5.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/16


DEĊIŻJONI (UE) 2023/55 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta’ Diċembru 2022

li temenda id-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti (BĊE/2019/31) u d-Deċiżjoni (UE) 2022/1521 dwar aġġustamenti temporanji għar-remunerazzjoni ta’ ċerti depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma ma’ banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/47) (BĊE/2022/47)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artiklu 3.1 u l-Artikoli 17 u 18 tiegħu,

Billi:

(1)

Kif iddikjarat fil-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxi Strument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja+) (1) u fil-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata bħala metodu ta’ self ġenerali (2), il-ħtiġijiet ta’ finanzjament għall-appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna jirrikjedu mobilizzazzjoni u żborż b’mod kosteffettiv u finanzjarjament sod, li jintegra l-ħtiġijiet ta’ finanzjament kollha inklużi dawk għal NextGenerationEU (‘NGEU’). Għalhekk, il-finanzjament jenħtieġ li jiġi organizzat bl-użu ta’ metodu uniku ta’ finanzjament sabiex ikunu jistgħu jiġu sodisfatti fl-istess ħin ħtiġijiet ta’ politika differenti tal-Unjoni, filwaqt li jiġi żgurat finanzjament parallel tal-programmi kollha tal-Unjoni li jiddependu fuq is-self.

(2)

L-Artikolu 13(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ April 2021 li tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 u għall-operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati ma’ self mogħti skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li jinżamm kont dedikat mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għal holdings prudenzjali ta’ flus kontanti. Wara l-istabbiliment ta’ metodu uniku ta’ finanzjament li jiżgura finanzjament parallel tal-programmi kollha tal-Unjoni li jiddependu fuq is-self, il-kont iddedikat miżmum mal-BĊE għandu jintuża wkoll fil-kuntest ta’ dan il-metodu ta’ finanzjament uniku għall-finijiet ta’ holdings prudenzjali ta’ flus kontanti relatati mal-Istrument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja+).

(3)

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li huwa xieraq li l-kont iddedikat miżmum mal-BĊE, li bħalissa jintuża għal holdings prudenzjali relatati ma’ NGEU u li se jiġi estiż biex jintuża wkoll għal holdings prudenzjali relatati mal-Istrument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja+), ikompli jiġi remunerat abbażi tar-regoli u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/31) (4) u d-Deċiżjoni (UE) 2022/1521 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/30) (5).

(4)

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1521 (BĊE/2022/30) ser tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ April 2023. Sa dik id-data, skont l-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni, fil-każ ta’ kunflitt bejnha u, inter alia, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31), id-Deċiżjoni (UE) 2022/1521 (BĊE/2022/30) tipprevali. Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31) u d-Deċiżjoni (UE) 2022/1521 (BĊE/2022/30) għandhom jinqraw flimkien.

(5)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali fl-Ukrajna, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ u tapplika b’urġenza.

(6)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31) u d-Deċiżjoni (UE) 2022/1521 (BĊE/2022/30) għandhom jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda għad-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31)

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31) il-paragrafu 2 huwa mibdul b’dan li gej:

“2.   Il-kont iddedikat miżmum mal-BĊE skont l-Artikolu 13(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ April 2021 li tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid ta’ self skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 u għall-operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati ma’ self mogħti skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u użati għall-finijiet ta’ holdings prudenzjali ta’ flus kontanti fir-rigward ta’ NextGenerationEU (‘NGEU’) u fir-rigward tal-Istrument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja+) għandu jiġi remunerat b’żero fil-mija jew ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR), skont liema tkun l-ogħla, ħlief fejn l-ammont aggregat ta’ depożiti miżmuma f’dak il-kont dedikat jaqbeż EUR 20 biljun, f’liema każ l-ammont eċċessiv għandu jiġi remunerat hekk kif ġej:

(a)

jekk ir-rata tal-faċilità ta’ depożitu fil-jum kalendarju rilevanti tkun żero jew ogħla (pożittiva), b’żero fil-mija jew ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR), liema minnhom tkun l-aktar baxxa;

(b)

jekk ir-rata tal-faċilità ta’ depożitu fil-jum kalendarju rilevanti tkun inqas minn żero (negattiva), bir-rata tal-faċilità ta’ depożitu jew bir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR), liema minnhom tkun l-aktar baxxa.

Artikolu 2

Emenda għad-Deċiżjoni (UE) 2022/1521 (BĊE/2022/30)

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/1521 (BĊE/2022/30) il-paragrafu 3 huwa mibdul b’dan li gej:

“3.   Il-kont iddedikat miżmum mal-BĊE skont l-Artikolu 13(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ April 2021 li tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid ta’ self skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 u għall-operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati ma’ self mogħti skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) u użati għall-finijiet ta’ holdings prudenzjali ta’ flus kontanti fir-rigward ta’ NextGenerationEU (‘NGEU’) u fir-rigward tal-Istrument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja+) għandu jiġi remunerat b’żero fil-mija jew ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR), skont liema tkun l-ogħla, ħlief fejn l-ammont aggregat ta’ depożiti miżmuma f’dak il-kont dedikat jaqbeż EUR 20 biljun, f’liema każ l-ammont ta’ aktar minn EUR 20 biljun għandu jiġi remunerat bir-rata tal-faċilità tad-depożitu jew ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR), skont liema tkun l-aktar baxxa.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandha tapplika mid-9 ta’ Jannar 2023.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ Diċembru 2022.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2022) 597 finali.

(2)  COM(2022) 596 finali.

(3)  C(2021) 2502 finali.

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Ottubru 2019 dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti (BĊE/2019/31) (ĠU L 267, 21.10.2019, p. 12).

(5)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1521 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2022 dwar aġġustamenti temporanji għar-remunerazzjoni ta’ ċerti depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma ma’ banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/30) (ĠU L 236I, 13.9.2022, p. 1).