19.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 17/94


DEĊIŻJONI (UE) 2023/135 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-30 ta’ Diċembru 2022

dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi ta’ riżervi barranin u kontribuzzjonjiet minn Hrvatska narodna banka lir-riżervi u l-provvedimenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/51)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 30.1, 30.3, 48.1 u 48.2 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1211 (1), b’mod konformi mal-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro u d-deroga mogħtija lill-Kroazja msemmija fl-Artikolu 5 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012 (2) ser tiġi abrogata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.

(2)

L-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-‘Istatut tas-SEBĊ’) jipprovdi illi l-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) ta’ Stat Membru li d-deroga tiegħu ġiet imħassra għandu jħallas sehmu fil-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) daqs il-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro ħallsu l-ishma tagħhom fil-kapital sottoskritt tal-BĊE bis-sħiħ. (3) Il-ponderazzjoni ta’ Hrvatska narodna banka fl-iskema tal-kapital tal-BĊE hija ta’ 0,6595 %, bis-saħħa tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/137 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/3) (4). Hrvatska narodna banka diġà ħallset parti mis-sehem tagħha fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/136 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/2) (5). Il-bilanċ huwa għalhekk ta’ EUR 68 713 762,06, li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-kapital sottoskritt tal-BĊE (EUR 10 825 007 069,61) bil-ponderazzjoni tal-iskema tal-kapital ta’ Hrvatska narodna banka (0,6595 %), bit-tnaqqis ta’ dik il-parti ta’ sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE li diġà ġiet imħallsa bis-sħiħ.

(3)

L-Artikolu 48.1, flimkien mal-Artikolu 30.1, tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-BĊN ta’ Stat Membru li d-deroga tiegħu ġiet imħassra għandu jittrasferixxi ukoll assi ta’ riżervi barranin lill-BĊE. Skont l-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, is-somma li għandha tiġi ttrasferita tiġi determinata billi l-valur f’euro bir-rati tal-kambju kurrenti tal-assi ta’ riżervi barranin li diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 30.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, tiġi mmultiplikata bil-proporzjon bejn in-numru ta’ ishma sottoskritti mill-BĊN kkonċernat u n-numru ta’ ishma li diġà tħallsu mill-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro. Meta jkunu qed jiġu determinati “l-assi ta’ riżervi barranin li diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 30.1”, għandha tingħata d-debita kunsiderazzjoni lill-aġġustamenti preċedenti tal-iskema kapitali skont l-Artikolu 29.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-espansjonijiet tal-iskema kapitali skont l-Artikolu 48.3 tal-Istatut tas-SEBĊ. B’riżultat ta’ dan, skont id-Deċiżjoni (UE) 2020/140 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/6) (6), l-ekwivalenti f’euro tal-assi ta’ riżervi barranin li diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 30.1 tal-Istatut tas-SEBĊ huwa ta’ EUR 40 343 940 778,93.

(4)

L-assi ta’ riżervi barranin li għandhom jiġu ttrasferiti minn Hrvatska narodna banka għandhom ikunu f’dollari Amerikani u deheb, jew iddenominati fihom.

(5)

L-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-BĊE għandu jikkredita lil kull BĊN ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro bi klejm ekwivalenti għall-assi ta’ riżervi barranin illi ttrasferixxa lill-BĊE. Id-dispożizzjonijiet dwar id-denominazzjoni u r-remunerazzjoni tal-klejms li diġà ġew ikkreditati lill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (7) għandhom japplikaw ukoll għad-denominazzjoni u r-remunerazzjoni tal-klejms ta’ Hrvatska narodna banka.

(6)

L-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-BĊN ta’ Stat Membru li d-deroga tiegħu ġiet imħassra għandu jikkontribwixxi għar-riżervi tal-BĊE, għal dawk il-provvedimenti ekwivalenti għal riżervi, u għall-ammont li għad irid jiġi approprjat fir-riżervi u l-provvedimenti korrispondenti għall-bilanċ fil-kont tal-qligħ u t-telf fil-31 ta’ Diċembru tas-sena li tippreċedi t-tħassir tad-deroga. L-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni hija determinata skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(7)

B’analoġija mal-Artikolu 3.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (8), il-Gvernatur ta’ Hrvatska narodna banka kellu l-opportunità li jagħmel osservazzjonijiet dwar din id-Deċiżjoni qabel l-adozzjoni tagħha,

(8)

Minħabba r-restrizzjonijiet ta’ żmien ippreżentati mill-perijodu qasir bejn il-kalkolu tal-ammont ekwivalenti għall-euro ta’ assi ta’ riżerva barranija li għandhom jiġu ttrasferiti minn Hrvatska narodna banka fit-30 ta’ Diċembru 2022 u l-abrogazzjoni tad-deroga favur il-Kroazja fl-1 ta’ Jannar 2023, din id-Deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata bħala kwistjoni ta’ urġenza u għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

(a)

“assi ta’ riżervi barranin” tfisser deheb jew dollari Amerikani;

(b)

“deheb” tfisser uqiji sħaħ ta’ deheb fin fil-forma ta’ ingotti tat-tip London Good Delivery, kif speċifikat mil-London Bullion Market Association;

(c)

“Dollaru Amerikan” tfisser il-valuta legali tal-Istati Uniti.

Artikolu 2

Il-grad u l-forma ta’ kapital imħallas

1.   B’effett mill-1 ta’ Jannar 2023, Hrvatska narodna banka għandu jħallas il-parti rimanenti ta’ sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, li tikkorrispond għal EUR 68 713 762,06.

2.   Hrvatska narodna banka għandu jħallas l-ammont speċifikat fil-paragrafu 1 lill-BĊE fit-2 ta’ Jannar 2023 permezz ta’ trasferiment separat bis-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) b’saldu ta’ euro fi flus ta’ bank ċentrali.

3.   Hrvatska narodna banka għandu jħallas lill-BĊE fit-2 ta’ Jannar 2023, permezz ta’ trasferiment separat bit-TARGET2, l-imgħax akkumulat fl-1 ta’ Jannar 2023 fuq l-ammont dovut lill-BĊE taħt il-paragrafu 2. L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta’ kuljum, permezz tal-metodu ta’ kalkolu attwali fuq 360 jum, b’rata ekwivalenti għar-rata ta’ imgħax marġinali użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament l-aktar riċenti tagħha.

Artikolu 3

Trasferiment ta’ assi ta’ riżervi barranin

1.   Hrvatska narodna banka għandu jittrasferixxi lill-BĊE, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023 u skont dan l-Artikolu u l-arranġamenti meħuda bis-saħħa tiegħu, ammont ta’ assi ta’ riżervi barranin li huwa ekwivalenti għal EUR 639 849 638,12 kif ġej:

Ammont ta’ dollari Amerikani ekwivalenti għal euro fil-forma ta’ flus kontanti

Ammont ta’ deheb ekwivalenti għal euro

Ammont aggregat ekwivalenti għal euro

543 872 192,40

95 977 445,72

639 849 638,12

2.   L-ammont ekwivalenti f’euro ta’ assi ta’ riżerva barranija li għandhom jiġu ttrasferiti minn Hrvatska narodna banka skont il-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkolat abbażi tar-rati tal-kambju bejn l-euro u d-dollaru Amerikan kif ikkalkulat għall-fini tar-rati ta’ referenza tal-kambju tal-euro tal-BĊE fit-30 ta’ Diċembru 2022 u, fil-każ tad-deheb, abbażi tal-prezz tad-deheb għal kull uqija sħiħa ta’ deheb fin stabbilita fil-proċedura ta’ konċertazzjoni għall-għanijiet interni tal-BĊE fit-30 ta’ Diċembru 2022.

3.   Il-BĊE għandu jikkonferma lil Hrvatska narodna banka mill-aktar fis possibbli l-ammont ikkalkulat skont il-paragrafu 2.

4.   Skont il-paragrafu 1, Hrvatska narodna banka għandu jittrasferixxi lill-BĊE ammont ta’ dollari Amerikani fil-forma ta’ flus kontanti li jkun ekwivalenti għall-ammont ta’ euro mniżżel fit-tabella fil-paragrafu 1.

5.   It-trasferiment tal-ammont ta’ dollari Amerikani fil-forma ta’ flus kontanti li jkun ekwivalenti għall-ammont ta’ euro mniżżel fit-tabella fil-paragrafu 1 għandu jsir lejn dawk il-kontijiet speċifikati mill-BĊE. Id-data ta’ saldu għall-ammont ta’ dollari Amerikani fil-forma ta’ flus kontanti li jridu jiġu ttrasferiti lill-BĊE għandha tkun it-3 ta’ Jannar 2023. Hrvatska narodna banka għandu jagħti struzzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ dak it-trasferiment lill-BĊE.

6.   Il-valur tad-deheb li Hrvatska narodna banka jittrasferixxi lill-BĊE skont il-paragrafu 1 għandu jkun kemm jista’ jkun qrib ta’, iżda mhux aktar minn, EUR 95 977 445,72.

7.   Hrvatska narodna banka għandu jittrasferixxi d-deheb imsemmi fil-paragrafu 1 f’forma mhux investita fil-kontijiet u l-postijiet speċifikati mill-BĊE. Id-data ta’ saldu għad-deheb li għandu jiġi ttrasferit lill-BĊE għandha tkun it-3 ta’ Jannar 2023. Hrvatska narodna banka għandu jagħti struzzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ dak it-trasferiment lill-BĊE.

8.   Jekk Hrvatska narodna banka jittrasferixxi deheb lill-BĊE b’valur inqas mill-ammont speċifikat fil-paragrafu 1, fit-3 ta’ Jannar 2023 huwa għandu mbagħad jittrasferixxi ammont ta’ dollari Amerikani fil-forma ta’ flus kontanti ekwivalenti għall-ammont nieqes lil kont tal-BĊE kif speċifikat mill-BĊE. Kwalunkwe dollari Amerikani fil-forma ta’ flus kontanti ta’ dan it-tip m’għandhomx jiffurmaw parti mill-assi ta’ riżervi barranin li Hrvatska narodna banka jittrasferixxi lill-BĊE skont il-paragrafu 4.

9.   Id-differenza, jekk ikun hemm, bejn l-ammonti totali ekwivalenti f’euro msemmija fil-paragrafi 1 u l-ammont imsemmi fl-Artikolu 4(1) għandha tiġi ssaldata skont il-Ftehim tat-30 ta’ Diċembru 2022 bejn Hrvatska narodna banka u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-klejm ikkreditata lil Hrvatska narodna banka mill-Bank Ċentrali Ewropew taħt l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (9).

Artikolu 4

Denominazzjoni, remunerazzjoni u maturità tal-klejm ekwivalenti għall-kontribuzzjoni

1.   B’effett mill-1 ta’ Jannar 2023, u bla ħsara għall-ispeċifikazzjonijiet fl-Artikolu 3 dwar id-dati għas-saldu tat-trasferimenti tal-assi ta’ riżervi barranin, il-BĊE għandu jikkredita lil Hrvatska narodna banka bi klejm denominata f’euro, ekwivalenti għall-ammont aggregat f’euro tal-kontribuzzjoni tiegħu ta’ assi ta’ riżervi barranin. Din il-klejm tikkorrispondi għal EUR 327 152 181,93.

2.   Il-klejm ikkreditata mill-BĊE lil Hrvatska narodna banka għandha tiġi rremunerata sa mid-data tas-saldu. L-imgħax akkumulat għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta’ kuljum, permezz tal-metodu ta’ kalkolu attwali fuq 360 jum, b’rata ekwivalenti għal 85 % tar-rata ta’ imgħax marġinali użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament l-aktar riċenti tagħha.

3.   L-imgħax akkumulat ikkalkulat skont il-paragrafu 2 għandu jitħallas lil Hrvatska narodna banka fit-tmiem ta’ kull sena finanzjarja. Kull trimestru l-BĊE għandu jinforma lil Hrvatska narodna banka bl-ammont kumulattiv.

4.   Il-klejm m’għandhiex tkun tista’ tinfeda

Artikolu 5

Kontribuzzjonijiet għar-riżervi u l-provvedimenti tal-BĊE

1.   B’effett mill-1 ta’ Jannar 2023, Hrvatska narodna banka għandu jikkontribwixxi għar-riżervi tal-BĊE, għal dawk il-provvedimenti ekwivalenti għal riżervi, u għall-ammont li għad irid jiġi assenjat lir-riżervi u l-provvedimenti korrispondenti għall-bilanċ tal-kont tal-qligħ u t-telf fil-31 ta’ Diċembru 2022.

2.   L-ammonti li għandhom jiġu kkontribwiti minn Hrvatska narodna banka għandhom jiġu ddeterminati skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ. Ir-riferenzi fl-Artikolu 48.2 għan-‘numru ta’ ishma sottoskritti mill-bank ċentrali kkonċernat’ u ‘in-numru ta’ ishma li diġà tħallsu mill-banek ċentrali l-oħra’ għandhom jirreferu għall-ippeżar rispettiv ta’ Hrvatska narodna banka u l-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro fl-iskema kapitali tal-BĊE, skont id-Deċiżjoni (UE) 2020/140 (BĊE/2020/6).

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, “ir-riżervi tal-BĊE” u “provvedimenti ekwivalenti għal riżervi” għandhom jinkludu l-fond ta’ riżerva ġenerali tal-BĊE, bilanċi fuq kontijiet ta’ rivalutazzjoni u d-dispożizzjoni għar-riskji finanzjarji.

4.   Mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv tal-kontijiet annwali tal-BĊE għas-sena 2022, il-BĊE għandu jikkalkula u jikkonferma lil Hrvatska narodna banka l-ammont li għandu jiġi kkontribwit minn Hrvatska narodna banka taħt il-paragrafu 1.

5.   Fit-tieni jum tax-xogħol li jsegwi l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv tal-kontijiet annwali tal-BĊE għas-sena 2022, Hrvatska narodna banka għandu, permezz ta’ TARGET2, iħallas lill-BĊE:

(a)

l-ammont dovut lill-BĊE ikkalkulat skont il-paragrafu 4, bin-nuqqas ta’ kull ammont ittrasferit li jaqbeż il-klejm imsemmija fl-Artikolu 4(1) fid-dati għas-saldu stipulati fl-Artikoli 3(5) u 3(7) (“kontribuzzjoni bil-quddiem”), jekk hemm wieħed; u

(b)

l-imgħax akkumulat mill-1 ta’ Jannar 2023 sad-data tal-ħlas fuq l-ammont dovut lill-BĊE ikkalkulat skont il-paragrafu 4, bin-nuqqas ta’ kull kontribuzzjoni bil-quddiem.

6.   Kull imgħax li jakkumula taħt il-paragrafu 5(b) għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta’ kuljum, bil-metodu ta’ kalkolu attwali fuq 360 jum, b’rata ugwali għar-rata ta’ imgħax marġinali użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament l-aktar riċenti tagħha.

Artikolu 6

Kompetenzi

1.   Sa fejn ikun meħtieġ, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandu joħroġ struzzjonijiet lil Hrvatska narodna banka sabiex jispeċifika aktar u jdaħħal fis-seħħ kull dispożizzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u jipprovdi għal rimedji xierqa sabiex tiġi indirizzata kwalunkwe problema li tista’ tinqala’.

2.   Kull istruzzjoni maħruġa mill-Bord Eżekuttiv skont il-paragrafu 1 għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-Kunsill Governattiv, u l-Bord Eżekuttiv għandu jikkonforma ma’ kull deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv dwar dan.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarju.

2.   Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

Artikolu 8

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Hrvatska narodna banka.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-30 ta’ Diċembru 2022.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1211 tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja fl-1 ta’ Jannar 2023 (ĠU L 187, 14.7.2022, p. 31).

(2)  L-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 112, 24.4.2012, p. 21).

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/138 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2020 dwar il-ħlas fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/44 (BĊE/2020/4) (ĠU L 27 I, 1.2.2020, p. 6).

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/137 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2020 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/43 (BĊE/2020/3), (ĠU L 27 I, 1.2.2020, p. 4).

(5)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/136 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2020 dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona tal-euro u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/48 (BĊE/2020/2) (ĠU L 27 I, 1.2.2020, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/140 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2020 li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni għall-valur akkumulat tal-ekwità tal-Bank Ċentrali Ewropew u għall-aġġustament tal-pretensjonijiet tal-banek ċentrali nazzjonali li huma ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranija ittrasferiti u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2019/46 (BĊE/2020/6) (ĠU L 27 I, 1.2.2020, p. 15).

(7)  Bis-saħħa tal-Linja Gwida BĊE/2000/15 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Novembru 1998 kif emendata bil-Linja gwida tas-16 ta’ Novembru 2000 dwar il-komposizzjoni, il-valutazzjoni u l-modalitajiet għat-trasferiment inizzjali ta’ assi ta’ valuta estera, u d-denominazzjoni u r-remunerazzjoni ta’ pretensjonijiet ekwivalenti (ĠU L 336, 30.12.2000, p. 114).

(8)  Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).

(9)  ĠU C 18, 19.1.2023, p. 1.