|
3.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 32/220 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/235
tal-1 ta’ Frar 2023
li tagħti deroga mitluba minn ċerti Stati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jintużaw mezzi oħrajn għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni għan-notifika tal-wasla ta’ bastiment tal-baħar jew ta’ inġenju tal-ajru
(notifikata bid-dokument C(2023) 663)
(It-testi bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bil-Kroat, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Ungeriż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(4) flimkien mal-Artikolu 8(2) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,
Billi:
|
(1) |
l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jirrikjedi li l-iskambji kollha ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali u l-ħażna ta’ tali informazzjoni kif rikjest skont il-leġiżlazzjoni tad-dwana, isiru bl-użu ta’ tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data. Għal dan l-għan u f’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, il-Kummissjoni tfassal rekwiżiti komuni tad-data. |
|
(2) |
L-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jipprevedi l-possibbiltà li l-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet, f’każijiet eċċezzjonali, biex Stat Membru wieħed jew aktar ikunu jistgħu jidderogaw mill-użu ta’ tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni jekk tali deroga tkun ġustifikata mis-sitwazzjoni speċifika tal-Istat Membru rikjedenti u tingħata għal perjodu speċifiku ta’ żmien. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 (2) tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (“il-programm ta’ ħidma”). Il-programm ta’ ħidma jelenka s-sistemi elettroniċi li għandhom jiġu żviluppati u d-dati li fihom huwa mistenni li dawk is-sistemi jsiru operattivi. Fost l-oħrajn, dak il-programm jispeċifika l-perjodu għall-implimentazzjoni u għat-tnedija tan-notifika tal-wasla f’konformità mal-Artikolu 6(1), u mal-Artikoli 16 u 133 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. |
|
(4) |
Barra minn hekk, l-Artikolu 278(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jispeċifika l-iskadenza sa meta mezzi għajr tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data jistgħu jintużaw fuq bażi tranżizzjonali biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet relatati man-notifika tal-wasla fir-rigward tal-merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni. |
|
(5) |
Minħabba s-sinifikat tan-notifika tal-wasla fis-superviżjoni tal-merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni, xi Stati Membri diġà żviluppaw sistemi elettroniċi għall-ġestjoni ta’ tali notifiki, pereżempju permezz ta’ sistemi tal-komunitajiet tal-portijiet. Sistemi bħal dawn jeħtieġu aġġustamenti skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 u l-atti relatati tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti komuni tad-data. Skont l-Artikolu 278(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, dawk l-aġġustamenti għandhom jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2022. |
|
(6) |
Madankollu, inqalgħu tliet ċirkostanzi kbar u parzjalment imprevisti, li kollha għandhom impatt sinifikanti fuq ir-riżorsi tal-Istati Membri, u li joħolqu sfidi komplementari għalihom: il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat dewmien sostanzjali fl-iżviluppi tal-IT fl-Awstrija, fil-Belġju, fiċ-Ċekja, fi Franza, fil-Greċja, f’Malta, fin-Netherlands, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovakkja u fi Spanja. Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u ż-żieda li tirriżulta fl-għadd ta’ dikjarazzjonijiet doganali kienu jirrikjedu li l-Belġju, Franza, in-Netherlands u Spanja jbiddlu r-riżorsi u l-prijoritajiet. Il-konsegwenzi finanzjarji tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna fuq l-attivitajiet doganali tal-pajjiżi ġirien jew dawk qrib ġeografikament komplew jaggravaw is-sitwazzjoni u ħtieġu riżorsi addizzjonali fl-Awstrija u fil-Polonja. B’mod partikolari, id-diffikultajiet fl-akkwist u fis-sejħiet għall-offerti, kif ukoll kwistjonijiet baġitarji u ta’ persunal, li rriżultaw miċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq kellhom impatt sinifikanti fuq il-kapaċitajiet tal-Istati Membri li jilħqu l-iskadenzi, kif imsemmi mill-Awstrija, mill-Bulgarija, minn Ċipru, miċ-Ċekja, mid-Danimarka, mill-Estonja, minn Spanja, minn Franza, mill-Greċja, mill-Kroazja, mill-Ungerija, mil-Lussemburgu, minn Malta, mill-Portugall, mir-Rumanija, mill-Iżvezja, mis-Slovakkja u mis-Slovenja. |
|
(7) |
Dawk iċ-ċirkostanzi speċifiċi kkawżaw dewmien sinifikanti fl-iżviluppi tal-IT li għaddejjin u żammew lil ċerti Stati Membri milli jlestu t-tnedija ta’ mezzi tal-IT għall-ipproċessar tan-notifika tal-wasla sal-31 ta’ Diċembru 2022. Għalhekk, fil-21 ta’ April 2022 l-Awstrija, fit-3 ta’ Mejju 2022 Ċipru, fis-6 ta’ Mejju 2022 Spanja, fit-23 ta’ Mejju 2022 is-Slovenja, fit-3 ta’ Ġunju 2022 il-Bulgarija, fit-3 ta’ Ġunju 2022 il-Greċja, fis-7 ta’ Ġunju 2022 Franza, fis-7 ta’ Ġunju 2022 il-Portugall, fl-24 ta’ Ġunju 2022 il-Belġju, fl-24 ta’ Ġunju 2022 l-Iżvezja, fid-29 ta’ Ġunju 2022 id-Danimarka, fl-4 ta’ Lulju 2022 is-Slovakkja, fl-4 ta’ Lulju 2022 in-Netherlands, fis-6 ta’ Lulju 2022 l-Estonja, fis-7 ta’ Lulju 2022 il-Polonja, fit-13 ta’ Lulju 2022 Malta, fid-19 ta’ Lulju 2022 il-Kroazja, fit-22 ta’ Lulju 2022 l-Ungerija, fit-22 ta’ Lulju 2022 il-Lussemburgu, fl-10 ta’ Ottubru 2022 iċ-Ċekja u fis-17 ta’ Ottubru 2022 ir-Rumanija, talbu li jintużaw mezzi oħrajn għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. F’konformità mal-Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu, tali derogi mhux se jaffettwaw l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istat Membru li lilu hija indirizzata u Stati Membri oħra u lanqas ma jaffettwaw l-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni fi Stati Membri oħra għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali. |
|
(8) |
Għalhekk huwa xieraq li dawk l-Istati Membri jitħallew ikomplu jużaw is-sistemi tal-IT eżistenti tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti tad-data stabbiliti mill-Istati Membri kif previst fl-Artikolu 2(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (3) għal perjodu limitat. |
|
(9) |
L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-iżvilupp tas-sistema elettronika għan-notifika tal-wasla bħala parti mill-proċess ta’ rapportar dwar il-progress stabbilit fl-Artikolu 278a tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Għandhom jiġu żgurati l-komunikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-ippjanar nazzjonali kif deskritt fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151. |
|
(10) |
Din id-deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru, skont l-Artikolu 43(1)(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/414 (4) li permezz tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 182 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (5) (“ICS2”), jissottometti d-dettalji meħtieġa għan-notifika tal-wasla stabbiliti fl-Anness B tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 u fl-Anness B tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 ladarba jkun stabbilixxa konnessjoni ma’ dik is-sistema fil-perjodu tat-tnedija stabbilit għar-Rilaxx 2 ta’ dik is-sistema fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151. |
|
(11) |
Filwaqt li jitqiesu l-impatti taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li kkawżaw dewmien fl-iżviluppi tal-IT li għaddejjin bħalissa għall-ipproċessar tan-notifika tal-wasla fl-Istati Membri, l-istat attwali ta’ dawk l-iżviluppi fl-Istati Membri u l-ħtieġa li jiġi evitat aktar dewmien sinifikanti, jenħtieġ li d-deroga ddum sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023 fir-rigward ta’ inġenju tal-ajru li jidħol fit-territorju doganali tal-Unjoni, u sa mhux aktar tard mid-29 ta’ Frar 2024 fir-rigward ta’ bastiment tal-baħar li jidħol fit-territorju doganali tal-Unjoni. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Istati Membri jistgħu jużaw mezzi oħrajn għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għan-notifika tal-wasla ta’ inġenju tal-ajru meħtieġa mill-Artikolu 133 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 sal-31 ta’ Diċembru 2023 u għan-notifika tal-wasla ta’ bastiment tal-baħar sad-29 ta’ Frar 2024.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023 fir-rigward ta’ inġenju tal-ajru li jidħol fit-territorju doganali tal-Unjoni, u mhux aktar tard mid-29 ta’ Frar 2024 fir-rigward ta’ bastiment tal-baħar li jidħol fit-territorju doganali tal-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lill-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka u lir-Renju tal-Iżvezja.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Frar 2023.
Għall-Kummissjoni
Paolo GENTILONI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 168).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/414 tat-8 ta’ Marzu 2021 dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ sistemi elettroniċi għall-iskambju u l-ħżin tal-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 81, 9.3.2021, p. 37).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).