16.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta' Mejju 2023

b’rabta mal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mill-workshop il-ġdid AMC2, li jinsab fis-sit industrijali ta’ Tricastin fi Franza

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(2023/C 174/01)

Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt saret skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal xi valutazzjoni addizzjonali li għandha ssir skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li jirriżultaw minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja (1).

Fis-6 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet id-Data Ġenerali mingħand il-Gvern ta’ Franza, b’rabta mal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv (2) li jirriżulta mill-workshop il-ġdid AMC2, f’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom.

Abbażi ta’ din id-data u tal-informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni talbet fid-29 ta’ Settembru 2022 u li l-awtoritajiet Franċiżi pprovdewlha fil-31 ta’ Jannar 2023, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

1.

Id-distanza mis-sit għall-eqreb fruntiera ta’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ l-Italja, hija ta’ 170 km.

2.

Matul it-tħaddim normali, l-iskariki ta’ effluwenti radjuattivi likwidi jew gassużi mhux qed jitqiesu li jistgħu jikkawżaw esponiment sinifikanti tal-popolazzjoni ta’ Stat Membru ieħor mil-lat ta’ saħħa, fir-rigward tal-limiti tad-doża stabbiliti fid-Direttiva tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (3).

3.

L-iskart radjuattiv solidu se jiġi ttrasferit f’faċilitajiet liċenzjati tat-trattament (il-workshop TRIDENT fis-sit industrijali ta’ Tricastin) jew tar-rimi li jinsabu fi Franza.

4.

F’każ li jkun hemm rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi li jistgħu jseħħu wara xi aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Data Ġenerali, dawn ir-rilaxxi ma għandhomx jirriżultaw f’kontaminazzjoni radjuattiva tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor li tkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv fi kwalunkwe għamla li jirriżulta mill-workshop il-ġdid AMC2, li jinsab fis-sit industrijali ta’ Tricastin fi Franza, kemm waqt it-tħaddim normali kif ukoll fil-każ tal-aċċidenti tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Data Ġenerali, x’aktarx li ma tirriżultax f’kontaminazzjoni radjuattiva, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor li tkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza.

Magħmul fi Brussell, 10 ta' Mejju 2023.

Għall-Kummissjoni

Kadri SIMSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali jenħtieġ li jiġu vvalutati f’iktar dettall. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE; tad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, u tad-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.

(2)  Ir-rimi tal-iskart radjuattiv skont it-tifsira tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/635/Euratom tal-11 ta’ Ottubru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom (ĠU L 279, 23.10.2010, p. 36).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1);