2.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 30/18


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/220

tal-1 ta’ Frar 2023

li tistabbilixxi u tiżviluppa l-istandard tal-format universali tal-messaġġi (FUM) skont ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 38(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/817, flimkien mar-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi qafas li jiżgura l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-fruntieri, il-viża, il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni.

(2)

Dawn ir-Regolamenti jipprovdu għal format universali ta’ messaġġ (FUM) biex iservi bħala standard għall-iskambju strutturat u transfruntier ta’ informazzjoni bejn is-sistemi ta’ informazzjoni, l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.

(3)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi tal-FUM għall-iżvilupp tal-EES, l-ETIAS, il-portal Ewropew tat-tfittxija (European search portal, ESP), ir-repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l-identità (common identity repository, CIR), id-detettur ta’ identitajiet multipli (multiple-identity detector, MID) kif definit fir-Regolament (UE) 2019/817 u li jkun hemm dispożizzjoni speċifika għat-tikkettar tal-kampijiet tad-data għas-sistemi li jaqgħu fl-ambitu tal-interoperabbiltà.

(4)

Billi r-Regolament (UE) 2019/817 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka nnotifikat l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/817 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għaldaqstant hija marbuta b’din id-Deċiżjoni.

(5)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem (3). għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(6)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (4) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (5).

(7)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (6) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (7).

(8)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (8) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (9).

(9)

Fir-rigward ta’ Ċipru, il-Bulgarija u r-Rumanija, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jimxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen, jew huwa altrimenti marbut miegħu, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 u l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005, rispettivament.

(10)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u ta l-opinjoni tiegħu fil-2 ta’ Awwissu 2022.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 74(1) tar-Regolament (UE) 2019/817,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjoni

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

(1)

“sistema tal-informazzjoni” tfisser sistema ċentrali jew nazzjonali tal-ipproċessar tad-data u kwalunkwe wieħed mill-komponenti tal-interoperabbiltà li ġejjin: il-portal Ewropew tat-tfittxija (ESP), ir-repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l-identità (CIR) u d-detettur ta’ identitajiet multipli (MID).

Artikolu 2

Standard tal-Format Universali tal-Messaġġi (FUM)

1.   L-istandard tal-format universali tal-messaġġi (FUM) għall-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni għandu jkun kif stabbilit fl-Anness I.

2.   L-istandard tal-FUM għandu jintuża, jekk ikun xieraq, fl-iżvilupp mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) jew minn kwalunkwe aġenzija oħra tal-Unjoni għal mudelli ġodda ta’ skambju ta’ informazzjoni u sistemi ta’ informazzjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.

3.   L-elementi stabbiliti fl-Anness II, derivati mill-istandard tal-format universali tal-messaġġi (FUM), għandhom jintużaw fl-iżvilupp tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), u l-komponenti tal-interoperabbiltà li ġejjin: l-ESP, is-CIR u l-MID.

Artikolu 3

Użu tal-FUM

1.   L-istandard tal-FUM jista’ jintuża għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn sistemi ta’ informazzjoni, awtoritajiet jew organizzazzjonijiet fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.

2.   L-istandard tal-FUM għandu jintuża biex jiddeskrivi l-informazzjoni skambjata bejn is-sistemi ta’ informazzjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-komponenti tal-interoperabbiltà stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

3.   L-istandard tal-FUM ma għandux ikun obbligatorju għad-deskrizzjoni tal-elementi tad-data maħżuna f’sistema ta’ informazzjoni jew bażi tad-data.

Artikolu 4

Użu tal-istandard tal-FUM għall-iżvilupp tal-ESP

L-istandard tal-FUM għandu jintuża biex jiddeskrivi u jittikketta l-identità, id-dokument tal-ivvjaġġar u d-data bijometrika mfittxija u riċevuta permezz tal-ESP.

Artikolu 5

Użu tal-istandard tal-FUM għall-iżvilupp tas-CIR u tal-MID

L-istandard tal-FUM għandu jintuża biex jiddeskrivi u jittikketta l-identità, id-dokument tal-ivvjaġġar u d-data bijometrika użati għall-informazzjoni skambjata mas-CIR u mal-MID imsemmija fl-Artikoli 20 u 22 tar-Regolament (UE) 2019/817.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85).

(3)  Din id-Deċiżjoni ma taqax fl-ambitu tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(4)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(6)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(8)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS I

L-istandard tal-Format Universali ta’ Messaġġ (FUM) jikkonsisti fid-dokumenti li ġejjin imwassla bħala riżultat tal-Proġett FUM iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea.

(1)

“UMF3.1_BusinessDescription.”,

(2)

“UMF XML Schema Overview 3.1”,

(3)

“UMF V3.1 Schema&TestSamples”.

Dawn id-dokumenti huma disponibbli fuq https://circabc.europa.eu/ui/group/af638ba5-eb84-4476-87fb-9a76ad669d2e. Dan is-sit web huwa ġestit mis-Segretarjat tal-FUM ospitat fid-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni tal-Kummissjoni Ewropea. L-aġġornamenti kollha ta’ dawn id-dokumenti huma ppubblikati fuq l-istess sit.


ANNESS II

Tabella ta’ tassonomija tal-FUM tal-elementi tad-data tal-identità u tad-dokument tal-ivvjaġġar fl-EES, il-VIS, l-ETIAS, l-ECRIS- TCN u l-komponenti tal-interoperabbiltà.

Tikketta tal-elementi tad-data

Immappjar tal-FUM

Deskrizzjoni

FamilyName

PersonIdentity.PersonCoreName.FamilyName

Il-kunjom jew il-kunjom ta’ persuna. Il-kunjom normalment huwa kondiviż bejn il-membri ta’ familja. Ikun fih il-partijiet kollha tal-kunjom inklużi l-prefissi.

FamilyNameAtBirth

PersonIdentity.PersonCoreName.BirthName

Kunjom, kunjom tal-familja jew kunjom ta’ persuna mat-twelid

PreviousFamilyName

a1)

PersonIdentity.OtherName.Type

LUT-value: PreviousName

a2)

PersonIdentity.OtherName.Description

Il-kunjom, il-kunjom tal-familja jew il-kunjom użat fil-passat u mibdul b’mod leġittimu.

PreviousFirstNames

a1)

PersonIdentity.OtherName.Type

LUT-value: PreviousName

a2)

PersonIdentity.OtherName.Description

Ismijiet preċedenti, pereż. meta l-ismijiet inbidlu b’mod leġittimu.

OtherName

a1)

PersonIdentity.OtherName.Type

LUT-value: NotAssignableName

a2)

PersonIdentity.OtherName.Description

[Available with UMF 3.1]

Isem ieħor huwa isem formali jew mhux uffiċjali li bih persuna tkun magħrufa (psewdonimi, isem/ismijiet artistiku/artistiċi, isem/ismijiet tas-soltu).

FirstName

PersonIdentity.PersonCoreName.FirstName

L-isem/ismijiet ta’ persuna. L-ismijiet kollha li huma parti minn identità ta’ persuna.

DateOfBirth

PersonIdentity.DateOfBirth

Id-data li fiha persuna twieldet jew tqieset uffiċjalment li twieldet.

PlaceOfBirth

PersonIdentity.PlaceOfBirth

Belt, raħal jew lokalità oħra fejn persuna twieldet jew tqieset li twieldet.

CountryOfBirth

PersonIdentity.CountryOfBirth

Il-pajjiż tat-twelid huwa l-pajjiż fejn persuna twieldet jew tqieset uffiċjalment li tkun twieldet.

Gender

PersonIdentity.Gender

Il-ġeneru huwa s-sess ta’ persuna

FamilyNameOfFather

a1)

PersonIdentity.ParentOrGuardianName.Type

LUT-value: Father

a2)

PersonIdentity.ParentOrGuardianName.FamilyName

[Available with UMF 3.1]

Il-kunjom, il-kunjom tal-ewwel ġenitur (il-missier) ta’ persuna

FirstNameOfFather

a1)

PersonIdentity.ParentOrGuardianName.Type

LUT-value: Father

a2)

PersonIdentity.ParentOrGuardianName.FirstName

[Available with UMF 3.1]

Isem/Ismijiet tal-ewwel ġenitur (il-missier) ta’ persuna

FamilyNameOfMother

a1)

PersonIdentity.ParentOrGuardianName.Type

LUT-value: Mother

a2)

PersonIdentity.ParentOrGuardianName.FamilyName

[Available with UMF 3.1]

Il-kunjom, il-kunjom tat-tieni ġenitur (l-omm) ta’ persuna

FirstNameOfMother

a1)

PersonIdentity.ParentOrGuardianName.Type

LUT-value: Mother

a2)

PersonIdentity.ParentOrGuardianName.FirstName

[Available with UMF 3.1]

Isem/Ismijiet tat-tieni ġenitur (l-omm) ta’ persuna

Nationality

PersonIdentity.Nationality.Country

Pajjiż li fih persuna għandha ċittadinanza legali (jew indikazzjoni ta’ kundizzjoni apolida).

NationalityAtBirth

a1)

PersonIdentity.Nationality.Country

a2)

PersonIdentity.Nationality.StartDate = DateOfBirth

Pajjiż jew pajjiżi li fihom persuna kellha ċittadinanza legali mat-twelid

DocumentType

Document.DocumentType

Tip ta’ dokument

DocumentNumber

Document.NumberInformation.Number

Numru alfanumeriku, li ġie assenjat mis-sid, il-portatur, l-utent, il-pubblikatur, id-distributur, l-emittent jew il-manifattur tad-dokument.

IssuingCountry

Document.IssuingAuthority.NationalAffiliation

Pajjiż tal-awtorità emittenti tad-dokument

IssuingAuthority

Document.IssuingAuthority.Department/Agency.Name

L-isem tal-awtorità li ħarġet id-dokument.

IssueDate

Document.IssueDate

Data meta nħareġ id-dokument

ValidUntil

Document.ValidUntil

Data sakemm id-dokument ikun validu

FullName

PersonIdentity.PersonCoreName.FullName

L-isem sħiħ huwa isem komplut ta’ persuna. L-isem sħiħ tal-attribut fih l-isem sħiħ ta’ persuna. Apparti mill-kontenut tal-isem, il-kunjom u, f’xi sistemi, l-isem patronomiku, dan jista’ jġorr partijiet addizzjonali ta’ isem ta’ persuna bħal titoli, ismijiet tan-nofs jew suffissi bħal “it-tielet”, “III” jew ismijiet li la huma l-isem proprju (mogħti) u lanqas kunjom


Elementi ta’ data bijometrika preżenti fl-EES u fl-sBMS (Servizz kondiviż ta’ Tqabbil Bijometriku)

Tikketta ta’ elementi tad-data

Deskrizzjoni

BiometricType

Indikazzjoni tal-modalità bijometrika.

NISTFormat

Il-format NIST li ntuża għall-iskambju tal-kampjun bijometriku.

NIST

Il-fajl binarju tad-data bijometrika.

MatchingScore

Riżultat tat-tqabbil, li jindika l-grad ta’ xebh bejn il-kampjuni bijometriċi (għall-marki tas-swaba’, il-punteġġ tat-tqabbil huwa għas-sett sħiħ tal-marki tas-swaba’ mid-data tas-sonda). Aktar ma jkun għoli l-punteġġ, aktar ikun għoli x-xebh.

MatchingInterval

Dan l-element jindika f’liema intervall il-punteġġ tat-tqabbil jinsab taħt, bejn u ’l fuq mil-limitu ta’ tqabbil u l-limitu ta’ tqabbil possibbli.

Immaġni tal-wiċċ

QualityValue

An indication of the quality of the biometric. Il-punteġġi tal-kwalità bijometrika tal-immaġnijiet tal-wiċċ huma bbażati fuq algoritmu li jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-ISO/IEC 19794-5: 2011.

NotProvidedReason

Valur tat-tabella tal-kodiċi li jindika raġuni għaliex l-immaġni tal-wiċċ ma ġietx ipprovduta.

Source

Il-valur tat-tabella tal-kodiċi li jindika s-sors tal-immaġni tal-wiċċ.

Marki tas-swaba

QualityValue

Indikazzjoni tal-kwalità tal-bijometrika. Il-punteġġi bijometriċi tal-kwalità tal-marki tas-swaba’ huma bbażati fuq NFIQ 2.0 (NIST Fingerprint Image Quality version 2.0).

NotProvidedReason

Il-valur tat-tabella tal-kodiċi li jindika r-raġuni għaliex il-marki tas-swaba’ ma ġewx ipprovduti.

FingersPermutation

Indikatur dwar jekk il-verifika għandhiex issir bil-permutazzjoni tas-swaba’ jew le.

HandsPermutation

Indikatur jekk it-tfittxija għandhiex issir b’permutazzjoni tal-idejn jew le. Applikabbli biss għal identifikazzjonijiet bil-marki tas-swaba’.