|
21.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 53/17 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/386
tal-20 ta’ Frar 2023
li tniedi l-missjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja (EUMA) u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/162
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/162 tat-23 ta’ Jannar 2023 dwar missjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja (EUMA) (1),
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-23 ta’ Jannar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/162. |
|
(2) |
Fl-14 ta’ Frar 2023, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà qabel li l-Pjan ta’ Operazzjoni (OPLAN) għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja (EUMA) jenħtieġ li jiġi approvat. |
|
(3) |
Wara r-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, u wara l-kisba ta’ kapaċità operazzjonali inizjali, l-EUMA jenħtieġ li tiġi mnedija fl-20 ta’ Frar 2023. Il-missjoni għandha tkompli sad-19 ta Frar 2025. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/162 pprovdiet ammont ta’ referenza finanzjarja biex ikopri nefqa relatata mal-EUMA matul l-ewwel erba’ xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dik id-Deċiżjoni. L-ammont ta’ġ referenza jenħtieġ li jiġi rivedut biex ikopri l-perijodu sad-19 ta’ Frar 2025. |
|
(5) |
Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2023/162 tiġi emendata kif meħtieġ. |
|
(6) |
L-EUMA titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Pjan ta’ Operazzjoni (-OPLAN) għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja (EUMA) huwa b’dan approvat.
Artikolu 2
L-EUMA għandha titnieda fl-20 ta’ Frar 2023.
Artikolu 3
Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUMA huwa b’dan awtorizzat b’effett immedjat li jagħti bidu għall-eżekuzzjoni tal-Missjoni.
Artikolu 4
L-Artikolu 13(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/162 huwa sostitwit bit-test li ġej:
“1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUMA għall-perjodu mit-23 ta’ Jannar 2023 sad-19 ta’ Frar 2025 għandu jkun ta’ EUR 30 751 150,36. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għal kull perjodu sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.”.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES