30.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 26/44


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/191

tas-27 ta’ Jannar 2023

li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1).

(2)

Fir-Riżoluzzjoni ES-11/1 tagħha li ġiet adottata fit-2 ta’ Marzu 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti kkundannat bl-aktar mod qawwi l-aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU). Fir-Riżoluzzjoni ES-11/4 tagħha li ġiet adottata fit-12 ta’ Ottubru 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-NU, filwaqt li ħadet nota tad-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tad-29 ta’ Settembru 2022 li fiha fakkar li kwalunkwe annessjoni ta’ territorju ta’ Stat minn Stat ieħor li tirriżulta mit-theddida jew l-użu tal-forza hija ksur tal-prinċipji tal-Karta u tad-dritt internazzjonali, ikkundannat l-organizzazzjoni mill-Federazzjoni Russa ta’ hekk imsejħa referenda illegali f’reġjuni fi ħdan il-fruntieri tal-Ukrajna li huma rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, kif ukoll l-attentat ta’ annessjoni illegali tar-reġjuni Ukreni ta’ Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia wara li ġew organizzati dawk l-hekk imsejħa referenda. Fl-ordni vinkolanti tagħha tas-16 ta’ Marzu 2022 li tindika miżuri proviżorji, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ordnat lill-Federazzjoni Russa tissospendi minnufih l-operazzjonijiet militari li kienet bdiet fit-territorju tal-Ukrajna.

(3)

Sakemm l-azzjonijiet illegali mill-Federazzjoni Russa jkomplu jiksru l-projbizzjoni fuq l-użu tal-forza, li hija regola perentorja tad-dritt internazzjonali, huwa xieraq li jinżammu fis-seħħ il-miżuri kollha imposti mill-Unjoni u li jittieħdu miżuri addizzjonali, jekk ikun meħtieġ. Konsegwentement, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/512/PESK tiġġedded għal sitt xhur oħra.

(4)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2014/512/PESK jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fid-Deċiżjoni 2014/512/PESK, l-Artikolu 9(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Lulju 2023.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).