30.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/35


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/2586

tad-19 ta’ Diċembru 2022

dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 93, 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat fis-settur tat-trasport bil-ferrovija, bil-passaġġi tal-ilma interni u multimodali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 109 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 (2) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddikjara permezz ta' regolamenti li ċerti kategoriji speċifikati ta' għajnuna lil impriżi li joperaw f'setturi differenti, bħal għajnuna favur il-protezzjoni ambjentali, huma kompatibbli mas-suq intern u ma humiex soġġetti għar-rekwiżiti ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat ("rekwiżiti ta' notifika"). Madankollu, ir-Regolament (UE) 2015/1588 ma jkoprix, fost l-oħrajn, għajnuna għall-appoġġ tat-trasport bil-ferrovija u bil-passaġġi tal-ilma interni jew it-trasport multimodali kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Dawk is-setturi saru dejjem aktar rilevanti fil-livell tal-Unjoni fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti stabbilita mill-Kummissjoni fil-komunikazzjonijiet tagħha, rispettivament, tal-11 ta' Diċembru 2019 u tad-9 ta' Diċembru 2020.

(2)

Skont l-Artikolu 93 tat-Trattat, l-għajnuna relatata mat-trasport bil-ferrovija, bil-passaġġi tal-ilma interni u multimodali titqies kompatibbli mat-Trattati jekk tissodisfa l-ħtiġijiet tal-koordinazzjoni tat-trasport jew jekk tirrappreżenta r-rimborż għat-twettiq ta' ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku.

(3)

Il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 93, l-Artikolu 107(1) u l-Artikolu 108 tat-Trattat f'diversi deċiżjonijiet li jikkonċernaw ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat lil impriżi attivi fis-setturi tat-trasport bil-ferrovija, bil-passaġġi tal-ilma interni u multimodali u żviluppat linji gwida għall-finijiet tal-valutazzjoni ta' ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat li jitqiesu li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' koordinazzjoni tat-trasport. Mill-esperjenza tal-Kummissjoni, għajnuna bħal din ma twassalx għal distorsjoni sinifikanti fil-kompetizzjoni, sakemm tingħata abbażi ta' proċeduri miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorji u jistgħu jiġu stabbiliti kondizzjonijiet ċari ta' kompatibbiltà abbażi tal-esperjenza miksuba.

(4)

Għalhekk, bil-għan li tiġi ssimplifikata l-amministrazzjoni f'każijiet li fihom id-distorsjoni tal-kompetizzjoni tkun limitata għal minimu, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tiddikjara permezz ta' regolamenti li l-għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport jew ir-rimborż għat-twettiq ta' ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 93 tat-Trattat huma kompatibbli mas-suq intern u ma humiex soġġetti għar-rekwiżiti ta' notifika.

(5)

L-għajnuna mill-Istat li tirrappreżenta rimborż għat-twettiq ta' obbligi ta' servizz pubbliku fir-rigward ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri diġà hija koperta mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), inkluż meta Stat Membru jiddeċiedi li japplika dak ir-Regolament għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri permezz tal-passaġġi tal-ilma interni u tal-ilmijiet marittimi nazzjonali. Il-kumpens għal servizz pubbliku li jikkonċerna t-trasport pubbliku tal-passiġġieri jenħtieġ għalhekk li jiġi eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(6)

Meta tadotta regolamenti li jiddikjaraw li ċerti kategoriji ta' għajnuna ma humiex soġġetti għar-rekwiżiti ta' notifika skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tispeċifika: l-iskop tal-għajnuna; il-kategoriji ta' benefiċjarji; il-limiti li jillimitaw l-għajnuna; il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-akkumulazzjoni tal-għajnuna u l-kondizzjonijiet tal-monitoraġġ, u jenħtieġ li torbot kull kondizzjoni dettaljata ulterjuri sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna koperta minn dan ir-Regolament.

(7)

Huwa importanti għall-partijiet kollha li jkunu jistgħu jivverifikaw jekk għajnuna tingħatax f'konformità mar-regoli applikabbli. Għalhekk, it-trasparenza tal-għajnuna mill-Istat hija essenzjali biex ir-regoli tat-Trattat ikunu applikati b'mod korrett u twassal għal konformità aħjar, akkontabbiltà akbar, evalwazzjoni mill-pari u, fl-aħħar nett, infiq pubbliku aktar effettiv. Għal dik ir-raġuni kull Stat Membru jenħtieġ li jkun meħtieġ jipprovdi sommarji ta' informazzjoni dwar l-għajnuna implimentata minnu, li hija koperta minn regolament adottat skont dan ir-Regolament. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-miżuri adottati minn kull Stat Membru, dawk is-sommarji jenħtieġ li jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni.

(8)

Skont l-Artikolu 108(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha żżomm taħt rieżami kostanti s-sistemi eżistenti kollha ta' għajnuna, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri. Għal dak il-għan u sabiex jiġi żgurat l-akbar livell possibbli ta' trasparenza u kontroll adegwat, kull Stat Membru għandu jirreġistra u jikkompila informazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regolamenti adottati skont dan ir-Regolament. Ta' mill-anqas darba fis-sena, kull Stat Membru jenħtieġ li jipprovdi wkoll lill-Kummissjoni rapport, dwar l-applikazzjoni ta' tali regolamenti. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawk ir-rapporti aċċessibbli lill-Istati Membri l-oħra kollha.

(9)

Qabel tadotta regolamenti skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippermetti lill-persuni u lill-organizzazzjonijiet interessati kollha jissottomettu l-kummenti tagħhom sabiex tiġbor feedback li jkun kemm jista' jkun komprensiv u rappreżentattiv. Għal dak il-għan jenħtieġ li tippubblika abbozzi ta' tali regolamenti.

(10)

Il-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat stabbilit bir-Regolament (UE) 2015/1588, jenħtieġ li jiġi kkonsultat fl-istess ħin tal-pubblikazzjoni ta' abbozz ta' regolament skont dan ir-Regolament. Madankollu, fl-interess tat-trasparenza, dak l-abbozz ta' regolament jenħtieġ li jkun disponibbli wkoll għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Kummissjoni fl-istess ħin.

(11)

Il-kontroll tal-għoti tal-għajnuna jinvolvi fatturi fattwali, legali u ekonomiċi ta' natura kumplessa ħafna u varjetà kbira f'ambjent f'evoluzzjoni kontinwa. Il-Kummissjoni jenħtieġ li għalhekk tirrieżamina b'mod regolari l-kategoriji ta' għajnuna li jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għar-rekwiżiti ta' notifika. Għal dak il-għan, jenħtieġ li tissottometti rapport ta' evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull ħames snin,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżenzjonijiet ta' kategorija

(1)   Il-Kummissjoni tista' tadotta, soġġetta għall-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, regolamenti li jiddikjaraw li l-kategoriji ta' għajnuna li ġejjin, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, huma kompatibbli mas-suq intern u ma humiex soġġetti għar-rekwiżiti ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat:

(a)

għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport;

(b)

għajnuna għar-rimborż għat-twettiq ta' ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku, eskluż il-kumpens għal servizz pubbliku fir-rigward tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri, li huwa kopert mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

2.   Għal kull kategorija ta' għajnuna, ir-regolamenti adottati skont il-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw:

(a)

l-għan tal-għajnuna;

(b)

il-kategoriji tal-benefiċjarji;

(c)

limiti espressi f'termini ta':

(i)

intensitajiet ta' għajnuna fir-rigward ta' sett ta' kostijiet eliġibbli;

(ii)

ammonti massimi ta' għajnuna; jew

(iii)

il-livell massimu ta' appoġġ mill-Istati fi, u marbut ma', l-għajnuna għal ċerti tipi ta' għajnuna fejn jista' jkun diffiċli li tiġi identifikata b'mod preċiż l-intensità tal-għajnuna msemmija fil-punt (i) jew l-ammont ta' għajnuna msemmi fil-punt (ii), b'mod partikolari strumenti ta' inġinerija finanzjarja jew investimenti ta' kapital ta' riskju jew dawk ta' natura simili, mingħajr preġudizzju għall-kwalifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati fid-dawl tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat;

(d)

il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-akkumulazzjoni tal-għajnuna; u

(e)

ir-regoli ta' trasparenza u monitoraġġ stabbiliti fl-Artikolu 2.

3.   Flimkien ma' dan, ir-regolamenti adottati skont il-paragrafu 1 jistgħu, b'mod partikolari:

(a)

jistabbilixxu limiti jew kondizzjonijiet oħra għan-notifika ta' għotjiet ta' għajnuna individwali;

(b)

jeskludu ċerti setturi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħhom;

(c)

jimponu aktar kondizzjonijiet għall-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern.

Artikolu 2

Trasparenza u monitoraġġ

1.   Ir-regolamenti adottati skont l-Artikolu 1(1) għandhom jinkludu regoli dettaljati sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-monitoraġġ tal-għajnuna.

2.   Meta Stat Membru jimplimenta skemi ta' għajnuna jew għajnuna individwali mhux soġġetti għar-rekwiżiti ta' notifika skont ir-regolamenti adottati skont l-Artikolu 1(1), huwa għandu jipprovdi lill-Kummissjoni sommarji tal-informazzjoni rigward tali għajnuna. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk is-sommarji.

3.   Kull Stat Membru għandu jirreġistra u jikkompila l-informazzjoni kollha rigward l-applikazzjoni tar-regolamenti adottati skont l-Artikolu 1(1). Meta l-Kummissjoni jkollha informazzjoni li tipprovdi raġunijiet biex temmen li regolament adottat skont l-Artikolu 1(1) mhux qed jiġi applikat kif suppost, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni li l-Kummissjoni tqis neċessarja biex tivvaluta jekk għajnuna mogħtija skont dak ir-regolament tikkonformax mal-kondizzjonijiet kollha tiegħu.

4.   Mill-anqas darba fis-sena, kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni tar-regolamenti adottati skont l-Artikolu 1(1), f'konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawk ir-rapporti aċċessibbli lill-Istati Membri l-oħra kollha. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 5 għandu jeżamina u jevalwa dawk ir-rapporti darba fis-sena.

Artikolu 3

Perjodu ta' validità u emendar tar-regolamenti

1.   Ir-regolamenti adottati skont l-Artikolu 1(1) għandhom jispeċifikaw il-perjodu ta' validità tagħhom u għandhom jipprevedu perjodu tranżizzjonali f'każ li l-perjodu ta' validità tagħhom ma jiġix estiż meta jiskadi.

2.   Meta regolament adottat skont l-Artikolu 1(1) jitħassar jew jiġi emendat b'regolament ġdid, ir-regolament il-ġdid għandu jipprevedi perjodu tranżizzjonali ta' sitt xhur biex jippermetti l-aġġustament tal-għajnuna koperta mir-regolament imħassar jew emendat.

Artikolu 4

Smigħ ta' persuni u organizzazzjonijiet interessati

Qabel l-adozzjoni ta' regolament skont l-Artikolu 1(1), il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz tiegħu sabiex il-persuni u l-organizzazzjonijiet interessati kollha jkunu jistgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom f'limitu ta' żmien stabbilit minnha. Dak il-limitu ta' żmien għandu jkun ta' mill-inqas xahar. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-disponibbiltà tal-pubbliku dak l-abbozz ta' regolament fuq is-sit web tagħha.

Artikolu 5

Konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat stabbilit bir-Regolament (UE) 2015/1588 (il-"Kumitat"):

(a)

fl-istess ħin li abbozz ta' regolament skont l-Artikolu 1(1) jiġi ppubblikat skont l-Artikolu 4; u

(b)

qabel ma tadotta kwalunkwe regolament skont l-Artikolu 1(1).

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat f'laqgħa msejħa minnha permezz ta' komunikazzjoni elettronika. L-abbozzi u d-dokumenti li għandhom jiġu eżaminati għandhom jiġu annessi mal-komunikazzjoni elettronika. Il-laqgħa għandha ssir mhux aktar kmieni minn xahrejn wara l-komunikazzjoni elettronika. Dak il-perjodu jista' jitnaqqas fil-każ tal-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta ġġustifikat għal raġunijiet ta' urġenza jew għall-estensjoni tal-perjodu ta' validità ta' regolament adottat skont l-Artikolu 1(1).

3.   Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, f'perjodu ta' żmien li jista' jiġi stabbilit mill-President tal-Kumitat skont l-urġenza tal-każ, meta jkun neċessarju billi jittieħed vot.

4.   L-opinjoni tal-Kumitat għandha titniżżel fil-minuti tal-laqgħa. Kull Stat Membru jista' jitlob li l-pożizzjoni tiegħu titniżżel fil-minuti tal-laqgħa. Il-Kumitat jista' jirrakkomanda li l-opinjoni tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.   Il-Kummissjoni għandha tqis l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat u għandha tinforma lill-Kumitat bil-mod li bih tkun tqieset l-opinjoni tiegħu.

Artikolu 6

Rapport ta' evalwazzjoni

Kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-ewwel għandha tissottometti abbozz ta' dak ir-rapport lill-Kumitat għall-kunsiderazzjoni tiegħu.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SÍKELA


(1)  Opinjoni tat-13 ta’ Diċembru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).