30.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 26/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/193

tat-30 ta’ Jannar 2023

li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (1).

(2)

L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

(3)

L-Iran jipprovdi appoġġ militari għall-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna. Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li entità involuta fl-iżvilupp u l-kunsinna ta’ Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord lir-Russja jenħtieġ li tinżdied mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

(4)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

(5)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2014/145/PESK jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KULLGREN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16).


ANNESS

L-entità li ġejja tinżdied mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK:

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“175.

Iran Aircraft Manufacturing Industries Corporation (HESA)

شرکت صنایع هواپیماسازی ایران

Indirizz: Sepahbod Gharani Avenue 107, Tehran, Iran

Tip ta’ entità: Manifattur ajruspazjali

Korporazzjoni ta’ proprjetà tal-gvern

Post tar-reġistrazzjoni: Isfahan, l-Iran

Data tar-reġistrazzjoni: 1977

Entitajiet assoċjati oħra: Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC)

Iran Aircraft Manufacturing Industries Corporation (HESA) hija kumpannija Iranjana speċjalizzata fil-manifattura ta’ inġenji tal-ajru militari u ċivili, u vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs).

Il-HESA timmanifattura UAVs użati mill-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) u l-HESA hija involuta fir-riċerka dwar UAVs, l-iżvilupp, il-produzzjoni, u l-operazzjonijiet ta’ titjir tagħhom. Il-HESA hija sussidjarja tal-Iran Aviation Industries Organisation (IAIO), intrapriża ta’ proprjetà tal-gvern subordinata għall-Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL) tal-Iran. L-UAVs prodotti mill-HESA fl-Iran jintużaw mill-Federazzjoni Russa fil-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna.

Għalhekk, il-HESA hija responsabbli talli appoġġat materjalment jew finanzjarjament azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

30.1.2023”