-arma. Barra minn hekk, ir-rapport finali tat-”Tmien Laqgħa Biennali tal-Istati tal-2022 biex jikkunsidraw l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-NU” jinnota l-importanza li jiġu żviluppati jew stabbiliti oqfsa regolatorji nazzjonali stretti għall-immarkar, ir-reġistrazzjoni u t-traċċar tas-SALW, f’konformità mal-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-devjazzjoni u t-trasferiment internazzjonali illeċitu tas-SALW lil riċevituri mhux awtorizzati. |
(8) |
Fl-24 ta’ Diċembru 2014, daħal fis-seħħ it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (“TKA”). L-għan tat-TKA huwa li jistabbilixxi l-ogħla standards internazzjonali komuni possibbli għar-regolazzjoni jew it-titjib tar-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali fl-armi konvenzjonali, għall-prevenzjoni u l-qerda tal-kummerċ illeċitu tal-armi konvenzjonali u l-prevenzjoni tad-devjazzjoni tagħhom. L-Unjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri kollha tan-NU fl-implimentazzjoni tal-kontrolli effettivi fuq it-trasferiment tal-armi sabiex jiġi żgurat li t-TKA jkun effettiv kemm jista’ jkun, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tiegħu. |
(9) |
L-Unjoni kienet preċedentement appoġġat lil iTrace bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2013/698/PESK (1), (PESK) 2015/1908 (2), (PESK) 2017/2283 (3) u (PESK) 2019/2191 (4) (iTrace I, II, III u IV) u tixtieq tappoġġa l-iTrace V, il-ħames fażi ta’ dan il-mekkaniżmu globali, ta’ rappurtar dwar armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom sabiex tikkontribwixxi għas-sigurtà kollettiva tal-Ewropa, kif mitlub mill-Istrateġija Globali tal-UE, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE, il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (5), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 (6), l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tal-2018, u l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, l-attivitajiet tal-proġett li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni għandu jkollhom dawn l-objettivi speċifiċi:
— |
il-manutenzjoni kontinwa ta’ sistema globali ta’ ġestjoni tal-informazzjoni faċli għall-utent dwar armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom iddevjati jew traffikati (“iTrace”) dokumentati f’żoni milquta mill-kunflitt sabiex dawk li jfasslu l-politika, l-esperti dwar il-kontroll tal-armi konvenzjonali, u l-uffiċjali tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi konvenzjonali, ikollhom informazzjoni rilevanti biex jiżviluppaw strateġiji u proġetti effettivi u bbażati fuq evidenza kontra t-tixrid illeċitu ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom; |
— |
it-taħriġ u l-mentoraġġ tal-awtoritajiet nazzjonali fi stati affettwati minn kunflitti għall-iżvilupp ta’ kapaċità nazzjonali sostenibbli ta’ identifikazzjoni u traċċar ta’ armi konvenzjonali illeċiti, għall-inkoraġġiment ta’ kooperazzjoni kontinwa mal-proġett iTrace, għall-identifikazzjoni aħjar tal-prijoritajiet tas-sigurtà fiżika u ġestjoni tal-ħażniet (PSSM), għall-artikolazzjoni b’mod aktar effettiv tal-ħtiġijiet nazzjonali fir-rigward tal-kontroll tal-armi u tal-assistenza fl-infurzar tal-liġi, b’mod partikolari l-inizjattivi ffinanzjati mill-Unjoni, bħas-Sistema ta’ Ġestjoni tar-Reġistrar u t-Traċċar ta’ Armi Illeċiti tal-Interpol (iARMS), u l-attivitajiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), u t-tisħiħ tad-djalogu mal-missjonijiet u l-inizjattivi tal-UE; |
— |
it-titjib tal-frekwenza u tat-tul tar-riċerka fuq il-post dwar l-armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, li jiċċirkolaw illegalment fiż-żoni milquta minn kunflitt biex tiġi ġġenerata data għall-iTrace, bi tweġiba għat-talbiet ċari li saru mill-Istati Membri u d-Delegazzjonijiet tal-Unjoni; |
— |
l-appoġġ imfassal apposta lill-awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u lill-persuni li jfasslu l-politika dwar il-kontroll tal-armi tal-Istati Membri , inkluż żjarat konsultattivi ripetuti mill-persunal tal-proġett iTrace fl-ibliet kapitali tal-Istati Membri , helpdesk bil-lejl u bi nhar biex jagħti pariri istantanji dwar l-evalwazzjoni tar-riskju u l-istrateġiji kontra d-diverżjoni, il-manutenzjoni ta’ desktop sigur u ta’ applikazzjonijiet ta’ dashboard mobbli biex jipprovdu notifika istantanja dwar diverżjoni wara l-esportazzjoni, u l-forniment lill-Istati Membri, fuq talba, ta’ verifika wara l-kunsinna mill-persunal tal-proġett iTrace; |
— |
iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni permezz ta’ informazzjoni dwar is-sejbiet tal-proġett, il-promozzjoni tal-iskop u tal-funzjonijiet disponibbli ta’ iTrace lil dawk li jfasslu l-politika internazzjonali u nazzjonali, l-esperti tal-kontroll tal-armi konvenzjonali u l-awtoritajiet tal-liċenzji tal-esportazzjoni tal-armi, u t-tisħiħ tal-kapaċità internazzjonali ta’ monitoraġġ tat-tixrid illeċitu ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom u ta’ materjal relatat kif ukoll l-assistenza lil dawk li jfasslu l-politika fl-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ prijorità għall-assistenza u l-kooperazzjoni internazzjonali u biex jitnaqqas ir-riskju tad-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom; |
— |
il-forniment ta’ rapporti dwar kwistjonijiet ta’ politika ewlenin, meħuda mid-data ġġenerata minn investigazzjonijiet fuq il-post u ppreżentati fuq is-sistema iTrace, dwar oqsma speċifiċi li jistħoqqilhom attenzjoni internazzjonali, inklużi tendenzi maġġuri fit-traffikar tal-armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, u d-distribuzzjoni reġjonali ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom traffikati, u materjal relatat; u |
— |
it-traċċar kontinwu ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri u ta’ Stati mhux tal-UE, bħala l-aktar mezz effettiv biex jiġu stabbiliti u vverifikati, kemm jista’ jkun possibbli, il-mekkaniżmi wara d-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom lejn utenti mhux awtorizzati; it-traċċar ser jiġi ssupplimentat minn investigazzjonijiet ta’ segwitu ffukati fuq l-identifikazzjoni tan-netwerks umani, finanzjarji u loġistiċi moħbija wara t-trasferimenti illeċiti ta’ armi konvenzjonali. |
2. Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“RGħ”) għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq minn Conflict Armament Research Ltd. (“CAR”).
3. Il-CAR għandha twettaq il-kompiti tagħha taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak l-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-CAR.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 6 200 000. Il-baġit totali stmat tal-proġett globali għandu jkun ta’ EUR 8 806 101,20, li għandu jiġi pprovdut permezz ta’ kofinanzjament mill-CAR u mill-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Affarijiet Barranin.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-ammont ta’ referenza finanzjarja msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-CAR. Dak il-ftehim għandu jistipula li l-CAR għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni ta’ dak il-ftehim.
Artikolu 4
1. Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fuq il-bażi ta’ rapporti narrattivi regolari ta’ kull tliet xhur imħejjija mill-CAR. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Entità esterna għandha twettaq evalwazzjoni tal-impatt tal-proġett biex tassisti lill-Kunsill fl-evalwazzjoni tiegħu tar-riżultati ta’ din id-Deċiżjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmija fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jiġi konkluż l-ebda ftehim f’dak il-perjodu.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/698/PESK tal-25 ta’ Novembru 2013 b’appoġġ għal mekkaniżmu globali ta’ rappurtar dwar armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni illeċiti biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu tagħhom (ĠU L 320, 30.11.2013, p. 34).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1908 tat-22 ta’ Ottubru 2015 b’appoġġ għal mekkaniżmu globali ta’ rappurtar dwar armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjon illeċiti biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu tagħhom (“iTrace II”) (ĠU L 278, 23.10.2015, p. 15).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2283 tal-11 ta’ Diċembru 2017 b’appoġġ għal mekkaniżmu globali ta’ rappurtar dwar armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjon illeċiti biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu tagħhom (“iTrace III”) (ĠU L 328, 12.12.2017, p. 20).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/2191 tad-19 ta’ Diċembru 2019 b’appoġġ għal mekkaniżmu ta’ rappurtar globali dwar armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom biex jitnaqqas ir-riskju ta’ devjazzjoni u trasferiment illeċitu tagħhom (“iTrace IV”) (ĠU L 330, 20.12.2019, p. 53).
(5) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 tas-16 ta’ Settembru 2019 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 239, 17.9.2019, p. 16).
ANNESS
DOKUMENT TA’ PROĠETT
Azzjoni b’appoġġ għal mekkaniżmu ta’ rappurtar globali dwar armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom biex jitnaqqas ir-riskju ta’ devjazzjoni u trasferiment illeċitu tagħhom
(“iTrace V”)
Mekkaniżmu ta’ Rappurtar Globali iTrace dwar Armi Konvenzjonali u l-Munizzjon Tagħhom
1. Informazzjoni ġenerali u raġunijiet li jiġġustifikaw l-appoġġ tal-PESK
1.1. |
Din id-Deċiżjoni tibni fuq Deċiżjonijiet suċċessivi tal-Kunsill fil-ġlieda kontra l-impatt destabbilizzanti tad-devjazzjoni u t-traffikar ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom f’żoni milquta mill-kunflitt, b’mod partikolari d-Deċiżjonijiet 2013/698/PESK, (PESK) 2015/1908, (PESK) 2017/2283, u (PESK) 2019/2191, li stabbilixxew u tejbu l-mekkaniżmu ta’ rappurtar globali iTrace dwar armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom.
Il-proliferazzjoni illeċita ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom hija fattur maġġuri li jdgħajjef l-istabbiltà tal-Istat u li jaggrava l-kunflitti, li joħloq theddida serja għall-paċi u s-sigurtà. Kif iddikjarat fl-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, l-armi tan-nar illeċiti u s-SALW qed ikomplu jikkontribwixxu għall-instabbiltà u l-vjolenza fl-Unjoni, fil-viċinat immedjat tagħha, u fil-bqija tad-dinja. Armi ta’ kalibru żgħir illeċiti qed jistimulaw it-terroriżmu u l-kunflitti madwar id-dinja, ifixklu l-iżvilupp u l-ġestjoni tal-kriżijiet tal-Unjoni, kif ukoll sforzi umanitarji u ta’ stabilizzazzjoni f’partijiet fil-viċinat tal-Unjoni u fl-Afrika. Fi ħdan l-Unjoni, l-armi tan-nar illeċiti għandhom impatt ċar fuq is-sigurtà interna, billi jistimulaw il-kriminalità organizzata u jipprovdu lit-terroristi bil-mezzi biex iwettqu attakki fit-territorju Ewropew. Sejbiet reċenti mill-proġett iTrace fl-Afganistan, l-Iraq, il-Jemen, il-Libja, il-Magreb, is-Sirja u l-Ukrajna, u kunflitti oħra qrib il-fruntieri esterni tal-Unjoni, jikkonfermaw id-dikjarazzjonijiet tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW. L-attivitajiet imwettqa skont id-Deċiżjoni (PESK) 2019/2191 ikkonfermaw lil iTrace bħala inizjattiva ta’ monitoraġġ tal-armi fil-kunflitti globali. Il-Proġett iTrace opera f’aktar minn 40 stat affettwati mill-kunflitt, inkluż fl-Afrika, il-Lvant Nofsani, l-Asja Ċentrali, u n-Nofsinhar u l-Lvant tal-Asja, u ħoloq l-akbar repożitorju pubbliku fid-dinja ta’ armi konvenzjonali ddevjati u l-munizzjon tagħhom biex jappoġġa lill-Istati fl-isforzi tagħhom biex jidentifikaw u jindirizzaw id-devjazzjoni skont l-impenji għall-Kriterju 7 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (konsolidata) u l-Artikolu 11 tat-TKA. Huwa jipprevedi rappurtar preċiż dwar id-devjazzjoni ta’ armi u l-munizzjon tagħhom li tirriżulta minn ribelli armati u forzi terroristiċi li huma ta’ theddida għas-sigurtà tal-Unjoni, inkluż Al Qaeda fil-Magreb Iżlamiku u d-Daesh/Stat Iżlamiku, u jwissi b’mod kunfidenzjali u rapidu, lill-awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjonijiet tal-Istati Membri rigward ir-riskji tad-devjazzjoni wara l-esportazzjoni, jipprovdi informazzjoni kritika u f’ħin reali dwar id-dinamika tat-traffikar tal-armi u tal-kunflitt lid-Delegazzjonijiet tal-UE u lill-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri fir-reġjuni milquta mill-kunflitt. Huwa jintegra s-sensibilizzazzjoni tal-kontroll tal-armi u tal-miżuri kontra d-devjazzjoni permezz ta’ impenn bilanċjat u responsabbli tal-media globali. |
1.2. |
Il-proġett iTrace, madankollu, qed jiffaċċa talbiet sostnuti mill-Istati Membri biex jagħti informazzjoni diretta, wiċċ imb wiċċ lill-awtoritajiet nazzjonali tal-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi (inkluż żjarat frekwenti fl-ibliet kapitali, b’mod partikolari wara li tnaqqsu tar-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar marbuta mal-COVID-19) u biex jagħti b’mod bilaterali firxa akbar ta’ riżorsi lil dawk li jfasslu l-politika dwar il-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri.
Din id-Deċiżjoni għandha għalhekk l-għan li tkompli u ttejjeb il-ħidma tal-proġett fil-qafas tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/2191 billi tkompli tipprovdi lill-persuni li jfasslu l-politika tal-Unjoni, l-esperti tal-kontroll tal-armi u l-uffiċjali tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi informazzjoni sistematikament miġbura u rilevanti, li tappoġġahom fl-iżvilupp ta’ strateġiji effikaċi u bbażati fuq l-evidenza kontra d-devjazzjoni u t-tixrid illeċitu ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom sabiex titjieb is-sigurtà internazzjonali u reġjonali. B’hekk, hija ser tkompli tappoġġahom biex jikkombinaw strateġija reattiva ta’ suċċess ma’ azzjoni preventiva adegwata biex jiġu indirizzati l-forniment u d-domanda illegali, u biex jiġi żgurat il-kontroll effettiv ta’ armi konvenzjonali f’pajjiżi terzi. |
1.3. |
Din id-Deċiżjoni tipprevedi l-manutenzjoni kontinwa u aktar titjib tas-Sistema ta’ Rappurtar Globali iTrace dwar Armi aċċessibbli pubblikament. Il-proġetti elenkati fid-Deċiżjoni (PESK) 2019/2191 ser jissaħħu permezz ta’: 1) il-frekwenza u t-tul ta’ żmien miżjuda tal-missjonijiet biex tinġabar data dwar provvisti illeċiti ta’ armi konvenzjonali f’reġjuni milquta mill-kunflitt; 2) pakketti ta’ appoġġ imfassla apposta pprovduti lill-Istati Membri li jinkludu konsultazzjoni diretta, data u outputs personalizzati, help desk ta’ 24 siegħa, u l-għoti tal-kompitu tal-verifika ta’ wara t-trasportazzjoni; u 3) it-taħriġ u l-mentoraġġ tal-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati milquta mill-kunflitt biex jintraċċaw armi konvenzjonali illeċiti li nstabu jew li nqabdu fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħhom, biex jibnu kapaċità kontra d-devjazzjoni, inkluż kapaċitajiet ta’ traċċar fil-qafas tal-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar (ITI), biex itejbu l-ġestjoni tal-armi, inkluż iż-żamma ta’ rekords, u biex jagħtu spinta lill-ġbir tad-data tal-iTrace. |
2. Objettivi ġenerali
L-Azzjoni deskritta hawn taħt ser tappoġġa ulterjorment lill-komunità internazzjonali fil-ġlieda kontra l-impatt destabbilizzanti tad-devjazzjoni u t-traffikar ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom. Hija ser tkompli tipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika, l-esperti tal-kontroll tal-armi u l-uffiċjali ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi informazzjoni rilevanti, li tappoġġahom fl-iżvilupp ta’ strateġiji effikaċi u bbażati fuq l-evidenza kontra d-devjazzjoni u t-tixrid illeċitu ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom sabiex titjieb is-sigurtà internazzjonali u reġjonali. B’mod speċifiku, l-Azzjoni ser:
(a) |
tipprovdi informazzjoni konkreta dwar id-devjazzjoni u t-traffikar ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, biex tappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944 (konsolidata), it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA), il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU dwar il-Kummerċ Illeċitu fis-SALW u l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar (ITI); |
(b) |
tipprovdi appoġġ imfassal apposta lill-Istati Membri biex tgħinhom fil-valutazzjoni u fil-mitigazzjoni tar-riskju ta’ devjazzjoni; |
(c) |
tikxef rotot u entitajiet involuti fid-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom lejn ir-reġjuni milquta mill-kunflitt jew lill-organizzazzjonijiet terroristiċi internazzjonali u tipprovdi evidenza ta’ gruppi u individwi attivi fil-kummerċ illeċitu, b’appoġġ tal-proċedimenti legali nazzjonali; |
(d) |
ittejjeb il-kooperazzjoni bejn korpi, missjonijiet u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rilevanti tan-NU, fil-qasam tat-traċċar ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, u tal-forniment ta’ informazzjoni direttament b’appoġġ għall-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ eżistenti, inkluż l-iARMS tal-INTERPOL, u l-EUROPOL, fejn din tal-aħħar ikkonkludiet memorandum ta’ skambju ta’ informazzjoni mal-CAR fl-2019; |
(e) |
tipprovdi informazzjoni rilevanti biex jiġu identifikati oqsma ta’ prijorità għall-kooperazzjoni u l-assistenza internazzjonali u reġjonali fil-ġlieda effettiva kontra d-devjazzjoni u t-traffikar ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, bħall-finanzjament għal proġetti fir-rigward tas-sigurtà ta’ ħażniet u/jew il-ġestjoni tal-fruntieri; |
(f) |
toffri mekkaniżmu għall-assistenza fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tat-TKA, speċifikament għall-identifikazzjoni tad-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali trasferiti kif ukoll għall-assistenza lill-Gvernijiet fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ devjazzjoni qabel l-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali, speċifikament ir-riskju ta’ devjazzjoni fil-pajjiż li jirċievi jew ta’ esportazzjoni mill-ġdid taħt kondizzjonijiet mhux mixtieqa; u |
(g) |
b’reazzjoni għat-theddid li qed jevolvi għas-sigurtà tal-Unjoni, tissaħħaħ il-kapaċità tal-CAR li tiddokumenta, tittraċċa, u tanalizza l-ktajjen ta’ kustodja tal-komponenti li jinsabu f’tagħmir militari u li tirrapporta dawn is-sejbiet lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE. |
3. Sostenibbiltà u eżiti tal-proġett fit-tul
L-Azzjoni ser tipprovdi qafas sostenibbli għall-monitoraġġ sostnut tat-tixrid illeċitu ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom. Mistennija li ssaħħaħ b’mod sostanzjali l-informazzjoni eżistenti relatata mal-armi u li tappoġġa b’mod sinifikanti l-iżvilupp immirat tal-kontroll effettiv tal-armi konvenzjonali u l-linji ta’ politika ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, inkluż ir-reġimi ta’ sanzjonijiet. B’mod speċifiku, il-proġett ser:
(a) |
idaħħal aktar informazzjoni fis-sistema ta’ ġestjoni ta’ informazzjoni iTrace li ser tiżgura l-ġbir u l-analiżi fit-tul tad-data dwar armi konvenzjonali illeċiti; |
(b) |
jipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika u lill-esperti b’għodda biex jiġu definiti strateġiji aktar effettivi u oqsma ta’ prijorità ta’ assistenza u kooperazzjoni (pereżempju, billi jiġu identifikati l-kooperazzjoni subreġjonali jew reġjonali, il-koordinazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni li jeħtieġ li jiġu stabbiliti jew imsaħħa, billi jiġu identifikati ħażniet nazzjonali li mhumiex siguri, ġestjoni mhux adegwata ta’ inventarji, rotot ta’ trasferiment illegali, ksur ta’ sanzjonijiet, kontrolli dgħajfa tal-fruntieri, u kapaċitajiet insuffiċjenti tal-infurzar tal-liġi); |
(c) |
ikun fih il-flessibbiltà integrali biex jiġġenera l-informazzjoni rilevanti ta’ politika, irrispettivament mir-rekwiżiti ta’ politika li jinbidlu rapidament; |
(d) |
iżid sostanzjalment l-effikaċja ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u individwi li jimmonitorjaw l-armi billi jipprovdi mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni ta’ ambitu dejjem jespandi u assistenza teknika u fil-qasam tal-kapaċitajiet; u |
(e) |
isawwar kapaċità nazzjonali sostenibbli fl-Istati milquta mill-kunflitt fl-identifikazzjoni u t-traċċar ta’ armi konvenzjonali illeċiti u jinvolvi ruħu b’mod aktar effikaċi fil-kontroll internazzjonali tal-armi u fil-proċessi tal-infurzar tal-liġi. |
4. Deskrizzjoni tal-Azzjoni
4.1. Proġett 1: Żvilupp tal-kapaċitajiet tekniċi fl-identifikazzjoni u t-traċċar tal-armi.
4.1.1. Objettiv tal-proġett
Il-programmi iTrace ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali fl-istati milquta minn kunflitt il-metodi u l-ħiliet biex jagħmlu awtodijanjosi u jindirizzaw id-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali. It-taħriġ għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċità li spiss tkun ineżistenti li jidentifikaw u jittraċċaw armi konvenzjonali illeċiti, filwaqt li l-mentoraġġ jippermetti lill-persunal tal-proġett iTrace jidentifika lakuni ta’ kapaċità kritiċi f’ħin reali u immedjatament ifassal soluzzjonijiet biex jindirizzawhom. Barra minn hekk, il-programmi iTrace ta’ taħriġ u ta’ konsulenza, jissudaw ir-relazzjonijiet bejn il-proġett iTrace u l-awtoritajiet nazzjonali, li jippermetti li t-timijiet ta’ investigazzjoni tiegħu fuq il-post ikollhom aċċess akbar għal armi konvenzjonali maqbuda u rkuprati — biex b’hekk tissaħħaħ il-firxa sħiħa ta’ ġbir, analiżi u rappurtar tad-data tal-iTrace.
4.1.2. Benefiċċju għal inizjattivi tal-UE dwar il-kontroll tal-armi
Il-programmi iTrace ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ iwieġbu għal azzjonijiet indirizzati fl-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW — biex jappoġġaw il-kapaċitajiet nazzjonali għat-”traċċar u r-rintraċċar tal-oriġini ta’ SALW illeċiti u munizzjon f’żoni ta’ kunflitt” — u direttament u indirettament isaħħu firxa wiesgħa ta’ inizjattivi ta’ kontroll tal-armi appoġġati mill-Istat Membru. L-impatti diretti jinkludu l-appoġġ għall-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi biex jiġu traċċati armi ħfief u ta’ kalibru żgħir skont l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, it-titjib tal-kapaċità nazzjonali biex tinġabar data dwar armi traċċati fil-qafas tal-indikatur tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) 16.4.2, u l-appoġġ għal programmi ta’ ġestjoni ta’ armi u munizzjon (WAM) fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri. L-impatti indiretti jinkludu l-”ġbir lura” tal-informazzjoni miġbura fuq il-post, bħat-twissija lill-Istati Membri dwar ir-riskji ta’ devjazzjoni li jiltaqgħu magħhom f’pajjiżi sħab u l-identifikazzjoni ta’ devjazzjoni minn ħażniet nazzjonali u l-għoti ta’ din l-informazzjoni lill-programmi ta’ sigurtà fiżika u ġestjoni tal-ħażniet (PSSM) appoġġati mill-Unjoni.
4.1.3. Attivitajiet tal-proġett
L-Unità ta’ Appoġġ Tekniku (TSU) tal-CAR twassal attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ lill-awtoritajiet nazzjonali fl-istati milquta minn kunflitt li fihom jopera l-proġett iTrace. Dawn l-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ huma mfassla biex jagħtu spinta lil inizjattivi nazzjonali kontra d-devjazzjoni fl-oqsma kollha billi jipprovdu żvilupp ta’ struzzjonijiet u kapaċitajiet dwar it-traċċar ta’ armi konvenzjonali, l-immarkar u ż-żamma ta’ rekords, li jsegwu l-proċeduri stabbiliti tal-ITI, ta’ armi konvenzjonali illeċiti maqbuda, u valutazzjonijiet tal-PSSM li huma mfassla biex jidentifikaw u jindirizzaw ir-riskji ta’ devjazzjoni fis-sors. Il-CAR ser tipprovdi taħriġ speċjalizzat u bbażat fuq il-ħtiġijiet dwar l-ispettru sħiħ ta’ attivitajiet elenkati hawn fuq lis-sħab lokali u, fejn meħtieġ, lill-persunal ta’ appoġġ għall-paċi, inkluż il-Missjonijiet tan-NU u tal-UE u l-gruppi/panels ta’ monitoraġġ tas-sanzjonijiet tan-NU. F’dan ir-rigward, il-Proġett iTrace ser ikompli jwieġeb direttament għall-azzjoni elenkata fl-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tal-2018, li tappella għall-appoġġ tal-UE biex “bordijiet tan-NU li jimmonitorjaw l-embargi tal-armi” u tikkunsidra ta’ “modi kif ittejjeb l-aċċess għas-sejbiet tagħhom dwar id-devjazzjoni u l-armi tan-nar u s-SALW illeċiti għal finijiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi.” It-taħriġ taħt il-Proġett iTrace ser jibni fuq firxa ta’ servizzi offruti mill-CAR mill-2014, li wera li kien kritiku fl-appoġġ tas-sħab lokali fi stati affettwati minn kunflitt, ta l-għajnuna lil bordijiet tan-NU, kif ukoll żgura aċċess akbar għal timijiet ta’ investigazzjoni iTrace fuq il-post. Il-proġett ser jibgħat persunal mit-timijiet ta’ investigazzjoni tiegħu fuq il-post u t-TSU biex jagħtu struzzjonijiet f’livelli progressivament aktar tekniċi, li jinkludu:
(a) |
introduzzjoni għall-ġbir tad-data dwar l-armi konvenzjonali, b’referenza għal każijiet speċifiċi; |
(b) |
identifikazzjoni bażika ta’ armi konvenzjonali u tekniki ta’ dokumentazzjoni effettivi; |
(c) |
proċeduri operattivi standard għall-ġbir tad-data u l-katina evidenzjarja tal-kustodja; |
(d) |
ir-rekwiżiti tal-investigazzjonijiet fuq distanza twila, reġjonali u internazzjonali; |
(e) |
l-implimentazzjoni tal-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar; fejn xieraq, l-awtoritajiet f’pajjiżi sħab ser jitħarrġu u jiġu mħeġġa jibdew talbiet ta’ traċċar; |
(f) |
it-traċċar internazzjonali tal-armi u s-sistemi tat-traċċar tal-armi (b’mod partikolari Interpol u Europol);l-użu ta’ “big data” u tal-analiżi tax-xejriet; u |
(g) |
modi għall-assistenza teknika (internazzjonali) u l-intervent tal-infurzar tal-liġi. |
Dawn l-attivitajiet ser isiru flimkien mal-investigazzjonijiet iTrace fuq il-post — inkluż (il-mentoraġġ) tal-investigazzjonijiet konġunti li jsiru mill-awtoritajiet tal-gvern nazzjonali. Dawn ser jinkludu wkoll it-taħriġ kontinwu u ċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid tal-persunal tal-CAR meħtieġ biex jimplimenta t-taħriġ u l-mentoraġġ.
4.1.4. Riżultati tal-proġett
Il-proġett ser:
(a) |
jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali biex jagħtu aċċess akbar lit-timijiet ta’ investigazzjoni iTrace fuq il-post, billi jirrispondu għal sejħiet ripetuti biex tiġi pprovduta kapaċità ta’ assistenza teknika u investigazzjoni konġunta u li jkun ekwivalenti għal żieda fil-kapaċità ta’ ġbir tad-data tal-iTrace. |
(b) |
jipprovdi assistenza konkreta għall-kapaċità lill-gvernijiet nazzjonali li, filwaqt li jsofru l-impatti tad-devjazzjoni tal-armi konvenzjonali, huma nieqsa mill-għodod biex jidentifikaw u jirrappurtaw dwar armi konvenzjonali iddevjati; dan spiss ikun prekursur għal ġestjoni aktar effettiva tal-armi konvenzjonali domestiċi u, bħala tali, jappoġġa l-implimentazzjoni tat-TKA, tal-ITI, tal-PtA, u tal-SDG 16.4.2 u tal-programmar u l-kollegament tal-PSSM mal-korpi internazzjonali tal-infurzar tal-liġi, inkluż l-Interpol (iARMS) u l-Europol. |
(c) |
jappoġġa djalogu msaħħaħ, b’mod partikolari billi jidentifika partijiet ikkonċernati ewlenin għal inizjattivi oħra appoġġati mill-UE, pereżempju r-relazzjonijiet tal-Missjonijiet tal-UE mal-gvernijiet ospitanti, u jagħti bidu lil inizjattivi, bħall-ipprogrammar tal-PSSM, pereżempju proġetti appoġġati mill-Unjoni għall-ġestjoni tal-ħażniet. |
4.1.5. Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett
Sa 40 żjara fuq il-post ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ, b’enfasi fuq żjarat ripetuti biex l-awtoritajiet nazzjonali jiġu appoġġati fil-bini ta’ kapaċità ta’ traċċar.
Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perjodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.
4.1.6. Benefiċjarji tal-proġett
L-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ iTrace ser ikollhom benefiċċji diretti għall-partijiet nazzjonali kkonċernati fi stati milquta mill-kunflitt, inkluż korpi ta’ infurzar tal-liġi u prosekuturi. Il-programm ser joffri appoġġ indirett għad-djalogi nazzjonali ma’ inizjattivi ffinanzjati mill-Unjoni u dawk oħrajn ta’ kontroll tal-armi, li jinkoraġġixxu l-użu ta’ mekkaniżmi internazzjonali ta’ traċċar (inkluż is-sistema iARMS tal-Interpol u l-Europol), u li jiffaċilitaw l-involviment ma’ proġetti appoġġati mill-Unjoni dwar il-ġestjoni ta’ ħażniet u proġetti oħra ta’ kontroll tas-SALW.
4.2. Proġett 2: Żamma tas-sistema iTrace b’evidenza dokumentarja dak il-ħin dwar id-devjazzjoni u t-traffikar ta’ armi konvenzjonali oħrajn u munizzjon, u informazzjoni rilevanti oħra.
4.2.1. Objettiv tal-proġett
Il-proġett ser isostni riċerka fuq il-post dwar armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom li jiċċirkulaw fiż-żoni milquta mill-konflitt. Il-proġett ser jagħti prijorità lill-pajjiżi ta’ tħassib partikolari għall-Istati Membri, inkluż, fost l-oħrajn, l-Afganistan, l-Iraq, il-Jemen, il-Libja, il-Mali, is-Sirja, is-Somalja, is-Sudan t’Isfel u l-Ukrajna. Dawn l-investigazzjonijiet fuq il-post ser jipprovdu evidenza konkreta ta’ armi konvenzjonali ddevjati f’idejn forzi ribelli u terroristiċi, li inkella jkunu inviżibbli għall-osservaturi esterni (inkluż l-Istati Membri tal-UE li jesportaw l-armi). Il-CAR ser titlob l-approvazzjoni minn qabel tal-Grupp ta’ Ħidma tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta’ Armi Konvenzjonali (COARM) qabel ma jsir involviment sostantiv fil-pajjiżi kollha li preċedentement ma kinux soġġetti għal investigazzjonijiet iTrace fuq il-post jew programmi iTrace ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ.
Bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda u tekniki forensiċi avvanzati, il-CAR ser timplimenta firxa ta’ attivitajiet fuq il-post, inkluż dokumentazzjoni fotografika msaħħa, sfruttament forensiku, u rkupru ta’ marki mħassra. Il-CAR uriet li dawn il-metodi jiżvelaw informazzjoni traċċabbli dwar armi, munizzjon u materjal relatat li qabel ma kinux traċċabbli, li jippermettu investigazzjonijiet f’firxa dejjem akbar ta’ materjal illeċitu, li l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tiegħu tneħħiet biex tinħeba l-provenjenza.
Id-data li tirriżulta ser ittejjeb il-fehim kollettiv tal-Istati Membri dwar id-devjazzjoni u t-trasferimenti illeċiti, il-metodi użati mit-traffikanti biex jaħbuhom, u ttejjeb b’mod sostanzjali l-kapaċitajiet tagħhom li jfixklu l-kummerċ illeċitu.
4.2.2. Benefiċċju għal inizjattivi tal-UE dwar il-kontroll tal-armi
L-investigazzjonijiet iTrace fuq il-post jipprovdu linja bażi dinamika ta’ armi konvenzjonali ddevjati fi stati milquta mill-kunflitt. Din il-linja bażi tipprovdi kejl kontinwu tal-effikaċja tal-ftehimiet dwar il-kontroll tal-armi li l-Istati Membri impenjaw ruħhom għalihom, inkluż fost l-oħrajn: il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (konsolidata); it-TKA; il-PtA; u l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tal-2018. Id-dokumentazzjoni dettaljata ta’ armi ta’ kunflitt isservi wkoll bħala pjattaforma ta’ tnedija għal traċċi formali ta’ armi konvenzjonali u għal investigazzjonijiet komprensivi fil-kunflitti, il-finanzjament u n-networks tal-provvista tal-armi.
4.2.3. Attivitajiet tal-proġett
L-attivitajiet li ġejjin ser jitwettqu fil-qafas ta’ dan il-proġett:
(a) |
l-istazzjonament ta’ esperti kwalifikati tal-armi biex iwettqu analiżi fuq il-post ta’ armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom, irkuprati minn stati milquta mill-kunflitt; |
(b) |
l-analiżi, ir-rieżami u l-verifika ta’ evidenza dokumentata dwar l-armi konvenzjonali, il-munizzjon tagħhom u l-utenti tagħhom, inkluż, fost l-oħrajn, id-dokumentazzjoni fotografika, l-isfruttar forensiku, u l-irkupru ta’ marki mħassra ta’ armi, il-partijiet komponenti u l-immarkar intern u estern tagħhom, l-ippakkjar u d-dokumentazzjoni tat-trasport marittimu assoċjata, flimkien mar-riżultati ta’ investigazzjonijiet fuq il-post (l-utenti, il-fornituri u r-rotot ta’ trasferiment); |
(c) |
l-introduzzjoni tal-evidenza kollha miġbura u riveduta fis-sistema ta’ ġestjoni ta’ informazzjoni iTrace u, ladarba tiġi verifikata, fil-portal tal-immappjar online tal-iTrace; |
(d) |
l-identifikazzjoni u l-appoġġ tas-sħab lokali biex tiġi żgurata l-ġabra sostnuta ta’ data b’appoġġ għall-iTrace matul u lil hinn mid-durata tal-Azzjoni proposta; |
(e) |
il-kuntatt li jitkompla mal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE biex jintgħażlu punti ta’ kuntatt nazzjonali minn qabel, u mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni, sabiex jiġi ċċarat l-ambitu tal-investigazzjonijiet tal-CAR, u jittaffew kunflitti possibbli ta’ interess, qabel l-investigazzjonijiet tagħha. |
Il-proġett ser jiġi implimentat b’mod inkrementali matul il-perjodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.
4.2.4. Riżultati tal-proġett
Il-proġett ser:
(a) |
jiddokumenta, in situ, l-evidenza fiżika ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom iddevjati jew traffikati fir-reġjuni milquta minn kunflitt; |
(b) |
jivverifika u jiżviluppa każijiet ta’ traffikar illeċitu minn evidenza miġbura mill-CAR, minn organizzazzjonijiet li għandhom ftehimiet permanenti għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni mal-CAR u, kif xieraq, minn organizzazzjonijiet oħrajn, dwar l-armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom iddevjati jew traffikati fir-reġjuni kollha; |
(c) |
jipprovdi evidenza viżwali u fiżika konkreti ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjoni tagħhom iddevjati jew traffikati, inkluż ritratti tal-oġġetti, il-komponenti tagħhom, in-numri ta’ serje, il-marki tal-fabbrika, il-kaxxi, il-listi tal-ippakkjar u d-dokumenti tat-trasport tagħhom, u d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni tal-utent finali miksuba permezz tal-sfruttament forensiku u l-irkupru ta’ marki mħassra; |
(d) |
jiġġenera rapporti testwali ta’ attività illeċita, inkluż ir-rotot ta’ traffikar, l-atturi u n-networks finanzjarji u ta’ appoġġ involuti fid-devjazzjoni jew it-trasferiment illeċitu u l-valutazzjonijiet ta’ fatturi kontribwenti (inkluż il-ġestjoni u s-sigurtà ineffettivi ta’ ħażniet u n-netwerks ta’ forniment illeċitu u deliberatament orkestrati mill-istat); |
(e) |
itella’ l-evidenza msemmija hawn fuq fis-sistema ta’ ġestjoni ta’ informazzjoni iTrace u l-għodod relatati. |
4.2.5. Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett
Sa 75 stazzjonament fuq il-post (inkluż stazzjonament estiż fejn meħtieġ) matul il-perjodu ta’ erba’ snin biex tiġi ġġenerata evidenza li tittella’ fis-sistema ta’ ġestjoni ta’ informazzjoni u l-portal tal-immappjar online tal-iTrace.
Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perjodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.
4.2.6. Benefiċjarji tal-proġett
L-iTrace ser ikompli jipprovdi informazzjoni dejjem aktar komprensiva mmirata espliċitament l-ewwel u qabel kollox lejn dawk li jfasslu l-politika ta’ kontroll tal-armi nazzjonali tal-UE, u l-awtoritajiet tal-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi kif ukoll l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u missjonijiet tal-UE. Dawn il-benefiċċjarji tal-UE ser ikollhom ukoll aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali permezz ta’ pjattaformi siguri għad-desktops u s-sistemi operatorji mobbli pprovduti minn iTrace.
L-informazzjoni pubblika ser tkompli tkun aċċessibbli wkoll għall-benefiċjarji kollha tal-UE, kif ukoll għall-benefiċjarji li mhumiex mill-UE, bħal dawk li jfasslu l-politika ta’ kontroll tal-armi u l-awtoritajiet tal-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi f’pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet ta’ riċerka mhux governattivi, organizzazzjonijiet ta’ promozzjoni u l-mezzi tax-xandir tal-aħbarijiet internazzjonali.
4.3. Proġett 3: Appoġġ imfassal apposta għall-awtoritajiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, għal dawk li jfasslu l-politika ta’ kontroll tal-armi, u għall-partijiet ikkonċernati assoċjati tal-Istati Membri.
4.3.1. Objettiv tal-proġett
Il-proġett ser jipprovdi lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, lil dawk li jfasslu l-politika ta’ kontroll tal-armi, u lill-partijiet ikkonċernati assoċjati b’appoġġ bilaterali konsistenti, inkluż żjarat regolari wiċċ imb wiċċ u rappurtar personalizzat, li ser jitfassal skont l-oqsma ta’ interess speċifiċi tagħhom għall-kontroll tal-armi u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni. L-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri ser tiġi ttrattata bir-rispett u l-kunfidenzjalità dovuti. Il-CAR ser tkompli wkoll tkun f’kuntatt ma’ firxa ta’ awtoritajiet tal-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi nazzjonali ta’ pajjiżi terzi. Dawn ir-relazzjonijiet ser jappoġġaw diversi aspetti kritiċi tal-isforzi internazzjonali biex jiġu indirizzati d-devjazzjoni u t-traffikar ta’ armi konvenzjonali u ser isaħħu l-miżuri kontra d-devjazzjoni internazzjonali, inkluż:
(a) |
l-għoti ta’ informazzjoni u evidenza dettaljata dwar devjazzjoni dokumentata lill-awtoritajiet ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi; u |
(b) |
l-appoġġ jew l-għoti, fuq talba uffiċjali minn awtoritajiet tal-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi nazzjonali tal-UE, il-kapaċità ta’ verifika wara t-trasportazzjoni/wara l-konsenja lejn Stati Membri. |
4.3.2 Benefiċċju għal inizjattivi tal-UE dwar il-kontroll tal-armi
Iż-żjarat regolari tat-Timijiet tal-Proġett iTrace fl-ibliet kapitali tal-Istati Membri jippermettu diskussjonijiet bilaterali dwar suġġetti sensittivi (jiġifieri d-devjazzjoni ta’ wara l-esportazzjoni), jippermettu lill-Istati Membri jagħtu kontribut dirett fit-tfassil tal-iTrace u r-riżultati tiegħu (id-direzzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjonijiet u t-tipi ta’ rappurtar), u jgħinu fl-iżvilupp ta’ miżuri tal-bini ta’ fiduċja (jiġifieri n-”notifika minn qabel” u d-”dritt ta’ tweġiba” tal-iTrace). B’mod kritiku, il-ħidma ta’ sensibilizzazzjoni tal-iTrace favur l-Istati Membri tipprovdi forum għal diskussjoni spiss sfumata dwar sfidi u opportunitajiet nazzjonali relatati mal-Kriterju 7 tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (konsolidata) u impenji tal-Artikolu 11 tat-TKA. Skont il-Proġetti iTrace tal-passat (I-IV), iż-żjarat ta’ ħidma ta’ sensibilizzazzjoni kienu kritiċi għal fehim tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-Istati Membri, kemm ta’ natura ġenerali (jiġifieri “x’inhi l-valutazzjoni ta’ theddida tiegħek rigward l-armi li jidħlu f’teatru partikolari ta kunflitt armat”) kif ukoll dawk li huma speċifiċi għall-Proġett iTrace (jiġifieri “neħtieġu tabella operattiva li twissina immedjatament dwar kull arma prodotta domestikament li jiddokumentaw it-timijiet tal-iTrace fuq il-post”).
4.3.3. Attivitajiet tal-proġett
L-attivitajiet li ġejjin ser jitwettqu fil-qafas ta’ dan il-proġett:
(a) |
it-timijiet tal-iTrace jintbagħtu fuq żjarat ripetuti għand l-awtoritajiet rilevanti fil-bliet kapitali tal-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kontra d-devjazzjoni, u jirrappurtaw dwar l-investigazzjonijiet tagħhom; |
(b) |
it-tkomplija ta’ help desk ta’ 24 siegħa biex jagħti pariri immedjati dwar allegazzjonijiet fl-istampa kontra d-devjazzjoni jew potenzjalment negattivi li jirriżultaw minn rappurtar mhux verifikat ta’ partijiet terzi; |
(c) |
iż-żamma, is-sigurtà u t-titjib tas-Sistema ta’ Rappurtar Globali iTrace dwar Armi, inkluż l-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi. |
(d) |
iż-żamma ta’ dashboards online għall-awtoritajiet tal-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-Istati Membri, li jagħmlu streaming ta’ data kriptata mis-sistema ta’ ġestjoni ta’ informazzjoni iTrace, billi jimmarkaw bi “twissija ħamra” l-partijiet bi storja ta’ devjazzjoni tal-armi konvenzjonali, ifasslu profili ta’ destinazzjonijiet ta’ riskju kbir u jirrappurtaw, f’ħin reali, id-devjazzjoni ta’ armi mmanifatturati domestikament; u |
(e) |
fuq talba uffiċjali mill-awtoritajiet tal-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri, it-twettiq ta’ kontrolli tal-użu aħħari (verifika) wara l-konsenja, jew l-appoġġ għalihom, minn timijiet ta’ investigazzjoni fuq il-post ta’ iTrace għall-Istati Membri. |
Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perjodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.
4.3.4. Riżultati tal-proġett
Il-proġett ser:
(a) |
jassisti lill-awtoritajiet tal-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri, fuq talba tagħhom biex tiġi identifikata devjazzjoni ta’ wara l-esportazzjoni; |
(b) |
jipprovdi informazzjoni biex tiġi appoġġata l-analiżi tar-riskju ta’ devjazzjoni mill-awtoritajiet tal-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri, f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (konsolidata) u mat-TKA, qabel ma jingħataw il-liċenzji ta’ esportazzjoni; |
(c) |
fuq talba tagħhom, jipprovdi lill-awtoritajiet tal-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri b’kapaċità ta’ verifika ta’ wara l-konsenja; |
(d) |
jappoġġa lil dawk li jfasslu l-politika ta’ kontroll tal-armi tal-Istati Membri b’informazzjoni f’ħin reali dwar ix-xejriet tad-devjazzjoni u t-traffikar biex jiġi appoġġat l-impenn nazzjonali fil-proċessi ta’ politika internazzjonali; u |
(e) |
jassisti lill-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri b’appoġġ ta’ investigazzjonijiet kriminali, fejn applikabbli u fuq talba tagħhom. |
4.3.5. Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett
Iż-żamma ta’ dashboards online li ser jagħmlu streaming tal-informazzjoni minn kompartimenti siguri fis-sistema iTrace lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri. Help desk, li ser ikun immexxi mill-persunal tal-proġett iTrace, biex jagħti appoġġ sħiħ lill-awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u lil dawk li jfasslu l-politika ta’ kontroll tal-armi tal-Istati Membri. Sa 45 żjara fil-bliet kapitali tal-Istati Membri fuq talba.
Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perjodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.
4.3.6. Benefiċjarji tal-proġett
L-Istati Membri interessati kollha, bi żjarat fil-bliet kapitali u missjonijiet ta’ verifika ta’ wara l-konsenja mwettqa fuq talba.
4.4. Proġett 4: Sensibilizzazzjoni, konsulenza dwar il-politika u koordinazzjoni internazzjonali
4.4.1. Objettiv tal-proġett
Il-proġett ser juri, juża u jkompli jiżviluppa l-benefiċċji ta’ iTrace għal dawk li jfasslu l-politika internazzjonali u nazzjonali, l-esperti tal-kontroll tal-armi konvenzjonali, u l-awtoritajiet tal-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi. Il-CAR ser tikseb dan billi twettaq attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ konsulenza dwar il-politika. Dawn l-inizjattivi ser jitfasslu wkoll biex jiġi kkoordinat aktar il-qsim tal-informazzjoni u l-bini ta’ sħubiji sostenibbli ma’ individwi u organizzazzjonijiet li jistgħu jiġġeneraw informazzjoni li tista’ tittella’ fis-sistema iTrace.
4.4.2. Benefiċċju għal inizjattivi tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-armi
F’diversi konferenzi, avvenimenti u proċessi, il-proġett ser juri l-appoġġ mill-Unjoni għall-Proġett iTrace u juri r-rwol tal-proġett fl-għoti ta’ informazzjoni konkreta biex jiġu appoġġati inizjattivi internazzjonali dwar il-kontroll tal-armi. Proġetti suċċessivi ta’ iTrace (I-IV) urew li s-sensibilizzazzjoni internazzjonali u l-involviment politiku jaqdu rwol kritiku 1) fit-tiswir tal-aġenda internazzjonali rigward il-proċessi internazzjonali ta’ kontroll tal-armi u 2) fil-ħolqien ta’ opportunitajiet għal kooperazzjoni aktar ġenerali ta’ pajjiżi terzi mal-proġett iTrace u mal-inizjattivi tal-UE dwar il-kontroll tal-armi.
4.4.3. Attivitajiet tal-proġett
B’attenzjoni dovuta biex tiġi evitata sovrapożizzjoni ma’ impriżi oħra, pereżempju fuq is-sensibilizzazzjoni dwar it-TKA, ser jitwettqu l-attivitajiet li ġejjin fil-qafas ta’ dan il-proġett:
(a) |
Il-CAR ser iżżomm l-impenn diplomatiku komprensiv tagħha biex turi, tuża, u tkompli tiżviluppa l-iTrace u l-outputs tagħha, b’enfasi fuq 1) il-benefiċċji konkreti tagħha biex tgħin fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tat-TKA, il-PtA, l-ITI u r-reġimi ta’ sanzjonijiet multilaterali u reġjonali rilevanti, kif ukoll strumenti internazzjonali rilevanti oħra; 2) l-utilità tagħha fl-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ prijorità għall-assistenza u l-kooperazzjoni internazzjonali; u 3) l-utilità tagħha bħala mekkaniżmu ta’ tfassil ta’ profil ta’ valutazzjoni tar-riskju għall-awtoritajiet tal-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra; |
(b) |
L-involviment tal-persunal tal-proġett iTrace ser iħeġġeġ u jiżviluppa ftehimiet formali ta’ qsim tal-informazzjoni li jistgħu jiġġeneraw informazzjoni li tista’ tittella’ fis-sistema iTrace, kif ukoll tgħin lil dawk li jfasslu l-politika biex jidentifikaw oqsma ta’ prijorità għad-djalogu, l-assistenza internazzjonali u l-kooperazzjoni biex jissaħħu l-politika u l-prassi. |
Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perjodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.
4.4.4. Riżultati tal-proġett
Il-proġett ser:
(a) |
juri l-utilità u l-impatt ta’ iTrace u l-kunċett tad-dokumentazzjoni, il-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data dwar id-devjazzjoni lil dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u internazzjonali li jaħdmu biex jimplimentaw ftehimiet dwar il-kontroll ta’ armi konvenzjonali u l-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi (it-TKA, il-PtA u strumenti internazzjonali rilevanti oħra) u jappoġġaw l-implimentazzjoni tagħhom; |
(b) |
jipprovdi informazzjoni rilevanti biex jassisti lil dawk li jfasslu l-politika u l-esperti tal-kontroll tal-armi konvenzjonali fl-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ prijorità għall-assistenza u l-kooperazzjoni internazzjonali u fit-tfassil ta’ strateġiji effettivi kontra d-devjazzjoni; |
(c) |
jipprovdi lill-awtoritajiet tal-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi b’informazzjoni dettaljata dwar iTrace u l-utilità tagħha għall-valutazzjoni tar-riskju, minbarra li jipprovdi mezz għal aktar feedback u tisħiħ tas-sistema; |
(d) |
jiffaċilita l-qsim tal-informazzjoni fost il-gvernijiet nazzjonali u operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi u għall-monitoraġġ tas-sanzjonijiet tan-NU, inkluż l-ipproċessar tad-data u analiżi bl-użu tas-sistema iTrace; |
(e) |
jiffaċilita d-djalogu u n-networking fost grupp dejjem jikber ta’ esperti tal-kontroll tal-armi konvenzjonali involuti fit-twettiq ta’ investigazzjonijiet fuq il-post dwar id-devjazzjoni u t-traffikar ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom; |
(f) |
itejjeb il-profil pubbliku tat-traċċar ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom bħala mezz ta’ għajnuna fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tat-TKA, il-PtA u l-ITI, kif ukoll strumenti internazzjonali u reġjonali oħra tal-kontroll ta’ armi u l-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi. |
4.4.5. Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett
Persunal ta’ iTrace li jmexxi jew li jipparteċipa f’sa 30 attività ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ konsulenza dwar il-politika. L-involviment ser jinkludi preżentazzjoni tal-outputs ta’ iTrace. L-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ konsulenza dwar il-politika ser jiġu inklużi fl-outputs narrattivi trimestrali.
Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perjodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.
4.4.6. Benefiċjarji tal-proġett
Jekk jogħġbok ara t-Taqsima 4.2.6 hawn fuq għal lista sħiħa ta’ benefiċjarji, li hija identika għall-benefiċjarji ta’ dan il-proġett.
4.5. Proġett 5: outputs tar-riċerka ta’ iTrace
4.5.1. Objettiv tal-proġett
Il-proġett ser jipprovdi outputs ewlenin biex jissaħħu l-politiki u l-prassi, meħuda mid-data ġġenerata mill-investigazzjonijiet u ppreżentata fuq is-sistema iTrace. L-outputs ser ikunu maħsuba biex jenfasizzaw oqsma speċifiċi ta’ interess internazzjonali, inkluż tendenzi maġġuri fit-traffikar ta’ armi u munizzjon konvenzjonali, id-distribuzzjoni reġjonali ta’ armi konvenzjonali traffikati u l-munizzjon tagħhom, u oqsma ta’ prijorità għall-attenzjoni internazzjonali.
4.5.2. Benefiċċju għal inizjattivi tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-armi
L-outputs ta’ politika ta’ iTrace jiffukaw l-attenzjoni internazzjonali fuq il-komprensività tal-inizjattivi tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-armi u fuq l-impenji li saru mill-Istati Membri biex jindirizzaw id-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom. Mill-2013 sa issa, dawn l-outputs kisbu kopertura importanti f’ħafna mill-kanali tal-aħbarijiet ewlenin fid-dinja, u wasslu għal azzjoni nazzjonali mill-gvernijiet, il-membri parlamentari u s-soċjetà ċivili. Minħabba li l-outputs ta’ iTrace ma joqogħdux lura milli jidentifikaw armi konvenzjonali illeċiti li joriġinaw fl-UE, dawn juru l-attitudni progressiva tal-Istati Membri lejn il-kontroll tal-armi. Huwa possibbli li dan iħeġġeġ it-trasparenza u l-espansjoni tas-sħubija u l-universalizzazzjoni ta’ trattati u reġimi multilaterali dwar id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi mitluba fl-Istrateġija Globali tal-UE tal-2016, jiġifieri l-prinċipju “immexxu bl-eżempju”.
4.5.3. Attivitajiet tal-proġett
Analiżi dettaljata li twassal għall-ġbir, ir-rieżami, l-editjar u l-pubblikazzjoni, inkluż stampar fejn meħtieġ, kif ukoll id-distribuzzjoni ta’ mhux aktar minn 20 output ta’ politika ta’ iTrace.
4.5.4. Riżultati tal-proġett
Il-proġett ser:
(a) |
jipproduċi sa 20 output, kull wieħed bi profil ta’ kwistjoni separata ta’ interess internazzjonali; |
(b) |
jiżgura d-distribuzzjoni tal-outputs ta’ politika ta’ iTrace lill-Istati Membri kollha; |
(c) |
iżomm strateġija ta’ sensibilizzazzjoni mmirata biex tiġi żgurata kopertura globali massima; |
(d) |
isostni l-viżibbiltà tal-Azzjoni fl-arena politika u l-media tal-aħbarijiet internazzjonali billi, fost affarijiet oħra, jippreżenta informazzjoni dwar armi konvenzjonali illeċiti ta’ interess topiku; jipprovdi analiżi u parir rilevanti dwar il-politika li jappoġġaw il-proċessi li għaddejjin ta’ kontroll tal-armi; u jfassal l-outputs apposta biex jipprovdu l-akbar interess għall-media tal-aħbarijiet internazzjonali. |
4.5.5. Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett
Sa 20 output ta’ politika ta’ iTrace disponibbli għall-pubbliku online, prodotti matul id-durata tal-Azzjoni proposta.
Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perjodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.
4.5.6. Benefiċjarji tal-proġett
Jekk jogħġbok ara t-Taqsima 4.2.6 hawn fuq għal lista sħiħa ta’ benefiċjarji, li hija identika għall-benefiċjarji ta’ dan il-proġett.
4.6. Proġett 6: Traċċar ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom u investigazzjonijiet imsaħħa
4.6.1. Objettiv tal-proġett
Il-proġett ser ikompli jibgħat talbiet formali għat-traċċar lill-gvernijiet nazzjonali, għal armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom, li t-tweġibiet għalihom jipprovdu informazzjoni komprensiva dwar il-ktajjen ta’ provvista tagħhom u jidentifikaw il-post u ċ-ċirkostanzi li fihom ġew iddevjati lejn utenti mhux awtorizzati. Dawn l-attivitajiet għandhom l-għan li jistabbilixxu l-mekkaniżmi tad-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, każ b’każ u bl-appoġġ tal-istati esportaturi, b’mod partikolari l-awtoritajiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri. It-traċċi jagħtu informazzjoni dettaljata dwar networks ta’ provvista ta’ armi konvenzjonali illeċiti, jidentifikaw każijiet ta’ trasferiment mill-ġdid mhux awtorizzat bi ksur ta’ ftehimiet tal-utenti aħħarin, jissinjalaw ksur ta’ embargos fuq l-armi tan-NU u tal-Unjoni, u jiġbdu l-attenzjoni tal-Istati għad-devjazzjoni ta’ wara l-esportazzjoni. Fuq kollox, minħabba li l-gvernijiet nazzjonali nfushom jipprovdu informazzjoni dwar it-traċċar, il-proċess tat-traċċar jipprovdi bażi għat-tfassil ta’ politika dwar il-kontroll tal-armi.
4.6.2. Benefiċċju għal inizjattivi tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-armi
It-talbiet għat-traċċar ippermettew lill-proġett iTrace jipprovdi kontribut li jappoġġa diversi interventi ta’ infurzar tal-liġi minn Stati Membri (u pajjiżi terzi), inkluż il-prosekuzzjoni u l-kundanna ta’ individwi involuti fit-traffikar ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom, u materjal relatat.
It-talbiet għat-traċċar jiġbdu l-attenzjoni wkoll tal-Istati Membri għal każijiet ta’ devjazzjoni ta’ wara l-esportazzjoni, u jipprovdu informazzjoni essenzjali biex jiġu appoġġati valutazzjonijiet effettivi tar-riskju fl-għoti ta’ liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi. Bħala tali, iTrace tikkontribwixxi informazzjoni direttament biex tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Kriterju 7 tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (konsolidata) u tal-Artikolu 11 tat-TKA. L-informazzjoni miksuba permezz tal-proċess tat-traċċar tidentifika wkoll utenti aħħarin mhux awtorizzati, devjaturi ta’ armi konvenzjonali, partijiet illegali fil-katina ta’ provvista, kif ukoll sorsi finanzjarji illeċiti. Dan jipprovdi lill-Istati Membri b’data kritika għat-tfassil ta’ profili tar-riskju tal-esportazzjoni.
4.6.3. Attivitajiet tal-proġett
Sensiela kostanti ta’ talbiet għat-traċċar kif ukoll komunikazzjonijiet assoċjati u investigazzjonijiet ta’ segwitu tul id-durata tal-proġett. Il-CAR ser tirriċerka u tiżviluppa teknoloġiji emerġenti għal traċċabbiltà mtejba biex tappoġġa dawn l-attivitajiet.
4.6.4. Riżultati tal-proġett
Il-proġett ser:
(a) |
jittraċċa armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom li jinstabu f’żoni milquta minn kunflitt b’rata mingħajr paragun. L-irfinar fil-proċeduri operattivi standard (SOPs) tal-CAR matul iTrace III, wara konsultazzjoni estensiva mal-Istati Membri, ser jiżgura li l-informazzjoni miġbura mill-Unità tat-Traċċar tal-CAR ser tiġi eżaminata mill-gvernijiet nazzjonali qabel ma tiġi rilaxxata u ser tikkontribwixxi għall-ikbar ħażna fid-dinja ta’ armi ta’ kunflitt traċċati; |
(b) |
l-Unità tal-Investigazzjoni Msaħħa (EIU) tal-CAR ser tuża l-informazzjoni miġbura minn traċċi ta’ armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom biex tistabbilixxi, b’mod aktar ċar, il-”min, għalfejn, xiex, meta u kif” tad-devjazzjoni, fejn toħloq mappa tal-ktajjen ta’ provvista ffukata fuq tliet pilastri ta’ investigazzjoni: in-networks umani, il-finanzjament ta’ armi illeċiti u l-loġistika tal-provvista. L-EIU tista’ tintbagħat madwar id-dinja u ser taħdem biex tikseb testimonjanzi mhux pubbliċi, informazzjoni finanzjarja u dokumenti ġewwa u barra ż-żoni ta’ kunflitt; u |
(c) |
fl-aħħar mill-aħħar, il-CAR ser tipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika b’firxa ġdida ta’ għażliet biex jindirizzaw it-trasferimenti illeċiti ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom kif ukoll in-networks finanzjarji u loġistiċi warajhom—li jissupplimentaw miżuri bħal embargos fuq l-armi u kontrolli diretti fuq l-esportazzjoni b’għażliet ta’ “tħarbit tan-netwerk” li jvarjaw minn diliġenza dovuta bankarja sa spezzjonijiet immirati ta’ kontejners u twissijiet ħomor dwar intermedjarji kummerċjali. |
4.6.5. Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett
Il-volum u s-suċċess tat-talbiet għat-traċċar ser jiġu rreġistrati u vvalutati kontinwament tul id-durata sħiħa tal-Azzjoni.
Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perjodu sħiħ ta’ tliet snin tal-proġett iTrace.
4.6.6. Benefiċjarji tal-proġett
Jekk jogħġbok ara t-Taqsima 4.2.6 hawn fuq għal lista sħiħa ta’ benefiċjarji, li hija identika għall-benefiċjarji ta’ dan il-proġett.
5. Postijiet
Il-proġetti 1, 2 u 6 ser jeħtieġu stazzjonament estensiv fuq il-post ta’ esperti ta’ armi konvenzjonali fir-reġjuni milquta minn kunflitt. Dawn l-istazzjonamenti ser jiġu vvalutati każ b’każ, b’referenza għas-sigurtà, l-aċċess u d-disponibbiltà tal-informazzjoni. Il-CAR diġà għandha kuntatti stabbiliti jew proġetti għaddejjin f’ħafna mill-pajjiżi kkonċernati. Il-proġett 3 ser jitwettaq fil-bliet kapitali tal-Istati Membri (bi vjaġġi oħra ġewwa l-pajjiżi soġġett għar-rekwiżiti tal-Istati Membri). Il-proġett 4 ser jitwettaq f’konferenzi internazzjonali u, f’koordinament ma’ gvernijiet nazzjonali u organizzazzjonijiet rilevanti, madwar id-dinja kollha biex tiġi żgurata viżibbiltà massima tal-proġett. Il-proġett 5 ser jiġi kkompilat fil-Belġju, fl-Italja, fi Franza u fir-Renju Unit.
6. Durata
Id-durata totali stmata tal-proġetti kkombinati hija ta’ 36 xahar.
7. Entità ta’ implimentazzjoni u viżibbiltà tal-Unjoni
Il-CAR tintegra timijiet żgħar ta’ investigazzjoni fuq il-post fi ħdan forzi lokali ta’ difiża u sigurtà, persunal taż-żamma tal-paċi/ta’ appoġġ għall-paċi, u atturi oħra b’mandati ta’ sigurtà. Kull meta dawn il-forzi/missjonijiet isibu armi illeċiti jew siti ta’ ġbir tal-evidenza, it-timijiet tal-CAR jirkupraw l-evidenza kollha disponibbli dwarhom u dwar il-gruppi li jużawhom. Il-CAR imbagħad tittraċċa l-oġġetti kollha identifikabbli b’mod uniku u twettaq investigazzjonijiet estensivi dwar it-trasferimenti illeċiti tagħhom, il-ktajjen ta’ provvista u l-appoġġ mogħti lill-partijiet li jheddu l-paċi u l-istabbiltà.
Filwaqt li taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali tal-liċenzjar tal-esportazzjoni u ma’ entitajiet mhux governattivi, il-CAR terġa’ tibni l-ktajjen ta’ provvista li huma responsabbli għall-forniment tal-armi f’kunflitti armati, billi tidentifika l-attività illeċita u d-devjazzjoni tal-armi mis-swieq legali lejn dawk illeċiti. Il-CAR tirreġistra l-informazzjoni miġbura fuq is-sistema iTrace tagħha ta’ monitoraġġ globali tal-armi li, b’aktar minn 650 000 arma ta’ kunflitt, munizzjon u materjal relatat, hija l-akbar ħażna ta’ data dwar l-armi ta’ kunflitt fid-dinja.
Il-CAR tuża din l-informazzjoni biex a) twissi lill-Istati Membri dwar id-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom u, b) tagħti lok għal inizjattivi mmirati kontra d-devjazzjoni, inkluż miżuri riveduti ta’ kontroll tal-esportazzjoni u azzjoni diplomatika internazzjonali.
Din il-metodoloġija wriet bil-provi li tista’ tidentifika d-devjazzjonijiet kważi immedjatament, wara li t-timijiet tal-CAR fuq il-post ikunu infurmaw lill-Istati Membri b’armi ddevjati waqt li jkunu għadhom stazzjonati f’żoni milquta minn kunflitt. F’xi każijiet, it-timijiet tal-CAR skoprew trasferimenti mill-ġdid mhux awtorizzati fi żmien xahrejn minn meta l-armi kienu telqu mill-fabbrika.
Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/2191 appoġġat lill-CAR biex tkompli u tkabbar il-proġett iTrace li ġie stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2013/698 tal-25 ta’ Novembru 2013 u mġedded bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1908 u (PESK) 2017/2283. Il-proġetti, imsejħa iTrace I, II u III rispettivament, stabbilew sew lil iTrace bħala inizjattiva sinifikanti ta’ monitoraġġ tal-armi ta’ kunflitt madwar id-dinja u taw appoġġ dirett lill-awtoritajiet tal-liċenzjar tal-esportazzjoni u lil dawk li jfasslu l-politika ta’ kontroll tal-armi tal-UE.
Barra minn hekk, fit-2 ta’ Diċembru 2015, pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra t-traffikar u l-użu illeċitu tal-armi tan-nar u l-isplussivi talab “estensjoni tal-użu tal-iTrace” u rrakkomanda li kwalunkwe awtorità nazzjonali tal-infurzar tal-liġi li tindividwa d-devjazzjoni ta’ armi u munizzjon tivverifika dawn is-sejbiet mar-rekords f’iTrace. Fl-2019, il-CAR ikkonkludiet memorandum ta’ qbil mal-Europol biex tgħin f’dawn l-attivitajiet. Barra minn hekk, il-CAR ipprovdiet data ta’ iTrace lis-sistema iARMS tal-INTERPOL u għenet lill-INTERPOL fl-identifikazzjoni ta’ armi mtellgħa fl-iARMS mill-Istati Membri.
Il-CAR għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tirriklama l-fatt li l-Azzjoni ġiet iffinanzjata mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-miżuri ser jitwettqu skont il-Manwal ta’ Komunikazzjoni u Viżibbiltà għall-Azzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea stipulat u ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea.
B’hekk, il-CAR ser tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut tal-Unjoni bi promozzjoni u riklamar xierqa li jenfasizzaw ir-rwol tal-Unjoni, jiżguraw it-trasparenza tal-azzjonijiet tagħha u jqajmu kuxjenza dwar ir-raġunijiet għad-Deċiżjoni kif ukoll dwar l-appoġġ tal-Unjoni għad-Deċiżjoni u r-riżultati ta’ dan l-appoġġ. Il-materjal prodott mill-proġett ser juri b’mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni f’konformità mal-linji gwida tal-Unjoni għall-użu u r-riproduzzjoni preċiżi tal-bandiera.
8. Metodoloġija u salvagwardji għas-sħab nazzjonali tal-gvernijiet
L-Azzjoni iTrace ser iżżomm rappurtar politikament ibbilanċjat. F’konformità mal-prinċipji fundamentali tal-CAR ta’ indipendenza u oġġettività, l-Azzjoni ser tirrapporta dwar armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom li t-timijiet ta’ investigazzjoni fuq il-post tal-CAR jiddokumentaw fi stati milquta minn kunflitt, mingħajr preġudizzju għat-tip jew il-provenjenza tagħhom u irrispettivament mill-parti li jkollha dawk l-armi. Il-CAR tirrikonoxxi li l-Istati Membri li jiżvelaw informazzjoni fl-interess tat-trasparenza jistgħu jesponu l-esportazzjonijiet tagħhom tal-armi għal skrutinju pubbliku akbar. Għalhekk, sa fejn ikun fattibbli, il-CAR ser:
(a) |
tirrikonoxxi, fir-rappurtar pubbliku tagħha, l-Istati Membri li pprovdew informazzjoni lill-Azzjoni iTrace fl-interess tat-trasparenza pubblika; u |
(b) |
tiżgura li r-rappurtar pubbliku ta’ iTrace jiddistingwi sew lill-Istati Membri msemmija hawn fuq minn stati li konsistentement ma jiżvelawx informazzjoni li tappoġġa l-investigazzjonijiet ta’ iTrace. |
8.1 Ċarezza operazzjonali
Il-CAR ser titlob l-approvazzjoni minn qabel tal-COARM qabel ma jsir involviment sostantiv fil-pajjiżi kollha li preċedentement ma kinux soġġetti għal investigazzjonijiet iTrace fuq il-post jew programmi iTrace ta’ taħriġ u mentoraġġ. Kull talba bħal din ser tippreżenta l-enfasi ġenerali tal-investigazzjonijiet u l-metodoloġija prevista mill-CAR għall-pajjiż prospettiv. Fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill, kienu diġà tħaddmu programmi ta’ iTrace fil-pajjiżi li ġejjin: l-Afganistan; il-Bahrain; il-Benin; il-Burkina Faso; il-Kamerun; ir-Repubblika Ċentru-Afrikana; iċ-Chad; ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; il-Kosta tal-Avorju; l-Eġittu; l-Etjopja; il-Gambja; il-Ghana; l-Indja; l-Iraq; Iżrael; il-Ġordan; il-Kenja; il-Libanu; il-Libja; il-Mali; il-Mauritania; il-Marokk; il-Mozambique; il-Myanmar/Burma; in-Nepal; in-Niġer; in-Niġerja; il-Filippini; l-Arabja Sawdija; is-Senegal; is-Somalja; is-Sudan t’Isfel; is-Sudan; is-Sirja; it-Togo, it-Tuneżija; it-Turkija; l-Uganda; l-Ukrajna; l-Emirati Għarab Magħquda; u l-Jemen.
8.2. Mitigazzjoni tal-preġudizzju
Il-CAR tirrikonoxxi li l-livell ta’ dettall ipprovdut mill-gvernijiet nazzjonali bi tweġiba għat-talbiet għat-traċċar, li jvarja minn l-ebda tweġiba sa divulgazzjoni sħiħa u l-forniment ta’ dokumenti ta’ trasferiment, jista’ jirriżulta f’li l-Istati Membri jesperjenzaw livelli differenti ta’ esponiment pubbliku. Il-CAR tintrabat li ttaffi kull preġudizzju impliċitu li jista’ jiġi introdott fir-rappurtar ta’ iTrace b’disparità bħal din fit-tweġibiet għat-traċċar, billi:
(a) |
Fid-daħla tat-test tniżżel b’mod espliċitu l-każijiet kollha rrappurtati mill-Azzjoni iTrace fejn l-Istati Membri jkunu wieġbu b’mod trasparenti għal talbiet għat-traċċar b’mod li, fejn applikabbli, jafferma mingħajr ambigwità l-legalità tat-trasferimenti soġġetti għal dawk it-talbiet għat-traċċar; |
(b) |
Fid-daħla tat-test tniżżel b’mod espliċitu l-każijiet kollha rrappurtati mill-Azzjoni iTrace fejn l-Istati ma jkunux wieġbu għal talbiet għat-traċċar, fejn tiddikjara li “minħabba n-nuqqas ta’ rispons għat-traċċar, il-CAR ma tistax tippronunzja ruħha dwar il-legalità tat-trasferiment inkwistjoni” (dan ma għandux japplika għal każijiet fejn l-Istati Membri, bi tweġiba għal talbiet speċifiċi għat-traċċar, ikunu taw ir-raġunijiet tagħhom li ma jippermettulhomx iwieġbu minnufih jew bis-sħiħ); u |
(c) |
Tipprovdi rapport skedat lis-SEAE dwar il-każijiet kollha fejn il-CAR ma tkunx irċeviet rikonoxximent mill-istati tal-fatt li jkunu rċevew talba għat-traċċar fi żmien 28 jum minn meta jirċevuha. Il-CAR ser tirreġistra r-rikonoxximenti kollha li tirċievi fl-għamla ta’ ittri, faksimili, posta elettronika, jew telefonati. |
8.3. Il-proċess tat-traċċar
L-Istati Membri u l-entitajiet mhux governattivi jwieġbu għal talbiet għat-traċċar maħruġa mill-CAR fi ħdan il-qafas tal-Proġett iTrace għad-diskrezzjoni kompleta tagħhom, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontrolli fuq l-esportazzjoni u l-kunfidenzjalità tad-data.
Il-CAR tibda billi tibgħat talbiet għat-traċċar għal oġġetti li jkunu soġġetti għal kontroll tal-esportazzjoni elettronikament lil Missjoni Permanenti tal-gvern għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, għalkemm għal raġunijiet amministrattivi tħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali jassenjaw punt ta’ kuntatt fil-belt kapitali għal komunikazzjonijiet futuri mal-Azzjoni iTrace. F’każ ta’ oġġetti li ma jkunux soġġetti għal kontroll, il-CAR tibgħat talbiet għat-traċċar elettronikament lil entitajiet manifatturi jew esportaturi.
Il-proċess tat-traċċar isegwi l-proċedura operattiva standard interna 02.02 tal-CAR u jinkludi l-passi li ġejjin:
(a) |
Fil-mument tal-ġbir tad-data, timijiet ta’ investigazzjoni fuq il-post li jeħtieġ li jittraċċaw armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom jimmarkawhom għat-traċċar fis-Sistema ta’ Rappurtar Globali iTrace dwar Armi; |
(b) |
L-Unità tat-Traċċar tal-CAR tirrieżamina d-data l-oħra kollha miġbura fuq il-post u, flimkien mal-Unità tal-Analitika tal-CAR, toħroġ kwalunkwe talba oħra għat-traċċar li tqis bħala rilevanti; |
(c) |
Għall-oġġetti magħżula għat-traċċar, is-sistema awtomatikament: i) tassenja numru tat-talba għat-traċċar lil kull oġġett; ii) tikkompila talbiet għat-traċċar għal oġġett wieħed jew aktar, li joriġinaw minn pajjiż wieħed, f’komunikazzjoni ta’ traċċar waħda; u iii) tassenja numru ta’ korrispondenza lil kull komunikazzjoni ta’ traċċar; |
(d) |
Meta tintbagħat talba għat-traċċar, din tagħti bidu għal perjodu ta’ stennija ta’ 28 jum li jieħu inkunsiderazzjoni l-proċeduri nazzjonali, pereżempju fl-Istati Membri. Matul il-perjodu ta’ stennija, l-oġġett ma jista’ jiġi ppubblikat jew jissemma’ fl-ebda output tal-CAR; |
(e) |
Jekk fi tmiem il-perjodu ta’ 28 jum l-Unità tat-Traċċar ma tkunx irċeviet tweġiba għat-traċċar, din tista’ toħroġ tfakkira (permezz tal-posta elettronika jew b’telefonata, filwaqt li żżomm in-noti tal-komunikazzjonijiet kollha). It-tfakkira ma tagħtix bidu għal perjodu ieħor ta’ 28 jum; |
(f) |
Meta l-Unità tat-Traċċar tirċievi tweġiba għal talba għat-traċċar, hija tinnotifika lill-persunal kollu rilevanti. Il-persunal rilevanti jiddiskuti t-tweġiba mal-Unità tat-Traċċar u jiddeċiedi x’azzjoni tittieħed (jiġifieri, il-parti rispondenti wieġbet il-mistoqsijiet tal-CAR? Hemm bżonn li l-CAR tagħti segwitu jew titlob kjarifika? Il-CAR tista’ toħroġ dritt ta’ tweġiba?); |
(g) |
Ladarba tkun irċeviet il-kjarifiki kollha, l-Unità tat-Traċċar tikkompila notifika ta’ dritt ta’ tweġiba. Din hija sommarju konċiż tal-informazzjoni pprovduta bi tweġiba għat-talba tal-CAR u tinkludi riżervi li jispjegaw informazzjoni nieqsa jew inkonklużiva. It-test huwa mfassal biex jiġi replikat verbatim fl-iTrace u fi produzzjonijiet oħra tal-CAR u jrid jagħti l-informazzjoni kollha pprovduta mir-rispondent għat-talba ta’ traċċar. L-Unità tat-Traċċar tibgħat l-abbozz tat-test lit-tim responsabbli biex jitlob it-traċċa għal rieżami. Malli jiġi aċċettat it-test, it-tim jinnotifika lill-Unità tat-Traċċar bil-miktub u l-Unità tat-Traċċar tibgħat id-dritt ta’ tweġiba; |
(h) |
Meta jintbagħat dritt ta’ tweġiba, dan jagħti bidu għal perjodu ieħor ta’ stennija ta’ 28 jum li matulu l-CAR tistieden lill-parti rispondenti biex tissuġġerixxi żidiet jew emendi għat-test tad-dritt ta’ tweġiba; |
(i) |
Jekk il-parti rispondenti tissuġġerixxi emendi għat-test tad-dritt ta’ tweġiba, il-CAR temenda t-test u terġa’ toħroġ id-dritt ta’ tweġiba. Kull darba li l-Unità tat-Traċċar toħroġ id-dritt ta’ tweġiba mill-ġdid, dan jagħti bidu għal perjodu ieħor ta’ stennija ta’ 28 jum. Dan il-proċess jista’ jiġi ripetut sakemm il-CAR tqis li jkun ġie konkluż skambju kostruttiv. Il-CAR mhijiex obbligata taċċetta emendi ad infinitum għad-dritt ta’ tweġiba; |
(j) |
Il-proċess tad-dritt ta’ tweġiba jiġi konkluż jew meta l-gvern jew l-entità kkonċernati jinnotifikaw lill-CAR li t-test huwa aċċettabbli, jew inkella meta l-CAR tqis li modifiki ulterjuri ssuġġeriti mill-gvern jew l-entità kkonċernati jkunu invalidi jew superfluwi. Jekk il-gvern jikkomunika n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-CAR, u l-CAR tqis li l-punti mqajma jkunu invalidi jew superfluwi, il-CAR għandha tirreferi l-oġġezzjonijiet fit-test tad-dritt ta’ tweġiba; |
(k) |
F’każijiet fejn il-proċess tad-dritt ta’ tweġiba jkun għadu għaddej u l-pubblikazzjoni tkun imminenti, ġimagħtejn qabel l-”imblukkar tat-test”, il-CAR tikkomunika lill-parti rispondenti li bidliet ulterjuri mhumiex ser jiddaħħlu fil-pubblikazzjoni rilevanti wara d-data tal-imblukkar tat-test; |
(l) |
Meta l-Unità tat-Traċċar tkun inkorporat l-emendi u ż-żidiet kollha fit-test tad-dritt ta’ tweġiba, hija tibgħat l-abbozz tat-test lit-tim li kien responsabbli biex jitlob it-traċċa għal rieżami. Malli jiġi aċċettat it-test, it-tim tal-CAR jinnotifika lill-Unità tat-Traċċar bil-miktub. Wara l-approvazzjoni, it-test tad-dritt ta’ tweġiba jkun “imblukkat” u ma jkun jista’ jsir l-ebda tibdil ulterjuri fit-test tad-dritt ta’ tweġiba. Minn hemm ‘il quddiem, dan it-test irid jiġi replikat verbatim f’kull produzzjoni pubblika jew mhux pubblika li tirreferi għall-każ. Għalhekk, huwa imperattiv li l-Unità tat-Traċċar u t-timijiet rilevanti jaqblu fuq test verbatim kollu kemm hu qabel ma joħorġu drittijiet ta’ tweġiba; u |
(m) |
Jekk gvern jew entità, fit-tweġiba tagħhom għal talbiet għat-traċċar tal-CAR, jidentifikaw il-punt li jmiss fil-katina ta’ provvista, il-CAR toħroġ talba ġdida għat-traċċar lil dik il-parti u l-proċess tat-traċċar jerġa’ jibda mill-punt (a). |
8.4. Notifika bil-quddiem
Il-CAR tibgħat notifika bil-quddiem lill-partijiet kollha li jissemmew b’mod sostantiv fil-pubblikazzjonijiet ta’ iTrace. Din tieħu l-għamla ta’ komunikazzjoni formali li titħejja mill-awtur tal-pubblikazzjoni li jkun imiss u tintbagħat mill-Unità tat-Traċċar. In-notifika bil-quddiem tiddeskrivi kif ir-rapport ser jirreferi għar-relazzjoni bejn il-gvern jew l-entità oħra msemmija u l-każ ikkonċernat, u tkun imfassla biex tiżgura li:
(a) |
Il-CAR tkun wettqet id-diliġenza dovuta fuq kwalunkwe allegazzjoni jew referenza li tkun saret għal entitajiet fl-outputs tagħha; u |
(b) |
Li l-informazzjoni ppreżentata fl-outputs tal-CAR tkun preċiża u ġusta. |
Ladarba tintbagħat, notifika bil-quddiem tagħti bidu għal perjodu ta’ stennija ta’ 14-il jum li matulu l-CAR tistieden lir-riċevituri jivverifikaw il-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta u jressqu kwalunkwe oġġezzjoni. L-oġġett ma jista’ jiġi ppubblikat jew jissemma’ fl-ebda output tal-CAR matul dan il-perjodu ta’ 14-il jum.
9. Rappurtar
Conflict Armament Research ser tħejji outputs narrattivi kull tliet xhur. Fost affarijiet oħra, dawn ser jinkludu informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet imwettqa matul il-perjodu ta’ rappurtar, proġett bi proġett, inkluż id-dati u l-istituzzjonijiet nazzjonali. Ir-rappurtar ser ikopri wkoll l-għadd ta’ konsultazzjonijiet minn iTRACE mal-Istati Membri.
L-ambitu ġeografiku tal-attivitajiet ta’ riċerka, l-ammont u l-kategorija tas-sejbiet, kif ukoll l-oriġini tagħhom ser ikunu disponibbli fuq id-dashboard online ta’ iTRACE f’ħin reali.