3.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/223


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/236

tal-1 ta’ Frar 2023

li tagħti deroga mitluba minn ċerti Stati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jintużaw mezzi oħrajn għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni għad-dikjarazzjoni għall-Ħażna Temporanja b’rabta mal-merkanzija mhux tal-Unjoni preżentata lid-dwana

(notifikata bid-dokument C(2023) 664)

(It-testi bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(4) flimkien mal-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

Billi:

(1)

l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jirrikjedi li l-iskambji kollha ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali u l-ħażna ta’ tali informazzjoni kif rikjest skont il-leġiżlazzjoni tad-dwana, isiru bl-użu ta’ tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data. Għal dan l-għan u f’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, il-Kummissjoni tfassal rekwiżiti komuni tad-data.

(2)

L-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jipprevedi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet, f’każijiet eċċezzjonali, biex Stat Membru wieħed jew aktar ikunu jistgħu jidderogaw mill-użu ta’ tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni jekk tali deroga tkun ġustifikata mis-sitwazzjoni speċifika tal-Istat Membru rikjedenti u tingħata għal perjodu speċifiku ta’ żmien.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 (2) tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (“il-programm ta’ ħidma”). Il-programm ta’ ħidma jelenka s-sistemi elettroniċi li għandhom jiġu żviluppati u d-dati li fihom huwa mistenni li dawk is-sistemi jsiru operattivi. Fost l-oħrajn, dak il-programm jispeċifika l-perjodu għall-implimentazzjoni u għat-tnedija għad-dikjarazzjoni tal-Ħażna Temporanja (“TS”) tal-wasla f’konformità mal-Artikoli 6(1), l-Artikoli 16, 145 u 146 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

(4)

Barra minn hekk, l-Artikolu 278(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jispeċifika l-iskadenza sa meta mezzi għajr tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data jistgħu jintużaw fuq bażi tranżizzjonali biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet relatati mad-dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja.

(5)

Minħabba s-sinifikat tat-TS fis-superviżjoni tal-merkanzija li tidħol fit-territorju doganali tal-UE, xi Stati Membri diġà żviluppaw sistemi elettroniċi għall-ġestjoni ta’ tali dikjarazzjonijiet tat-TS. Sistemi bħal dawn jeħtieġu aġġustamenti f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 u l-atti relatati tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti komuni tad-data. Skont l-Artikolu 278(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, dawk l-aġġustamenti għandhom jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(6)

Madankollu nqalgħu tliet ċirkostanzi kbar u parzjalment imprevisti, li kollha għandhom impatt sinifikanti fuq ir-riżorsi tal-Istati Membri, u li joħolqu sfidi komplementari għalihom: il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat dewmien sostanzjali fl-iżviluppi tal-IT fl-Awstrija, fil-Belġju, fiċ-Ċekja, fi Franza, fil-Greċja,fil-Litwanja, f’Malta, fin-Netherlands, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovakkja u fi Spanja. Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u ż-żieda li tirriżulta fl-għadd ta’ dikjarazzjonijiet doganali kienu jirrikjedu li l-Belġju, Franza, il-Litwanja, in-Netherlands u Spanja jbiddlu r-riżorsi u l-prijoritajiet. Il-konsegwenzi finanzjarji tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna fuq l-attivitajiet doganali tal-pajjiżi ġirien jew dawk qrib ġeografikament komplew jaggravaw is-sitwazzjoni u ħtieġu riżorsi addizzjonali fl-Awstrija, fil-Litwanja u fil-Polonja. B’mod partikolari, id-diffikultajiet fl-akkwist u fis-sejħiet għall-offerti, kif ukoll kwistjonijiet baġitarji u ta’ persunal, li rriżultaw miċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq kellhom impatt sinifikanti fuq il-kapaċitajiet tal-Istati Membri li jilħqu l-iskadenzi, kif imsemmi mill-Awstrija, minn Ċipru, miċ-Ċekja, mid-Danimarka, mill-Estonja, minn Spanja, minn Franza, mill-Greċja, mill-Ungerija, mill-Kroazja, mil-Litwanja, mill-Ungerija, mil-Lussemburgu, minn Malta, mill-Portugall, mir-Rumanija, mill-Iżvezja, mis-Slovakkja u mis-Slovenja.

(7)

Dawk iċ-ċirkostanzi speċifiċi kkawżaw dewmien sinifikanti fl-iżviluppi tal-IT li għaddejjin u żammew lil ċerti Stati Membri milli jlestu t-tnedija ta’ mezzi tal-IT għall-ipproċessar tad-dikjarazzjoni tat-TS sal-31 ta’ Diċembru 2022. Għalhekk, fil-21 ta’ April 2022 l-Awstrija, fit-3 ta’ Mejju 2022 Ċipru, fit-3 ta’ Mejju 2022 il-Litwanja, fis-6 ta’ Mejju 2022 Spanja, fit-23 ta’ Mejju 2022 is-Slovenja, fit-3 ta’ Ġunju 2022 il-Greċja, fis-7 ta’ Ġunju 2022 Franza, fis-7 ta’ Ġunju 2022 il-Portugall, fl-24 ta’ Ġunju 2022 il-Belġju, fl-24 ta’ Ġunju 2022 l-Iżvezja, fid-29 ta’ Ġunju 2022 id-Danimarka, fl-4 ta’ Lulju 2022 is-Slovakkja, fl-4 ta’ Lulju 2022 in-Netherlands, fis-6 ta’ Lulju 2022 l-Estonja, fis-7 ta’ Lulju 2022 il-Polonja, fit-13 ta’ Lulju 2022 Malta, fid-19 ta’ Lulju 2022 il-Kroazja, fit-22 ta’ Lulju 2022 l-Ungerija, fit-22 ta’ Lulju 2022 il-Lussemburgu, fl-10 ta’ Ottubru 2022 iċ-Ċekja u fis-17 ta’ Ottubru 2022 ir-Rumanija, talbu li jintużaw mezzi oħrajn għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. F’konformità mal-Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu, tali derogi mhux se jaffettwaw l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istat Membru li lilu hija indirizzata u Stati Membri oħra u lanqas ma jaffettwaw l-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni fi Stati Membri oħra għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali.

(8)

Għalhekk huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew ikomplu jużaw il-proċeduri eżistenti tagħhom, inklużi s-sistemi tal-IT rilevanti f’konformità mar-rekwiżiti tad-data stabbiliti mill-Istati Membri kif previst fl-Artikolu 2(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (3) għal perjodu limitat.

(9)

L-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-iżvilupp tas-sistema elettronika għall-ħażna temporanja bħala parti mill-proċess ta’ rapportar dwar il-progress stabbilit fl-Artikolu 278a tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Għandhom jiġu żgurati l-komunikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-ippjanar nazzjonali kif deskritt fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151.

(10)

Filwaqt li jitqiesu l-impatti taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li kkawżaw dewmien fl-iżviluppi tal-IT li għaddejjin bħalissa tat-TS fl-Istati Membri, l-istat attwali ta’ dawk l-iżviluppi fl-Istati Membri u l-ħtieġa li jiġi evitat aktar dewmien sinifikanti, jenħtieġ li d-deroga ddum sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023 fir-rigward ta’ merkanzija miġjuba fit-territorju doganali tal-Unjoni bl-ajru, u sa mhux aktar tard mid-29 ta’ Frar 2024 fir-rigward ta’ merkanzija miġjuba fit-territorju doganali tal-Unjoni b’mezzi oħra tat-trasport,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri jistgħu jużaw mezzi għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni għajr tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għad-dikjarazzjoni tal-ħażna temporanja meħtieġa mill-Artikolu 145 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 fir-rigward ta’ merkanzija miġjuba fit-territorju doganali tal-Unjoni bl-ajru sal-31 ta’ Diċembru 2023 u għad-dikjarazzjoni tal-ħażna temporanja fir-rigward ta’ merkanzija miġjuba fit-territorju doganali tal-Unjoni b’mezzi oħra tat-trasport sad-29 ta’ Frar 2024.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023 fir-rigward ta’ merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Unjoni bl-ajru, u mhux aktar tard mid-29 ta’ Frar 2024 fir-rigward ta’ merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Unjoni b’mezzi oħra tat-trasport.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Ċeka, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lill-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka u lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Paolo GENTILONI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 168).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).