17.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 50/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/362
tal-14 ta’ Frar 2023
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun dwar ċerti dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għas-servizzi tal-ajru
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fil-5 ta’ Ġunju 2003 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi rigward is-sostituzzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim fil-livell tal-Unjoni. |
(2) |
Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun dwar ċerti dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għas-servizzi tal-ajru (“il-Ftehim”). In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fl-21 ta’ Settembru 2022. |
(3) |
L-objettiv tal-Ftehim huwa li l-ftehimiet bilaterali dwar servizzi tal-ajru bejn 13-il Stat Membru u l-Ġappun jiġu jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni. |
(4) |
Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun dwar ċerti dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għas-servizzi tal-ajru (“il-Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (1).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Frar 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
E. SVANTESSON
(1) It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.