|
24.1.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 22/29 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/162
tat-23 ta’ Jannar 2023
dwar missjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja (EUMA)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fis-6 ta’ Ottubru 2022, fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea li saret fi Praga, ir-Repubblika tal-Armenja u r-Repubblika tal-Ażerbajġan ikkonfermaw l-impenn tagħhom għall-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u għad-Dikjarazzjoni miftiehma f’Alma Ata fil-21 ta’ Diċembru 1991, li fiha ż-żewġ Stati rrikonoxxew l-integrità territorjali u s-sovranità ta’ xulxin. |
|
(2) |
F’ ittra li rċieva r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”), il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Armenja stieden lill-Unjoni tiskjera Missjoni ċivili fl-Armenja taħt il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK). |
|
(3) |
Fid-19 ta’ Jannar 2023 il-Kunsill approva Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi għal Missjoni ċivili possibbli tal-PSDK fl-Armenja. Jenħtieġ għalhekk li din il-Missjoni tiġi stabbilita. |
|
(4) |
Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) jenħtieġ li jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli, kontroll politiku fuq il-missjoni tal-PSDK fl-Armenja, jagħtiha direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). |
|
(5) |
Huwa neċessarju li jiġu negozjati u konklużi ftehimiet internazzjonali dwar l-istatus tal-unitajiet u tal-persunal immexxija mill-Unjoni u l-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi fil-Missjoni. |
|
(6) |
Il-Missjoni ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Missjoni
1. L-Unjoni b’dan tistabbilixxi Missjoni ċivili tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja (EUMA) taħt il-PSDK.
2. L-EUMA għandha tkun parti mill-kontribut tal-Unjoni, bħala attur imparzjali u kredibbli, għall-ħolqien ta’ ambjent sikur u stabbli f’żoni milquta minn kunflitt fl-Armenja, li fih is-sigurtà mtejba tal-bniedem u n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan fuq il-post ser jippermettu għal aktar progress lejn ftehim ta’ paċi potenzjali.
Artikolu 2
Mandat
1. L-objettiv strateġiku tal-EUMA għandu jkun li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-għadd ta’ inċidenti f’żoni affettwati minn kunflitt u f’żoni tal-fruntiera fl-Armenja, li tnaqqas il-livell ta’ riskji għall-popolazzjoni li tgħix f’tali żoni u b’hekk tikkontribwixxi għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan fuq il-post.
2. Għal dak l-għan, il-Missjoni għandha tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan, b’modi li jħarsu l-kredibbiltà tagħha bħala attur imparzjali, billi:
|
(a) |
tosserva permezz tat-twettiq ta’ pattulji ta’ rutina u tirrapporta dwar is-sitwazzjoni fuq il-post u kwalunkwe inċident relatat mal-kunflitt sabiex jiġi żgurat għarfien dettaljat tas-sitwazzjoni tas-sigurtà; |
|
(b) |
tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-bniedem f’żoni milquta minn kunflitt, fost oħrajn billi tiġbor informazzjoni permezz ta’ pattulji ad hoc u tirrapporta dwar sitwazzjonijiet fejn, minħabba konsegwenzi diretti jew indiretti tal-kunflitt, il-ħajja u d-drittijiet bażiċi tal-bniedem ikunu fil-periklu; |
|
(c) |
abbażi tal-attivitajiet tagħha skont is-subparagrafi (a) u (b) u permezz tal-preżenza permanenti u viżibbli tagħha fuq il-post, tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja bejn il-popolazzjonijiet tal-Armenja u tal-Ażerbajġan u, fejn possibbli, bejn l-awtoritajiet ta’ dawk il-pajjiżi, b’appoġġ għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun. |
3. Id-dritt umanitarju internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-aġendi skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR 1325 (2000) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, il-UNSCR 2250 (2015) dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u l-UNSCR 1612 (2005) dwar l-aġendi dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati għandhom jiġu integrati bis-sħiħ u b’mod proattiv fl-ippjanar, l-attivitajiet u r-rappurtar strateġiċi u operazzjonali tal-Missjoni.
Artikolu 3
Linja ta’ kmand u struttura
1. Il-Missjoni għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.
2. Il-Missjoni għandu jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha fl-Armenja.
3. Il-Missjoni għandha tkun strutturata f’konformità mad-dokumenti ta’ ppjanar tagħha.
Artikolu 4
Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili
1. Id-Direttur Maniġerjali tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-Missjoni. Is-CPCC għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija tal-Missjoni.
2. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli, għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-Missjoni fil-livell strateġiku.
3. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-KPS fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, inkluż bil-ħruġ ta’ struzzjonijiet fil-livell strateġiku lill-Kap tal-Missjoni kif meħtieġ u billi jipprovdilu/jipprovdilha pariri u appoġġ tekniku.
4. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-Rappreżentant Għoli.
5. Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah skont ir-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), rispettivament. Dawk l-awtoritajiet għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operazzjonali tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.
6. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament.
7. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE għall-Armenja u għall-Ażerbajġan, u r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Kriżi fil-Georgia (ir-“RSUE”) għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.
Artikolu 5
Kap tal-Missjoni
1. Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà għall-Missjoni u għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tagħha, fil-livell operattiv. Il-Kap tal-Missjoni għandu jaqa’ direttament taħt il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u jaġixxi f’konformità mal-istruzzjonijiet tiegħu jew tagħha.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun ir-rappreżentant tal-Missjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà tagħha.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita r-responsabbiltà amministrattiva u loġistika għall-Missjoni, inkluż responsabbiltà għall-assi, ir-riżorsi u t-tagħrif li tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Missjoni. Il-Kap tal-Missjoni jista’ jiddelega kompiti ta’ ġestjoni fi kwistjonijiet ta’ persunal u dawk finanzjarji lil membri tal-persunal tal-Missjoni, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu jew tagħha.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal tal-Missjoni. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinari għandha tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah f’konformità mar-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, jew mis-SEAE rispettivament.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-Missjoni.
Artikolu 6
Persunal
1. Il-Missjoni għandu tikkonsisti primarjament minn persunal issekondat mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE. Kull Stat Membru, kull istituzzjoni tal-Unjoni, u s-SEAE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe persunal issekondat minnhom, inkluż l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-istazzjonament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances minbarra l-allowances applikabbli ta’ kuljum.
2. L-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni, jew is-SEAE rispettivament għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe lment marbut mal-issekondar mingħand il-membri tal-persunal li jkunu ssekondaw jew dwarhom, u biex jieħdu kwalunkwe azzjoni kontra tali persuni.
3. Il-persunal internazzjonali u lokali jistgħu jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali mill-Missjoni jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jiġu provduti minn persunal issekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f’każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikant kwalifikat mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati ċittadini minn Stati terzi parteċipanti fuq bażi kuntrattwali, kif adatt.
4. Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Missjoni u l-membru tal-persunal ikkonċernat.
Artikolu 7
Status tal-Missjoni u tal-persunal tagħha
L-istatus tal-Missjoni u tal-persunal tagħha, inkluż, fejn xieraq, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-Missjoni, għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim konkluż taħt l-Artikolu 37 TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 8
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Il-KPS għandu jeżerċita il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan il-għan f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat għall-ħatra ta’ Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli , u biex jiġi emendat il-Pjan Operazzjonali (OPLAN). Is-setgħat tad-deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-Missjoni għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill. Id-deċiżjonijiet tal-KPS rigward il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni għandhom jiġu pubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.
3. Il-KPS għandu jirċievi rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom fuq bażi regolari u kif meħtieġ.
Artikolu 9
Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi sabiex jikkontribwixxu għall-Missjoni, dment li dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inkluż is-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta’ sussistenza ta’ kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-Armenja, u dment li dawn jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi tal-Missjoni, kif meħtieġ.
2. L-Istati Terzi li jikkontribwixxu għall-Missjoni għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati Membri f’termini tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-Missjoni.
3. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta’ Kontributuri.
4. L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi f’konformità mal-Artikolu 37 TUE u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu jew ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dak l-Istat terz f’operazzjonijiet tal-Unjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-Missjoni.
Artikolu 10
Sigurtà
1. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-Kap tal-Missjoni tal-miżuri ta’ sigurtà u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tagħhom mill-Missjoni f’konformità mal-Artikolu 4.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-Missjoni u biex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-Missjoni, f’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V TUE, u mal-istrumenti ta’ sostenn tagħha.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiġi assistit minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni, li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-SEAE.
4. Il-persunal tal-Missjoni għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f’konformità mal-OPLAN. Huwa għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post tal-operazzjonijiet, li jkun organizzat mill-Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (1).
Artikolu 11
Kapaċità ta’ Sorveljanza
Il-Kapaċità ta’ Sorveljanza għandha tiġi attivata għall-Missjoni.
Artikolu 12
Arranġamenti legali
Il-Missjoni għandu jkollha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tidħol f’kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi minn assi u tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.
Artikolu 13
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Missjoni għall- erba’ xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun EUR 8 103 590,82. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għal kull perjodu sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta’ kuntratti ta’ akkwist mill-Missjoni għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Barra minn hekk, ma għandha tapplika l-ebda regola ta’ oriġini għall-prodotti mixtrija mill-Missjoni. Soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, il-Missjoni tista’ tikkonkludi arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri, l-Istat ospitanti, Stati terzi parteċipanti u ma’ atturi internazzjonali oħra, fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u siti lill-Missjoni.
3. Il-Missjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħha. Għal dan il-għan, il-Missjoni għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni. L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-linja ta’ kmand prevista fl-Artikoli 3, 4 u 5 u r-rekwiżiti operazzjonali tal-Missjoni.
4. Il-Missjoni għandha tirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni u tkun issorveljata minnha fir-rigward tal-attivitajiet finanzjarji mwettqa fil-qafas tal-ftehim tagħhom.
5. In-nefqa marbuta mal-Missjoni għandha tkun eliġibbli mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 14
Faċilità għat-Tisħiħ tal-Fiduċja
1. Il-Missjoni għandu jkollha Faċilità għat-Tisħiħ tal-Fiduċja għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti b’appoġġ għall-kompitu tagħha skont l-Artikolu 2, paragrafu 2(c).
2. Din iċ-ċellula ta’ proġetti għandha, skont il-ħtieġa, tiffaċilita u tipprovdi pariri dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u Stati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’oqsma marbutin mal-Missjoni u b’appoġġ għall-objettivi tagħha.
3. Il-Missjoni għandha tkun awtorizzata tirrikorri għal kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri jew minn Stati terzi sabiex timplimenta proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b’mod konsistenti azzjonijiet oħra tal-Missjoni, jekk il-proġett ikun:
|
(a) |
previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja relatata ma’ din id-Deċiżjoni; jew |
|
(b) |
integrat matul il-mandat permezz ta’ emenda tad-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kap tal-Missjoni. |
4. Il-Missjoni għandha tikkonkludi arranġament ma’ dawk l-Istati, li jkopri b’mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta’ kwalunkwe ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata minħabba atti jew ommissjonijiet mill-Missjoni fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati. L-Istati li jikkontribwixxu ma jistgħu f’ebda ċirkostanza jżommu lill-Unjoni jew lir-RGħ responsabbli ta’ atti jew ommissjonijiet mill-Missjoni fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.
5. Il-KPS għandu jaqbel dwar l-aċċettazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Istati terzi għaċ-Ċellula ta’ Proġetti.
Artikolu 15
Konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura l-konsistenza tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni mal-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-intier tagħha, inkluż il-programmi ta’ assistenza tal-Unjoni.
2. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Unjoni għall-Armenja u mar-RSUE sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni fl-Armenja; b’mod partikolari, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Armenja fir-rigward tar-relazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Armenja u mir-RSUE fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan.
3. Barra minn hekk, mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jżomm lill-Kap tad-Delegazzjoni fl-Ażerbajġan infurmat dwar l-attivitajiet tal-Missjoni u għandu jikkonsultah/jikkonsultaha dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza għall-Ażerbajġan.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina ma’ atturi internazzjonali oħra kif adatt.
Artikolu 16
Rilaxx ta’ informazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, kif adatt u f’konformità mal-ħtiġijiet tal-Missjoni, l-informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” li tiġi ġġenerata għall-finijiet tal-Missjoni, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/TUE.
2. Fil-każ ta’ ħtieġa operazzjonali speċifika u immedjata, ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat ukoll li jgħaddi lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li hija ġġenerata għall-finijiet tal-Missjoni, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għal dan il-għan għandhom jitfasslu arranġamenti bejn ir-Rappreżentant Għoli u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-Missjoni u kopert mill-obbligu ta’ segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (2).
4. Ir-Rappreżentant Għoli jista’ jiddelega s-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3, kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmijin fil-paragrafu 2, lil persuni taħt l-awtorità tiegħu jew tagħha, lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u lill-Kap tal-Missjoni skont it-Taqsima VII tal-Anness VI tad-Deċiżjoni 2013/488/UE.
Artikolu 17
Tnedija tal-Missjoni
1. Il-Missjoni għandha titnieda permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill fid-data rrakkomandata mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-Missjoni ladarba hija tkun laħqet il-kapaċità operazzjonali inizjali tagħha.
2. It-tim ewlieni tal-Missjoni għandu jagħmel it-tħejjijiet neċessarji biex il-Missjoni tkun tista’ tilħaq il-kapaċità operazzjonali inizjali tagħha.
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ u durata
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Għandha tapplika għal perjodu ta’ sentejn mit-tnedija tal-Missjoni.
3. Il-KPS għandu jwettaq valutazzjoni strateġika tal-Missjoni u l-mandat tagħha sena wara li titnieda. Għandu jitwettaq rieżami strateġiku tal-Missjoni biżżejjed żmien qabel l-iskadenza ta’ din id-Deċiżjoni.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ January 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).