24.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 22/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/160

tat-23 ta’ Jannar 2023

li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ April 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/231/PESK (1).

(2)

Fis-17 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni (UNSCR) 2662 (2022). Dik ir-Riżoluzzjoni tafferma mill-ġdid l-embargo fuq l-armi fuq is-Somalja u temenda l-applikazzjoni ta’ derogi u eżenzjonijiet li jikkonċernaw il-konsenja ta’ armi u materjali relatati lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà u tal-pulizija tas-Somalja fil-livell nazzjonali u lokali. Dik ir-Riżoluzzjoni tafferma mill-ġdid il-projbizzjoni kontra l-importazzjoni tal-faħam mis-Somalja, u tikkonferma wkoll ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ, il-forniment u t-trasferiment ta’ komponenti ta’ apparat esplożiv improvviżat (IED) lejn is-Somalja.

(3)

Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni 2010/231/PESK tiġi emendata skont dan.

(4)

Hija neċessarja aktar azzjoni mill-Unjoni biex jiġu implimentati ċerti miżuri f’din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/231/PESK hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, u għall-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja jew assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, maħsuba unikament għall-appoġġ ta’ jew l-użu mill-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż il-Missjoni ta’ Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Somalja (UNSOM);

(b)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, u għall-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja jew assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari maħsuba unikament għall-appoġġ ta’ jew l-użu mill-Missjoni ta’ Tranżizzjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (ATMIS) u s-sħab strateġiċi tagħha, li joperaw unikament skont il-Kunċett Strateġiku l-aktar reċenti tal-Operazzjonijiet tal-Unjoni Afrikana (UA), u f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-ATMIS;

(c)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, u għall-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja jew assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, maħsuba unikament għall-appoġġ ta’ jew l-użu minn: l-attivitajiet ta’ taħriġ u appoġġ tal-Unjoni Ewropea, it-Turkija, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Istati Uniti tal-Amerka, kif ukoll kwalunkwe forza Statali oħra li jew tkun qed topera fi ħdan il-Pjan ta’ Tranżizzjoni għas-Somalja (STP), jew inkella jkollha ftehim dwar l-istatus tal-forzi jew memorandum ta’ qbil mal-Gvern Federali tas-Somalja (FGS) biex taqdi l-għanijiet tar-Riżoluzzjoni 2662 (2022) tan-NU dment li tinforma lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar il-konklużjoni ta’ tali ftehimiet;

(d)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip u l-forniment ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, maħsuba unikament għall-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà u tal-pulizija tas-Somalja fil-livell nazzjonali u lokali, biex jipprovdu sigurtà għall-poplu tas-Somalja. Il-konsenja tal-oġġetti stipulati fl-Annessi II u III, u l-għoti ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra, u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti rilevanti ta’ approvazzjoni jew ta’ notifika kif ġej:

(i)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip stipulat fl-Anness II maħsuba unikament għall-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà u tal-pulizija tas-Somalja, biex jipprovdi sigurtà għall-poplu tas-Somalja, għandu jkun soġġett għal approvazzjoni minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kif stabbilit fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, u jista’ jiġi pprovdut fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta tasal tali notifika mis-Somalja, l-Istati Membri jew organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u sottoreġjonali li jagħtu l-assistenza;

(ii)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip stabbilit fl-Anness III maħsuba unikament għall-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà u tal-pulizija tas-Somalja, biex jipprovdi sigurtà għall-poplu tas-Somalja, għandu jkun soġġett għal notifika minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għal fini ta’ informazzjoni, kif stipulat fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, ippreżentata ħamest ijiem ta’ xogħol bil-quddiem mis-Somalja, l-Istati Membri jew organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u sottoreġjonali li jagħtu l-assistenza;

(e)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ lbies protettiv, inkluż ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn is-Somalja minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, rappreżentanti tal-mezzi tax-xandir u ħaddiema u persunal assoċjat fl-ambitu umanitarju u fil-qasam tal-iżvilupp għall-użu personali tagħhom biss;

(f)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ tagħmir militari mhux letali mill-Istati Membri, organizzazzjonijiet internazzjonali reġjonali jew sottoreġjonali maħsub unikament għal użu umanitarju jew protettiv.”

;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-awtoritajiet Somali għandhom ir-responsabbiltà primarja li jinnotifikaw lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bi kwalunkwe konsenja ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha stipulati fl-Anness II u l-Anness III lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà u tal-pulizija tas-Somalja, kif stabbilit fil-paragrafu 3, il-punt (d) ta’ dan l-Artikolu. In-notifiki għandhom jinkludu dettalji tal-manifattur u l-fornitur tal-armi u materjal relatat ta’ kull tip, deskrizzjoni tal-armi u l-munizzjon inkluż it-tip, in-numri tas-serje, il-kalibru u l-kwantità, id-data proposta u l-post tal-konsenja, u l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna l-unità ta’ destinazzjoni maħsuba, jew il-post maħsub għall-ħażna.”

;

(c)

il-paragrafu 4a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4a.   Is-Somalja jew l-Istat Membru fornitur jew organizzazzjoni internazzjonali, reġjonali jew sottoreġjonali li tagħti l-assistenza għandha, mhux aktar tard minn 30 jum wara l-konsenja ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, tippreżenta lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet notifika ta’ wara l-konsenja fil-forma ta’ konferma bil-miktub tat-tlestija ta’ kwalunkwe konsenja, inkluż in-numri tas-serje għall-armi u l-materjal relatat tat-tipi kollha kkonsenjati, l-informazzjoni dwar il-kunsinna, il-polza ta’ kargu, il-manifesti tal-merkanzija jew il-listi tal-ippakkjar, u l-post speċifiku tal-ħażna.”

;

(d)

jitħassar il-paragrafu 4b;

(e)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment, il-bejgħ mill-ġdid, it-trasferiment, jew it-tqegħid għall-użu ta’ kwalunkwe arma jew tagħmir militari, mibjugħ jew fornut f’konformità mal-Artikolu 1(3)(d) unikament għall-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà u tal-pulizija tas-Somalja, lil kwalunkwe individwu jew entità li ma jkunux fis-servizz tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà u tal-pulizija tas-Somalja li oriġinarjament ġie mibjugħ jew fornut lilhom, jew lill-Istat Membru li qed ibigħ jew iforni jew l-organizzazzjoni internazzjonali, reġjonali jew sottoreġjonali.”

.

(2)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Miżuri restrittivi kif previsti fl-Artikoli 3, 5(1) u 6(1) u (2) għandhom ikunu imposti kontra persuni u entitajiet iddeżinjati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala:

(a)

li huma impenjati fi, jew li jipprovdu appoġġ għal, atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja, meta tali atti jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

(i)

l-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jinvolvu vjolenza sesswali u vjolenza abbażi tal-ġeneru;

(ii)

atti li jheddu l-proċess tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni fis-Somalja;

(iii)

atti li jheddu lill-Gvern Federali tas-Somalja jew lill-ATMIS bil-forza;

(b)

li aġixxew bi ksur tal-embargo fuq l-armi jew tar-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ mill-ġdid jew it-trasferiment ta’ armi jew tal-projbizzjoni kontra l-forniment ta’ assistenza relatata kif imsemmi fl-Artikolu 1;

(c)

li jostakolaw il-konsenja ta’ għajnuna umanitarja lis-Somalja, jew l-aċċess għal, jew id-distribuzzjoni ta’, għajnuna umanitarja fis-Somalja;

(d)

li huma mexxejja politiċi jew militari li jirreklutaw jew jużaw tfal f’konflitti armati fis-Somalja bi ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli;

(e)

li huma responsabbli għall-ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli fis-Somalja li jimplika atti kontra persuni ċivili, inkluż tfal u nisa, f’sitwazzjonijiet ta’ konflitti armati, inkluż qtil u mankament, vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, attakki fuq skejjel u sptarijiet u ħtif u spostament furzat;

(f)

li huma assoċjati ma’ Al-Shabaab, atti u attivitajiet li jindikaw li individwu jew entità huma assoċjati ma’ Al-Shabaab inkluż:

(i)

il-parteċipazzjoni fil-finanzjament, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta’ atti jew attivitajiet minn, flimkien ma’, taħt l-isem ta’, f’isem, jew b’appoġġ għal Al-Shabaab;

(ii)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat lil Al-Shabaab; u

(iii)

ir-reklutaġġ għal, jew l-appoġġ bi kwalunkwe mod ieħor ta’ atti jew attivitajiet ta’ Al-Shabaab jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom.

2.   Il-persuni u l-entitajiet rilevanti huma elenkati fl-Anness I.”

.

(3)

L-Artikolu 4a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4a

L-Istati Membri jistgħu, f’konformità mal-paragrafi 11 sa 21 ta’ UNSCR 2182 (2014), jispezzjonaw, fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja u fl-ibħra internazzjonali ’l barra mill-kosta tas-Somalja li jestendu sa u li jinkludu l-Baħar Għarbi u l-Golf Persjan, filwaqt li jaġixxu nazzjonalment jew permezz ta’ sħubiji navali multinazzjonali volontarji, bħall-‘Forzi Marittimi Kkombinati’, f’kooperazzjoni mal-Gvern Federali tas-Somalja, bastimenti destinati lejn jew ġejjin mis-Somalja li jkollhom raġunijiet raġonevoli biex iqisu li huma:

(a)

qed iġorru faħam mis-Somalja bi ksur tal-projbizzjoni fuq il-faħam;

(b)

qed iġorru armi jew tagħmir militari lejn is-Somalja, direttament jew indirettament, bi ksur tal-embargo tal-armi fuq is-Somalja;

(c)

qed iġorru armi jew tagħmir militari lil individwi jew entitajiet iddeżinjati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

(d)

qed iġorru komponenti ta’ apparat esplożiv improvviżat (IED) identifikati fil-Parti I tal-Anness C tar-Riżoluzzjoni 2662 (2022) tan-NU bi ksur tal-projbizzjoni fuq il-komponenti tal-IED.”

.

4.

l-Anness II huwa sostitwit mill-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

5.

l-Anness III huwa sostitwit mill-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17).


ANNESS I

“ANNESS II

LISTA TA’ OĠĠETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(3), IL-PUNT (d)(i.)

1.   

Missili mill-art għas-sema, inklużi s-Sistemi ta’ Difiża li Jinġarru mill-Bniedem kontra Attakki mill-Ajru (MANPADS).

2.   

Armi b’kalibru akbar minn 14,7 mm, u komponenti ddisinjati apposta għal dawn, u munizzjon assoċjat. (Dan ma jinkludix tagħmir li jispara r-rokits minn fuq l-ispallejn kontra t-tankijiet bħall-RPGs jew l-LAWs, granati tal-azzarini, jew tagħmir li jwaddab il-granati).

3.   

Busijiet b’kalibru akbar minn 82 mm u munizzjon assoċjat.

4.   

Armamenti ggwidati anti-tank, inklużi Missili Ggwidati Anti-tank (ATGMs) u munizzjon u komponenti speċjali ddisinjati għal dawn l-oġġetti.

5.   

Kargi u apparat iddisinjati jew modifikati speċifikament għall-użu militari; mini u materjal relatat.

6.   

Strumenti ottiċi ta’ mira għall-armi b’kapaċità ta’ viżjoni bil-lejl akbar mill-ġenerazzjoni 2.

7.   

Inġenji tal-ajru bi ġwienaħ fissi, bi ġwienaħ b’ġometrija varjabbli, rotor li jinklina jew bi ġwienaħ li jinklinaw, iddisinjati jew modifikati speċifikament għal użu militari.

8.   

‘Bastimenti’ u vetturi amfibi ddisinjati jew modifikati speċifikament għall-użu militari. (‘Bastiment’ tinkludi kwalunkwe vapur, vettura b’effett tal-wiċċ, bastiment ta’ żona ta’ pjan tal-ilma żgħir jew aliskaf u l-buq jew parti tal-buq ta’ bastiment.).

9.   

Vetturi tal-ajru għall-ġlied bla bdot (elenkati bħala Kategorija IV fir-Reġistru tan-NU ta’ Armi Konvenzjonali).


ANNESS II

“ANNESS III

LISTA TA’ OĠĠETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(3), IL-PUNT (d)(ii.)

1.   

Kull tip ta’ arma b’kalibru sa 14,7 mm, u l-munizzjon assoċjat.

2.   

RPG-7 u azzarini mingħajr imbuttatura wara l-isparatura, u l-munizzjon assoċjat.

3.   

Strumenti ottiċi ta’ mira għall-armi b’kapaċità ta’ viżjoni bil-lejl tal-ġenerazzjoni 2 jew inferjuri.

4.   

Inġenji tal-ajru bi ġwienaħ b’rotors jew ħelikopters iddisinjati jew modifikati speċifikament għall-użu militari.

5.   

Korazzi kontra l-balal iebsa li jipprovdu protezzjoni ballistika sal-livell III jew aktar (NIJ 0101.06 ta’ Lulju 2008) jew l-ekwivalenti nazzjonali.

6.   

Vetturi ta’ fuq l-art iddisinjati jew modifikati speċifikament għall-użu militari.

7.   

Tagħmir ta’ komunikazzjoni ddisinjat jew immodifikat speċifikament għall-użu militari.