29.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 335/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/2576

tat-19 ta’ Diċembru 2022

li jsaħħaħ is-solidarjetà permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet u skambji transfruntieri tal-gass

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u t-tnaqqis bla preċedent tal-provvisti tal-gass naturali mill-Federazzjoni Russa lill-Istati Membri jheddu s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-istess waqt, l-użu tal-provvista tal-gass bħala arma u l-manipulazzjoni tas-swieq mill-Federazzjoni Russa permezz ta’ interruzzjonijiet intenzjonali fil-flussi tal-gass wasslu għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Unjoni, u dan ipperikola mhux biss l-ekonomija tal-Unjoni, iżda wkoll dgħajjef serjament is-sigurtà tal-provvista.

(2)

Dan jeħtieġ rispons b’saħħtu u kkoordinat mill-Unjoni, biex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha u lill-ekonomija tagħha kontra prezzijiet tas-suq eċċessivi u manipulati u biex tiżgura li l-gass jgħaddi għand il-konsumaturi kollha fil-bżonn bejn il-fruntieri, anke f’sitwazzjonijiet ta’ skarsezza tal-gass. Biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-provvisti tal-gass naturali mill-Federazzjoni Russa u biex jitnaqqsu l-prezzijiet eċċessivi, hija kruċjali koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass minn fornituri esterni.

(3)

L-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti lill-Kunsill jiddeċiedi, fuq proposta tal-Kummissjoni u bi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar il-miżuri xierqa fis-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, notevolment fil-qasam tal-enerġija. Ir-riskju għoli ta’ waqfien totali tal-provvisti tal-gass Russi u ż-żieda estrema fil-prezzijiet tal-enerġija li jdgħajfu l-ekonomija tal-Unjoni jikkostitwixxu diffikultajiet serji bħal dawn.

(4)

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-18 ta’ Mejju 2022 intitolata "Il-Pjan REPowerEU", il-Kummissjoni ħabbret l-istabbiliment ta’ Pjattaforma tax-Xiri tal-Enerġija tal-UE flimkien mal-Istati Membri għax-xiri komuni tal-gass, il-gass naturali likwifikat (LNG) u l-idroġenu. Dik it-tħabbira ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew tat-30 u l-31 ta’ Mejju 2022. Bħala parti mill-Pjan REPowerEU, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll l-istrateġija għal impenn estern tal-UE fil-qasam tal-enerġija, li tispjega kif l-Unjoni tappoġġa tranżizzjoni tal-enerġija globali, nadifa u ġusta biex tiżgura enerġija sostenibbli, sigura u affordabbli, inkluż billi tiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tinnegozja impenji politiċi ma’ fornituri tal-gass eżistenti jew ġodda biex iżidu l-konsenji tal-gass u b’hekk jissostitwixxu l-konsenji tal-gass mir-Russja lejn l-Ewropa.

(5)

Il-Pjattaforma tal-UE għax-Xiri tal-Enerġija jista’ jkollha rwol ċentrali fit-tfittxija ta’ sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista u jwasslu għal prezzijiet tal-importazzjoni aktar baxxi tal-gass mixtri minn pajjiżi terzi, bl-użu sħiħ tal-piż kollettiv tal-Unjoni. Kuntatti internazzjonali mtejba mal-fornituri tal-gass (kemm tal-pipelines kif ukoll tal-LNG) kif ukoll mal-fornituri tal-idroġenu ekoloġiku tal-futur huma essenzjali għal dan il-għan. B’mod partikolari, koordinazzjoni ħafna aktar b’saħħitha ma’ u fost l-Istati Membri vis-à-vis pajjiżi terzi permezz tal-Pjattaforma tal-UE għax-Xiri tal-Enerġija tiżgura li l-piż kollettiv tal-Unjoni jkun aktar effettiv.

(6)

Minħabba li tippersisti sitwazzjoni ta’ diffikultajiet serji fl-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista, jenħtieġ li x-xiri konġunt jgħin biex jiġi żgurat aċċess aktar ugwali għall-impriżi fl-Istati Membri kollha għal sorsi ġodda jew addizzjonali tal-gass u, għall-benefiċċju tal-konsumaturi finali, jgħin biex jiġu żgurati prezzijiet aktar baxxi minn dawk li altrimenti setgħu kienu japplikaw għal dawk li jixtru l-gass permezz tal-fornitur tas-servizzi individwalment.

(7)

Ix-xiri konġunt jista’ jirriżulta fl-għoti ta’ trattament ta’ benefiċċju jew appoġġ aktar għall-provvista ta’ gassijiet rinnovabbli bħall-bijometan u l-idroġenu, sakemm dawn ikunu jistgħu jiġu injettati b’mod sikur fis-sistema tal-gass, u għall-provvista ta’ gass li altrimenti jiġi vventjat jew ivvampjat. Fin-nuqqas ta’ rekwiżit legali formali fi kwalunkwe ġuriżdizzjoni rilevanti, l-impriżi li jikkonkludu kuntratti skont dan ir-Regolament ser ikunu jistgħu jużaw il-qafas tar-rappurtar 2.0 tas-Sħubija tan-NU dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass biex ikejlu, jirrapportaw u jivverifikaw l-emissjonijiet tal-metan tul il-katina tal-provvista lill-Unjoni.

(8)

Jenħtieġ li l-mekkaniżmu l-ġdid żviluppat skont dan ir-Regolament ikun jikkonsisti minn żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, l-impriżi tal-gass naturali jew l-impriżi li jikkonsmaw il-gass stabbiliti fl-Unjoni jaggregaw id-domanda tagħhom għall-gass permezz ta’ fornitur tas-servizzi, ikkuntrattat mill-Kummissjoni. Dan jippermetti lill-fornituri tal-gass jagħmlu offerti abbażi ta’ volumi aggregati kbar, minflok ħafna offerti iżgħar lil xerrejja li javviċinawhom individwalment. Fit-tieni stadju, l-impriżi tal-gass naturali jew l-impriżi li jikkonsmaw il-gass stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jikkonkludu kuntratti ta’ xiri tal-gass, individwalment jew b’mod koordinat ma’ oħrajn, ma’ fornituri jew produtturi tal-gass naturali li jkunu qablu mad-domanda aggregata.

(9)

Meta sitwazzjoni ta’ diffikultajiet serji fl-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tippersisti, jenħtieġ li l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt jgħinu biex jiġi żgurat aċċess aktar ugwali għall-impriżi fl-Istati Membri kollha għal sorsi ġodda jew addizzjonali tal-gass u, għall-benefiċċju tal-konsumaturi finali, jgħinu biex jiġu żgurati prezzijiet aktar baxxi minn dawk li altrimenti setgħu kienu applikati għal impriżi li jixtru l-gass permezz tal-fornitur tas-servizzi. L-ewwel referenza għall-possibbiltà ta’ forma limitata ħafna ta’ xiri konġunt tal-gass għal skopijiet ta’ bbilanċjar diġà hija inkluża fil-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar is-swieq interni għall-gassijiet rinnovabbli u naturali u għall-idroġenu. Madankollu, dik il-proposta tmur lura għal żmien qabel il-gwerra ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. Barra minn hekk, ma ġie inkluż l-ebda kunċett dettaljat f’ dik il-proposta, li kien jikkonċerna biss il-ħtiġijiet speċifiċi ħafna tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għall-ibbilanċjar tal-enerġija. Peress li hija meħtieġa soluzzjoni immedjata u ħafna aktar komprensiva għall-problema tal-istrutturi neqsin għax-xiri koordinat tal-gass, huwa xieraq li tiġi proposta soluzzjoni rapida temporanja.

(10)

Għalhekk, aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt jista’ jsaħħaħ is-solidarjetà tal-Unjoni fix-xiri u d-distribuzzjoni tal-gass. Fi spirtu ta’ solidarjetà, jenħtieġ li x-xiri konġunt jappoġġa b’mod partikolari lil dawk l-impriżi li qabel kienu qed jixtru l-gass biss jew prinċipalment mingħand fornituri Russi billi jgħinhom jiksbu provvisti minn fornituri jew fornituri alternattivi tal-gass naturali f’kundizzjonijiet vantaġġużi, bħala riżultat tal-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt.

(11)

Jenħtieġ li l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt jgħinu biex jimtlew il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass fis-sitwazzjoni ta’ emerġenza attwali, jekk il-biċċa l-kbira tal-faċilitajiet Ewropej għall-ħżin tal-gass jiġu eżawriti wara x-xitwa li ġejja. Barra minn hekk, dawk il-miżuri għandhom jgħinu biex jinxtara l-gass b’mod aktar koordinat fl-ispirtu ta’ solidarjetà.

(12)

Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit b’mod urġenti u fuq bażi temporanja aggregazzjoni tad-domanda u xiri konġunt . Dan jippermetti l-istabbiliment rapidu ta’ fornitur tas-servizzi, li jippermetti l-aggregazzjoni tad-domanda. Il-fornitur tas-servizzi ikkuntrattat mill-Kummissjoni jkollu biss xi funzjonalitajiet bażiċi u l-proċess li jorganizza jkollu biss elementi obbligatorji rigward il-parteċipazzjoni fl-aggregazzjoni tad-domanda iżda jkun għadu ma jinkludix koordinazzjoni obbligatorja tal-kundizzjonijiet kuntrattwali jew obbligu li jiġu ppreżentati offerti vinkolanti għax-xiri tal-gass permezz tiegħu.

(13)

Jenħtieġ li ma jiġi impost l-ebda rekwiżit fuq l-impriżi tal-gass naturali jew l-impriżi li jikkonsmaw il-gass biex jixtru l-gass permezz tal-fornitur tas-servizzi, billi jikkonkludu kuntratti għall-provvista tal-gass jew memoranda ta’ qbil mal-fornituri jew il-produtturi tal-gass li jkunu qablu mad-domanda aggregata. Madankollu, l-impriżi tal-gass naturali jew l-impriżi li jikkonsmaw il-gass huma mħeġġa sew biex jesploraw forom ta’ kooperazzjoni li jkunu kompatibbli mal-liġi tal-kompetizzjoni, u biex jagħmlu użu mill-fornitur tas-servizzi biex igawdu bis-sħiħ il-benefiċċji tax-xiri konġunt. Għalhekk, jista’ jiġi żviluppat mekkaniżmu bejn il-fornitur tas-servizzi u l-impriżi parteċipanti, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ewlenin li bihom l-impriżi parteċipanti jidħlu f’impenn li jixtru l-gass li jaqbel mad-domanda aggregata.

(14)

Huwa importanti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkollhom stampa ċara tal-kuntratti ta’ provvista previsti u konklużi fl-Unjoni kollha, sabiex jivvalutaw jekk intlaħqux l-objettivi tas-sigurtà tal-provvista u tas-solidarjetà fl-enerġija. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi jew l-awtoritajiet tal-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fejn dawk l-impriżi huma stabbiliti b’xirjiet kbar ippjanati tal-gass ta’ aktar minn 5 TWh/sena. Dan jenħtieġ li japplika b’mod partikolari għal informazzjoni bażika dwar kuntratti ġodda jew imġedda. Jenħtieġ li l-Kummissjoni titħalla toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-impriżi tal-gass naturali jew lill-awtoritajiet tal-Istati Membri rilevanti, b’mod partikolari fejn aktar koordinazzjoni tista’ ttejjeb il-funzjonament tax-xiri konġunt jew fejn il-ħruġ ta’ talba għall-offerti għax-xiri tal-gass jew xirjiet ippjanati tal-gass jista’ jkollhom impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-provvista, is-suq intern jew is-solidarjetà fl-enerġija. Jenħtieġ li l-ħruġ ta’ rakkomandazzjoni ma jżommx lill-impriżi tal-gass naturali jew lill-awtoritajiet tal-Istati Membri rilevanti milli jipproċedu bin-negozjati sadanittant.

(15)

L-Istati Membri jenħtieġ li jassistu lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta’ jekk ix-xiri tal-gass rilevanti jsaħħaħx is-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni u jekk huwiex kompatibbli mal-prinċipju tas-solidarjetà fl-enerġija. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit Bord ta’ Tmexxija ad hoc magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni biex jgħin fil-koordinazzjoni ta’ din il-valutazzjoni.

(16)

Il-proċess ta’ aggregazzjoni tad-domanda għall-fini ta’ xiri konġunt jenħtieġ li jitwettaq minn fornitur tas-servizzi xieraq. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkuntratta fornitur tas-servizzi permezz ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), li jkun jista’ jiżviluppa għodda xierqa tat-teknoloġija tal-informazzjoni (‘għodda tal-IT’) u jorganizza l-proċess ta’ aggregazzjoni tad-domanda. Jistgħu jinġabru miżati mill-parteċipanti tax-xiri konġunt biex ikopru l-kostijiet operatorji.

(17)

Meta jalloka d-drittijiet ta’ aċċess għall-provvista fost l-impriżi li jaggregaw id-domanda, jenħtieġ li l-fornitur tas-servizz japplika metodi li ma jiddiskriminawx bejn parteċipanti iżgħar u akbar tal-aggregazzjoni tad-domanda, u jenħtieġ li jkun ġust irrispettivament mill-volumi tal-gass mitluba mill-impriżi individwali. Pereżempju, jenħtieġ li l-fornitur tas-servizz jalloka d-drittijiet tal-aċċess fi proporzjon mal-volumi tal-gass li l-impriżi individwali ddikjaraw li jixtru għall-ħin u d-destinazzjoni tal-konsenja partikolari. Dan jista’ jkun rilevanti f’każijiet fejn il-provvista ma tkoprix biżżejjed id-domanda fis-suq tal-Unjoni.

(18)

L-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri tal-gass naturali huma proċessi kumplessi, li jeħtieġ li jqisu diversi elementi, li mhumiex limitati għall-prezzijiet, iżda jinkludu wkoll volumi, punti tal-konsenja u parametri oħra. Għalhekk, il-fornitur tas-servizzi magħżul jenħtieġ li jkollu l-livell neċessarju ta’ esperjenza fil-ġestjoni u l-aggregazzjoni tax-xiri tal-gass naturali jew tas-servizzi assoċjati fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri tal-gass naturali huma elementi kruċjali biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u jħarsu l-prinċipju tas-solidarjetà fl-enerġija fl-Unjoni.

(19)

Il-protezzjoni ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva hija ta’ importanza kbira meta l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija ad hoc jew il-fornitur tas-servizzi li jistabbilixxi jew jimmaniġġa l-għodda tal-IT għall-aggregazzjoni tad-domanda. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tapplika strumenti effettivi biex tipproteġi din l-informazzjoni kontra kwalunkwe aċċess mhux awtorizzat u riskji taċ-ċibersigurtà. Kwalunkwe data personali li tista’ tiġi pproċessata bħala parti mill-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt jenħtieġ li tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3)*.

(20)

Ix-xiri konġunt jista’ jieħu forom differenti. Jista’ jseħħ permezz ta’ sejħiet għall-offerti jew irkantijiet organizzati mill-fornitur tas-servizzi li jaggrega d-domanda tal-impriżi tal-gass naturali u tal-impriżi li jikkunsmaw il-gass, sabiex dan potenzjalment jitqabbel ma’ offerti minn fornituri jew produtturi tal-gass naturali, permezz tal-użu ta’ għodda tal-IT.

(21)

Wieħed mill-objettivi tal-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt hu li jitnaqqas ir-riskju ta’ żidiet mhux neċessarji fil-prezzijiet ikkawżati minn impriżi li jagħmlu offerti għall-istess segment tal-gass. L-iżgurar li l-benefiċċji kollha tax-xiri konġunt jaslu għand il-konsumaturi finali fl-aħħar mill-aħħar jiddependi fuq id-deċiżjonijiet li jieħdu l-impriżi nfushom. Jenħtieġ li impriżi kbar jiġu mrażżna anke jekk ikunu jistgħu jbigħu l-gass bi prezzijiet ogħla. L-impriżi li jibbenefikaw minn prezzijiet orħos għax-xiri tal-gass minn xiri konġunt jenħtieġ li jgħaddu dawk il-benefiċċji lill-konsumaturi. It-trasferiment ta’ prezzijiet aktar baxxi jkun indikatur importanti għas-suċċess tax-xiri konġunt, peress li huwa kruċjali għall-konsumaturi.

(22)

L-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt għandhom ikunu miftuħa għall-impriżi tal-gass naturali u l-impriżi li jikkonsmaw il-gass stabbiliti fl-Unjoni. B’mod partikolari, il-konsumaturi industrijali li jużaw il-gass b’mod intensiv fil-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom, bħall-produtturi tal-fertilizzanti, l-azzar, iċ-ċeramika u l-ħġieġ, jistgħu ukoll jibbenefikaw mix-xiri konġunt billi jippermettulhom jiġbru flimkien id-domanda tagħhom, jikkuntrattaw il-merkanzija tal-gass u tal-LNG, u jistrutturaw il-provvista skont il-ħtiġijiet partikolari tagħhom. Il-proċess tal-organizzazzjoni tax-xiri konġunt jenħtieġ ikollu regoli trasparenti dwar kif wieħed jista’ jingħaqad miegħu u jenħtieġ li jiżgura l-ftuħ tiegħu.

(23)

Il-ftuħ tal-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt anki għall-Balkani tal-Punent u t-tliet pajjiżi Sħab tal-Lvant assoċjati huwa għan politiku dikjarat tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li impriżi stabbiliti fil-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija jitħallew jipparteċipaw fl-aggregazzjoni tad-domanda u fix-xiri konġunt stabbiliti b’dan ir-Regolament dment li jkunu fis-seħħ l-arranġamenti neċessarji.

(24)

Huwa neċessarju li titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni mill-gass fornut mill-Federazzjoni Russa. Għalhekk, jenħtieġ li impriżi kkontrollati mill-Federazzjoni Russa jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika Russa, jew impriżi fil-mira ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni stabbiliti abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, jew proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp soġġetti għal tali miżuri restrittivi jkunu esklużi milli jipparteċipaw f’xiri konġunt kif ukoll milli jorganizzaw il-proċess ta’ xiri konġunt.

(25)

Sabiex jiġi evitat li l-objettiv tad-diversifikazzjoni mill-gass fornut mill-Federazzjoni Russa jitqiegħed f’riskju jew jiġi mxekkel mill-parteċipazzjoni fl-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt ta’ impriżi jew korpi oħra kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi Russi jew impriżi stabbiliti fil-Federazzjoni Russa, jenħtieġ li l-parteċipazzjoni ta’ dawk l-entitajiet tkun eskluża wkoll.

(26)

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-gass naturali li joriġina mill-Federazzjoni Russa ma jkunx soġġett għal xiri konġunt. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-gass naturali li jidħol fl-Istati Membri jew fil-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija minn punti ta’ dħul speċifiċi ma jkunx soġġett għal xiri konġunt peress li l-gass naturali li joriġina mill-Federazzjoni Russa x’aktarx li jidħol fl-Istati Membri jew fil-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija minn dawk il-punti ta’ dħul.

(27)

Il-parteċipanti fix-xiri konġunt tal-gass jistgħu jeħtieġu garanziji finanzjarji, jekk kwalunkwe waħda mill-impriżi ma tkunx tista’ tħallas għall-volum ikkuntrattat finali. L-Istati Membri jew partijiet ikkonċernati oħra jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju, inkluż garanziji, lill-parteċipanti fix-xiri konġunt. L-għoti ta’ appoġġ finanzjarju jenħtieġ li jsir f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni, inkluż il-Qafas Temporanju ta’ Għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet adottat mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Marzu 2022, kif emendat fit-28 ta’ Ottubru 2022, fejn applikabbli.

(28)

Il-mili tal-faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass huwa essenzjali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni. Minħabba t-tnaqqis fil-provvisti tal-gass naturali mill-Federazzjoni Russa, l-Istati Membri jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi biex jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-gass għax-xitwa 2023/2024 kif preskritt mir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-użu tal-possibbiltà ta’ aggregazzjoni tad-domanda tal-fornitur tas-servizzi jista’ jgħin lill-Istati Membri jnaqqsu dawk l-isfidi. Dan jista’, fil-limiti tal-liġi tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari jappoġġa l-ġestjoni kkoordinata tal-mili u tal-ħżin fid-dawl tal-istaġun tal-mili li jmiss, filwaqt li jiġu evitati l-ogħla prezzijiet eċċessivi kkawżati, fost l-oħrajn, minn mili mhux ikkoordinat tal-ħażniet.

(29)

Sabiex jiġi żgurat li x-xiri konġunt jikkontribwixxi għall-mili tal-faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass f’konformità mal-miri intermedji stipulati fir-Regolament (UE) 2022/1032, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-impriżi tal-gass naturali u impriżi li jikkonsmaw il-gass taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom jużaw il-proċess organizzat mill-fornitur tas-servizzi bħala mezz wieħed possibbli biex jintlaħqu l-miri għall-mili.

(30)

Ir-Regolament (UE) 2022/1032 jirrikjedi li l-Istati Membri jimlew il-faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass tagħhom sa 90 % sal-1 ta’ Novembru 2023. Din il-mira hija ogħla mill-mira għall-1 ta’ Novembru 2022 (80 %). Ix-xiri konġunt jista’ jgħin lill-Istati Membri jilħqu din il-mira l-ġdida. Meta jagħmlu dan l-Istati Membri jenħtieġ li jirrikjedu li l-impriżi domestiċi jużaw il-fornitur tas-servizzi biex jaggregaw id-domanda b’volumi għoljin biżżejjed ta’ gass sabiex jitnaqqas ir-riskju li l-faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass tagħhom ma jkunux jistgħu jimtlew. Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu li volumi ekwivalenti għal mill-inqas 15 %, tal-volum fil-mira għall-mili tal-ħażniet tagħhom għas-sena li jmiss, ekwivalenti għal madwar 13,5 biljuni metri kwadri għall-Unjoni kollha kemm hi, ikunu inklużi mill-impriżi tagħhom fil-proċess tal-aggregazzjoni tad-domanda. L-Istati Membri mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fit-territorju tagħhom jenħtieġ li jipparteċipaw fil-proċess tal-aggregazzjoni tad-domanda b’volumi ekwivalenti għal 15 % tal-obbligu tagħhom ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet skont l-Artikolu 6c tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(31)

L-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt ma jippreskrivux il-ġestjoni tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass, inkluż il-faċilitajiet tal-ħżin strateġiku tal-gass, u huma mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (UE) 2022/1032.

(32)

Sabiex jużaw b’mod effettiv ix-xiri konġunt u jikkonkludu ftehimiet tal-gass ma’ fornituri li joffru l-gass lill-fornitur tas-servizzi, jenħtieġ li l-impriżi jkunu jistgħu jikkoordinaw il-kundizzjonijiet tax-xiri, bħal pereżempju l-volumi, il-prezz tal-gass, il-punti tal-konsenja u l-ħin, fi ħdan il-limiti tal-liġi tal-Unjoni. Madankollu, l-impriżi li jipparteċipaw f’konsorzju għax-xiri tal-gass jenħtieġ li jiżguraw li l-informazzjoni skambjata direttament jew indirettament tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju biex jintlaħaq l-objettiv segwit, f’konformità mal-Artikolu 101 TFUE. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza u l-governanza ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżguraw li l-kuntratti tal-konsorzju għax-xiri ma jipperikolawx is-sigurtà tal-provvista jew ixekklu s-solidarjetà fl-enerġija, b’mod partikolari fejn l-Istati Membri jkunu involuti direttament jew indirettament fil-proċess tax-xiri.

(33)

Filwaqt li jista’ jiġi ffurmat aktar minn konsorzju wieħed għax-xiri tal-gass, l-aktar għażla effettiva tkun li jiġi ffurmat konsorzju uniku għax-xiri tal-gass li jinkludi kemm jista’ jkun impriżi biex jaggregaw id-domanda permezz tal-fornitur tas-servizzi u mfassal b’mod li jkun kompatibbli mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li t-tgħaqqid tal-forzi f’konsorzju uniku għax-xiri tal-gass iġib aktar saħħa ta’ negozjar tal-Unjoni fis-suq u jippermetti kundizzjonijiet vantaġġużi li bilkemm ikunu jistgħu jinkisbu minn impriżi iżgħar jew fil-każ ta’ azzjoni frammentata.

(34)

L-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ konsorzji għax-xiri tal-gass skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jsiru f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, kif applikabbli fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali tas-suq. Il-Kummissjoni indikat li hija lesta li takkumpanja lill-impriżi fit-tfassil ta’ tali konsorzju għax-xiri tal-gass u li toħroġ deċiżjoni, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (6), dwar l-inapplikabbiltà tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jekk jiġu inkorporati u rispettati s-salvagwardji rilevanti. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll ir-rieda tagħha li tipprovdi gwida informali jekk l-impriżi parteċipi fi kwalunkwe konsorzju ieħor jiffaċċjaw inċertezza fir-rigward tal-valutazzjoni ta’ element wieħed jew aktar tal-arranġament tax-xiri konġunt tagħhom skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

(35)

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżuri fir-rigward tal-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jilħqu l-objettiv tagħhom, peress li dawk il-miżuri ser jiġu implimentati fuq bażi volontarja, b’eċċezzjoni limitata biss fir-rigward tal-parteċipazzjoni obbligatorja fl-aggregazzjoni tad-domanda għall-iskop li jimtlew il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass, u l-impriżi privati ser jibqgħu partijiet għall-kuntratti għall-provvista tal-gass konklużi skont ix-xiri konġunt.

(36)

Sabiex tiġi ottimizzata l-kapaċità ta’ assorbiment tal-LNG tal-faċilitajiet tal-LNG tal-Unjoni u l-użu tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass, huma neċessarji arranġamenti ta’ trasparenza mtejba u suq organizzat li jiffaċilita l-kummerċ sekondarju fil-kapaċitajiet tal-ħżin tal-gass u l-kapaċitajiet tal-faċilitajiet tal-LNG, simili għal dawk li jeżistu għat-trasport tal-gass permezz ta’ pipelines. Dan huwa partikolarment importanti fi żminijiet ta’ emerġenza u bidliet fil-flussi tal-gass minn gass mill-pipeline mill-Federazzjoni Russa għal LNG. Il-proposti tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar regoli komuni għas-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu u għal Regolament dwar is-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu fihom dispożizzjonijiet għal dan l-għan. Il-frontloading ta’ dawk id-dispożizzjonijiet bħala parti mir-rispons għall-kriżijiet huwa kruċjali biex jintużaw il-faċilitajiet tal-LNG u l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass b’mod aktar effiċjenti u bit-trasparenza neċessarja . Fir-rigward ta’ pjattaformi ta’ trasparenza mifruxa mal-Ewropa kollha, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jużaw il-pjattaformi ta’ trasparenza eżistenti tal-Unjoni -għall-faċilitajiet tal-LNG u l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass biex jiżguraw implimentazzjoni rapida ta’ dan ir-Regolament. Fir-rigward ta’ pjattaforma ta’ prenotazzjoni sekondarja, jenħtieġ li l-operaturi tal-faċilitajiet tal-LNG u tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass jagħmlu użu mill-pjattaformi eżistenti tagħhom billi dawn jiġu mgħammra bil-karatteristiċi neċessarji.

(37)

Fir-rigward ta’ prenotazzjonijiet fit-tul tal-kapaċitajiet ta’ trasportazzjoni tal-gass, ir-regoli eżistenti dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni jipprevedu proċeduri ta’ “tużah jew titilfu”. Madankollu, dawk il-proċeduri jimxu bil-mod peress li jieħdu mill-inqas sitt xhur qabel ma jkollhom effett, u jeħtieġu l-proċeduri amministrattivi diffiċli tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Għalhekk, dawk ir-regoli jenħtieġ li jissaħħu u jiġu ssimplifikati sabiex l-operaturi tas-sistema tal-gass jingħataw l-għodod biex jirreaġixxu malajr għall-bidliet fil-flussi tal-gass u biex jindirizzaw konġestjonijiet possibbli. B’mod partikolari, ir-regoli l-ġodda jistgħu jaċċelleraw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ kapaċitajiet fit-tul mhux użati li altrimenti jibqgħu mhux utilizzati, u b’hekk l-użu ta’ pipelines isir aktar effiċjenti.

(38)

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jenħtieġ li janalizzaw l-informazzjoni disponibbli dwar l-użu tan-network ta’ trażmissjoni mill-utenti tan-network u jenħtieġ li jiddeterminaw jekk hemmx nuqqas ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità kostanti kkuntrattata. Jenħtieġ li tali nuqqas ta’ utilizzazzjoni jiġi definit bħala s-sitwazzjoni fejn utent tan-network ikun uża jew offra fis-suq inqas minn medja ta’ 80 % tal-kapaċità kostanti riżervata fl-aħħar 30 jum. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ utilizzazzjoni, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jenħtieġ li jippubblika l-kapaċità disponibbli għall-irkant tax-xahar li jmiss u sussegwentement jirkantaha. B’mod alternattiv, jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jiddeċiedu li minflok jużaw mekkaniżmu strett ta’ ġurnata bil-quddiem imsejjaħ "tużah jew titilfu". F’dan l-aħħar każ, jenħtieġ li l-mekkaniżmu japplika għall-punti kollha ta’ interkonnessjoni, kemm f’każ ta’ konġestjoni u wkoll jekk le.

(39)

Jenħtieġ li l-kumpaniji li jixtru l-gass jew li joffru li jikkonsenjaw il-gass lejn destinazzjonijiet predefiniti permezz ta’ xiri konġunt jiżguraw il-kapaċitajiet tat-trasport mill-punti tal-konsenja tal-gass sad-destinazzjoni tiegħu. Ir-regoli applikabbli tas-suq intern, inkluż il-kodiċijiet tan-network tal-gass, japplikaw biex jgħinu fl-iżgurar tal-kapaċitajiet tat-trasport. Jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, l-operaturi tal-faċilità tal-LNG u l-operaturi tal-faċilità tal-ħżin tal-gass kif ukoll il-pjattaformi ta’ prenotazzjoni jesploraw il-possibbiltajiet ta’ kif itejbu l-użu tal-infrastruttura b’mod affordabbli billi jesploraw il-possibbiltà tal-iżvilupp ta’ prodotti ġodda ta’ kapaċità tat-trasport li jikkollegaw il-punti ta’ interkonnessjoni, il-faċilitajiet tal-LNG u l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass intra-UE filwaqt li jirrispettaw ir-regoli applikabbli tas-suq intern, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 (7).

(40)

Filwaqt li ċ-ċirkostanzi straordinarji ta’ kriżi wasslu għal bidliet fix-xejriet tal-fluss fin-networks Ewropej tal-gass, li rriżultaw f’redditi straordinarjament għoljin mill-konġestjoni f’ċerti punti ta’ interkonnessjoni fl-Unjoni, setgħu jinstabu xi flessibbiltajiet fid-djalogu mal-awtoritajiet regolatorji rilevanti tal-Istati Membri milquta skont ir-regoli eżistenti, jekk xieraq bil-faċilitazzjoni tal-Kummissjoni.

(41)

L-invażjoni tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa wasslet għal inċertezzi u tfixkil kbar fis-swieq Ewropej tal-gass naturali. B’riżultat ta’ dan, għal dawn l-aħħar xhur dawk is-swieq irriflettew l-inċertezza dwar il-provvista, u din l-inċertezza biddlet l-aspettattiva tas-suq riżultanti fi prezzijiet estremament għoljin u volatili tal-gass naturali. Dan imbagħad poġġa pressjoni addizzjonali fuq il-parteċipanti tas-suq u dgħajjef il-funzjonament bla xkiel tas-swieq tal-enerġija tal-Unjoni.

(42)

Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) tistipula regoli biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq taċ-ċentri tan-negozjar, li fihom jiġu nnegozjati wkoll derivattivi ta’ komoditajiet relatati mal-enerġija. Dik id-Direttiva tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li suq regolat ikollu mekkaniżmi fis-seħħ li jiggarantixxu funzjonament ġust u ordnat tas-swieq finanzjarji. Madankollu, tali mekkaniżmi mhumiex maħsuba biex jistabbilixxu limitu fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet fl-istess jum u naqsu milli jipprevjenu l-episodji ta’ volatilità eċċezzjonali osservati fis-swieq tad-derivattivi tal-gass u tal-elettriku.

(43)

Minħabba d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-parteċipanti fis-suq fiċ-ċentri tan-negozjar li fihom jiġu nnegozjati d-derivattivi ta’ komoditajiet relatati mal-enerġija, u l-urġenza li jiġi żgurat li s-swieq tad-derivattivi tal-enerġija jkomplu jissodisfaw ir-rwol tagħhom li jipprovdu għall-ħtiġijiet ta’ ħħeġġjar tal-ekonomija reali, jixraq li jkun meħtieġ li ċ-ċentri tan-negozjar li fihom jiġu nnegozjati d-derivattivi ta’ komoditajiet relatati mal-enerġija jistabbilixxu mekkaniżmi temporanji ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum biex jiġu perċepiti l-movimenti eċċessivi tal-prezzijiet b’mod aktar effiċjenti. Sabiex jiġi żgurat li tali mekkaniżmi japplikaw għall-aktar kuntratti rilevanti, jenħtieġ li japplikaw għal derivattivi relatati mal-enerġija li l-maturità tagħhom ma taqbiżx it-12-il xahar.

(44)

Iċ-ċentri tan-negozjar li joffru derivattivi ta’ komoditajiet relatati mal-enerġija spiss jaċċettaw il-parteċipazzjoni ta’ diversi ditti tal-enerġija mill-Istati Membri kollha. Tali ditti tal-enerġija jiddependu ħafna fuq derivattivi nnegozjati fuq tali ċentri tan-negozjar biex jiżguraw provvisti kruċjali ta’ gass u elettriku fl-Unjoni kollha. Għalhekk, il-movimenti eċċessivi tal-prezzijiet li jseħħu f’ċentri tan-negozjar li fihom jiġu negozjati derivattivi ta’ komoditajiet relatati mal-enerġija jaffettwaw it-tħaddim tad-ditti tal-enerġija fl-Unjoni kollha, u fl-aħħar mill-aħħar jaffettwaw ukoll b’mod negattiv il-konsumaturi finali. Għalhekk, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, jenħtieġ li ssir koordinazzjoni tal-implimentazzjoni u tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum, biex jiġi żgurat li l-operaturi essenzjali għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Istati Membri kollha jibbenefikaw minn salvagwardji kontra movimenti kbar fil-prezzijiet li huma ta’ detriment għat-tħaddim kontinwu tan-negozju tagħhom, li jkun ukoll ta’ detriment għall-konsumaturi finali.

(45)

Il-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum jenħtieġ li jiżgura li jiġu evitati movimenti eċċessivi fil-prezzijiet f’jum ta’ negozjar. Jenħtieġ li dawk il-mekkaniżmi jkunu ibbażati fuq il-prezz tas-suq osservat f’intervalli regolari. Minħabba d-diversità wiesgħa tal-istrumenti fis-swieq tad-derivattivi tal-enerġija u l-pekuljaritajiet taċ-ċentri tan-negozjar assoċjati ma’ tali strumenti, il-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum jenħtieġ li jkunu adattati għall-ispeċifiċitajiet ta’ dawk l-istrumenti u s-swieq. Għalhekk, jenħtieġ li ċ-ċentri tan-negozjar jistabbilixxu limiti tal-prezzijiet filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull derivattiv ta’ komoditajiet relatat mal-enerġija rilevanti, il-profil tal-likwidità tas-suq għal tali derivattiv u l-profil tal-volatilità tiegħu.

(46)

Jenħtieġ li meta jiddetermina l-prezz tal-ftuħ għall-fini li jiġi stabbilit l-ewwel prezz ta’ referenza f’jum ta’ negozjar, iċ-ċentru tan-negozjar jibbaża fuq il-metodoloġija li normalment japplika biex jiddetermina l-prezz li bih derivattiv ta’ komoditajiet relatat mal-enerġija speċifiku l-ewwel jinnegozja fil-bidu tal-jum ta’ negozjar. Jenħtieġ li fid-determinazzjoni tal-prezz tal-ftuħ wara kwalunkwe interruzzjoni tan-negozjar li tista’ sseħħ matul il-jum ta’ negozjar, iċ-ċentru tan-negozjar japplika l-metodoloġija li jqis l-aktar xierqa biex jiżgura li jerġa’ jissokta negozjar ordnat.

(47)

Jenħtieġ li ċ-ċentri tan-negozjar ikunu jistgħu jimplimentaw il-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum billi jintegrawh fl-interrutturi taċ-ċirkwiti eżistenti tagħhom diġà stabbiliti skont id-Direttiva 2014/65/UE, jew inkella bħala mekkaniżmu addizzjonali.

(48)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fil-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum li jimplimentaw, jenħtieġ li ċ-ċentri tan-negozjar, mingħajr dewmien żejjed, jippubblikaw deskrizzjoni tal-karatteristiċi ġenerali tiegħu ta’ kull meta japplikaw modifika. Madankollu, biex jiġi ssalvagwardjat negozjar ġust u ordnat, jenħtieġ li ċ-ċentri tan-negozjar ma jkunux meħtieġa jippubblikaw il-parametri tekniċi kollha tal-mekkaniżmu li stabbilew.

(49)

Fejn l-informazzjoni miġbura mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità miċ-ċentri tan-negozjar tad-derivattivi ta’ komoditajiet li fihom jiġu nnegozjati d-derivattivi relatati mal-enerġija fl-Unjoni juru li hija meħtieġa konsistenza ogħla fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu biex tiġi żgurata ġestjoni aktar effiċjenti tal-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet madwar l-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tispeċifika kundizzjonijiet uniformi ta’ implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum, bħalma hija l-frekwenza li biha jiġġeddu l-limiti tal-prezzijiet, jew il-miżuri li jridu jittieħdu jekk in-negozjar jiċċaqlaq lil hinn minn dawk il-limiti tal-prezzijiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tqis l-ispeċifiċitajiet ta’ kull derivattiv ta’ komoditajiet relatat mal-enerġija, il-profil ta’ likwidità tas-suq għal tali derivattiv u l-profil ta’ volatilità tiegħu.

(50)

Sabiex iċ-ċentri tan-negozjar jingħataw biżżejjed żmien biex jimplimentaw b’mod robust il-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum kif speċifikat f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li ċ-ċentri tan-negozjar jingħataw sal-31 ta’ Jannar 2023 biex jistabbilixxu dak il-mekkaniżmu. Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċentri tan-negozjar ikunu kapaċi jittrattaw movimenti eċċessivi fil-prezzijiet malajr anki qabel ma jiġi stabbilit dak il-mekkaniżmu, jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ mekkaniżmu preliminari li jista’ jilħaq b’mod wiesa’ l-istess objettiv bħall-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum.

(51)

L-obbligi u r-restrizzjonijiet imposti fuq iċ-ċentri tan-negozjar u fuq in-negozjanti mill-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex id-ditti tal-enerġija jkunu jistgħu jkomplu jipparteċipaw fis-swieq tal-gass u tal-elettriku u jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom tal-iħħeġġjar, u b’hekk jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-konsumaturi finali.

(52)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effiċjenti tal-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jissorveljaw l-implimentazzjoni tagħhom miċ-ċentri tan-negozjar, u jirrapportaw regolarment lill-ESMA dwar tali implimentazzjoni. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti tal-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiżguraw ukoll li d-diverġenzi fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-mekkaniżmi miċ-ċentri tan-negozjar ikunu debitament ġustifikati.

(53)

Sabiex jiġu indirizzati d-diverġenzi potenzjali fl-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum bejn l-Istati Membri, u abbażi tar-rapporti sottomessi mill-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li l-ESMA tikkoordina l-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u tiddokumenta kwalunkwe diverġenza osservata fil-mod kif il-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum jiġu implimentati miċ-ċentri tan-negozjar bejn il-ġuriżdizzjonijiet fl-Unjoni.

(54)

Minħabba t-tnaqqis bla preċedent tal-provvista tal-gass naturali mill-Federazzjoni Russa u r-riskju persistenti ta’ aktar interruzzjonijiet f’daqqa fil-provvista, l-Unjoni qed tiffaċċa l-ħtieġa urġenti li tiddiversifika l-provvisti tagħha tal-gass. Madankollu, is-suq tal-LNG għall-Ewropa għadu qed ifeġġ u huwa diffiċli li tiġi vvalutata l-preċiżjoni tal-prezzijiet li jipprevalu f’dan is-suq. Sabiex tinkiseb valutazzjoni preċiża, oġġettiva u affidabbli tal-prezz għall-konsenji tal-LNG lejn l-Unjoni, jenħtieġ li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) tiġbor id-data kollha tas-suq tal-LNG li hija neċessarja biex tiġi stabbilita valutazzjoni tal-prezz tal-LNG ta’ kuljum.

(55)

Il-valutazzjoni tal-prezz jenħtieġ li ssir abbażi tat-tranżazzjonijiet kollha relatati mal-konsenji tal-LNG lejn l-Unjoni. L-ACER jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tiġbor din id-data tas-suq mill-parteċipanti kollha attivi fil-konsenji tal-LNG lejn l-Unjoni. Dawn il-parteċipanti kollha jenħtieġ li jkunu obbligati jirrapportaw id-data kollha tagħhom tas-suq tal-LNG lill-ACER qrib il-ħin reali kemm jista’ jkun teknoloġikament possibbli wara l-konklużjoni ta’ tranżazzjoni jew inkella wara talba jew offerta biex jidħlu fi tranżazzjoni. Il-valutazzjoni tal-prezzijiet tal-ACER jenħtieġ li tinkludi l-aktar sett ta’ data komplut inkluż il-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet u, mill-31 ta’ Marzu 2023, il-prezzijiet tat-talbiet u tal-offerti għall-konsenji tal-LNG lejn l-Unjoni. Il-pubblikazzjoni ta’ kuljum ta’ din il-valutazzjoni oġġettiva tal-prezzijiet, u tal-firxa stabbilita bi tqabbil ma’ prezzijiet ta’ referenza oħra fis-suq fil-forma ta’ parametru referenzjarju tal-LNG, twitti t-triq għall-adozzjoni volontarja tagħha mill-parteċipanti fis-suq bħala l-prezz ta’ referenza fil-kuntratti u t-tranżazzjonijiet tagħhom. Ladarba jiġu stabbiliti, il-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG u l-parametru referenzjarju tal-LNG jistgħu wkoll isiru rata ta’ referenza għall-kuntratti tad-derivattivi użati għall-iħħeġġjar tal-prezz tal-LNG jew id-differenza fil-prezz bejn il-prezz tal-LNG u prezzijiet oħra tal-gass. Fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li tiġi introdotta l-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG, l-ewwel pubblikazzjoni ta’ dik il-valutazzjoni jenħtieġ li ssir mhux aktar tard mit-13 ta’ Jannar 2023.

(56)

Is-setgħat attwali mogħtija lill-ACER permezz tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 (11) (flimkien imsejħa “REMIT”) mhumiex biżżejjed biex jinħoloq sett ta’ data komplut u komprensiv tal-konsenji kollha tal-LNG fl-Unjoni. Madankollu, sett ta’ data komprensiv u komplut bħal dan għall-valutazzjoni tal-prezz ta’ kuljum huwa neċessarju biex l-Unjoni tiġġestixxi, fi spirtu ta’ solidarjetà, il-politiki tal-akkwist tagħha għall-importazzjonijiet internazzjonali tal-LNG, b’mod partikolari matul is-sitwazzjoni ta’ kriżi li għaddejja. Id-data u l-informazzjoni rilevanti dwar il-kuntratti tal-LNG huma neċessarji wkoll biex jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-iżviluppi tal-prezzijiet kif ukoll biex jitwettqu l-kontroll tal-kwalità tad-data u l-assigurazzjoni tal-kwalità. Jenħtieġ li dan l-istrument ad hoc jippermetti lill-ACER tiġbor id-data kollha tas-suq li hija meħtieġa biex tiġi stabbilita valutazzjoni komprensiva u rappreżentattiva tal-prezz tal-konsenji tal-LNG lejn l-Unjoni.

(57)

Għalkemm jenħtieġ li l-istabbiliment ta’ valutazzjoni tal-prezz tal-LNG ta’ kuljum u parametru referenzjarju tal-LNG fuq bażi permanenti jiġi inkluż f’reviżjoni aktar komprensiva tar-REMIT fi stadju aktar tard, is-sitwazzjoni ta’ kriżi li għaddejja bħalissa tirrikjedi azzjoni urġenti issa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni immedjata ta’ diffikultajiet serji fil-provvista u l-ipprezzar preċiż tal-konsenji tal-LNG lejn l-Unjoni fuq bażi temporanja sakemm tali reviżjoni tar-REMIT tkun tista’ tiġi adottata f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

(58)

Sabiex tiżdied minnufih it-trasparenza tal-prezzijiet u s-sigurtà tal-ippjanar fis-suq tal-importazzjoni tal-LNG, jenħtieġ li jiġi speċifikat li s-sett ta’ data rilevanti jenħtieġ li jinkludi kemm informazzjoni dwar il-ijiet u l-kwantitajiet ta’ tranżazzjonijiet tal-LNG kompluti, il-prezzijiet u l-kwantitajiet tat-talbiet u tal-offerti relatati mal-konsenji tal-LNG fl-Unjoni, kif ukoll il-formula tal-prezz fil-kuntratt fit-tul li minnu jiġi derivat il-prezz, jekk rilevanti.

(59)

Il-parteċipant fis-suq tal-LNG soġġetti għal obbligu ta’ rappurtar jenħtieġ li jiġu definiti bħala dawk involuti jew fix-xiri jew fil-bejgħ ta’ merkanziji ta’ LNG destinati għall-konsenja fl-Unjoni. Dawk il-parteċipanti fis-suq tal-LNG jenħtieġ li jiġu soġġetti għall-obbligi u l-projbizzjonijiet li japplikaw għall-parteċipanti fis-suq f’konformità mar-REMIT.

(60)

L-ACER, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jenħtieġ li jkollha mandat wiesa’ biex tispeċifika l-kwalità u s-sustanza tad-data tas-suq li tiġbor biex tiġi stabbilita valutazzjoni tal-prezz ta’ kuljum għall-konsenji tal-LNG fl-Unjoni. Jenħtieġ ukoll li tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla tal-protokoll ippreferut tagħha ta’ trażmissjoni. Sabiex tinkiseb l-ogħla kwalità possibbli fid-data tas-suq li għandha tiġi rrapportata, jenħtieġ li l-ACER tingħata s-setgħa li tispeċifika l-parametri kollha tad-data tas-suq li jenħtieġ li tiġi rrapportata lilha. Tali parametri jenħtieġ li jinkludu, mingħajr ma jkunu limitati għalihom, l-unitajiet ta’ referenza li fihom tiġi rrapportata d-data dwar il-prezzijiet, l-unitajiet ta’ referenza li fihom tiġi rrapportata d-data dwar il-kwantità, il-perjodi ta’ maturità bil-quddiem tat-talba ta’ tranżazzjoni jew ta’ qabel it-tranżazzjoni u d-data tal-offerta, kif ukoll il-protokolli ta’ trażmissjoni li għandhom jintużaw biex tintbagħat id-data meħtieġa lill-ACER.

(61)

L-ACER jenħtieġ li tistipula wkoll il-metodoloġija li tuża biex tipprovdi valutazzjoni tal-prezz tal-LNG ta’ kuljum u parametru referenzjarju tal-LNG, kif ukoll il-proċess għal rieżami regolari ta’ din il-metodoloġija.

(62)

Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-prezz ippubblikata skont dan ir-Regolament tipprovdi aktar trasparenza lill-Istati Membri u lil parteċipanti oħra fis-suq dwar il-prezz prevalenti tal-importazzjonijiet tal-LNG lejn l-Ewropa. Aktar trasparenza fil-prezzijiet min-naħa tagħha jenħtieġ li tippermetti lill-Istati Membri u lill-entitajiet privati domiċiljati fl-Unjoni jaġixxu b’mod aktar infurmat u kkoordinat meta jixtru l-LNG fis-swieq globali u b’mod partikolari, meta jużaw il-fornitur tas-servizzi. Aktar koordinazzjoni fix-xiri tal-LNG jenħtieġ li tippermetti lill-Istati Membri jevitaw li jagħmlu offerti għoljin wisq għal xulxin jew li joffru prezzijiet li ma jkunux konformi mal-prezz prevalenti tas-suq. Għalhekk, il-valutazzjonijiet tal-prezzijiet u l-firxiet tal-parametri referenzjarji ppubblikati skont dan ir-Regolament huma kruċjali biex tinħoloq aktar solidarjetà bejn l-Istati Membri fl-akkwist ta’ provvisti limitati tal-LNG.

(63)

L-obbligu tal-operaturi tas-suq li jipprovdu lill-ACER informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet tal-LNG huwa neċessarju u proporzjonat biex jintlaħaq l-objettiv li l-ACER tkun tista’ tistabbilixxi parametru referenzjarju tal-LNG, b’mod partikolari peress li huwa allinjat mal-obbligi eżistenti tal-operaturi tas-suq skont ir-REMIT u l-ACER ser iżżomm l-informazzjoni kummerċjali sensittiva kunfidenzjali.

(64)

Minbarra l-interruttur taċ-ċirkwit u l-parametru referenzjarju tal-LNG, interventi oħra huma disponibbli inkluż kuritur tal-prezzijiet dinamiku temporanju, kif mitlub fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 u l-21 ta’ Ottubru 2022, b’kont meħud tas-salvagwardji li ġejjin: jenħtieġ li japplika għal tranżazzjonijiet ta’ gass naturali fil-Punt ta’ Negozjar Virtwali (Title Transfer Facility - TTF), operat minn Gasunie Transport Services B.V.; hubs oħra tal-Unjoni għan-negozjar tal-gass jistgħu jkunu marbuta mal-prezz spot tat-TTF ikkoreġut permezz ta’ kuritur tal-prezzijiet dinamiku temporanju; u jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-kummerċ tal-gass barra l-borża, jenħtieġ li ma jipperikolax is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-Unjoni, jenħtieġ li jiddependi fuq il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-mira tal-iffrankar tal-gass, jenħtieġ li ma jwassalx għal żieda ġenerali fil-konsum tal-gass, jenħtieġ li jitfassal b’tali mod li ma jipprevjenix flussi tal-gass intra-UE bbażati fuq is-suq, jenħtieġ li ma jaffettwax l-istabbiltà u l-funzjonament ordnat tas-swieq tad-derivattivi tal-enerġija u jenħtieġ li jqis il-prezzijiet tas-suq tal-gass fis-swieq organizzati differenti madwar l-Unjoni.

(65)

Ir-Regolament (UE) 2017/1938 diġà jipprovdi l-possibbiltà li l-Istati Membri, matul emerġenza, jagħtu prijorità lill-provvista tal-gass lil ċerti impjanti kritiċi tal-enerġija li jaħdmu bil-gass, minħabba l-importanza tagħhom li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u jevitaw l-iżbilanċi fil-grilja. L-impjanti kritiċi tal-enerġija li jaħdmu bil-gass u l-volumi ta’ gass assoċjati jista’ jkollhom impatt importanti fuq il-volumi ta’ gass disponibbli għas-solidarjetà f’emerġenza. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 13(1), (3) u (8) tar-Regolament (UE) 2017/1938, l-Istati Membri jkunu jistgħu, temporanjament, jitolbu miżuri ta’ solidarjetà ta’ emerġenza anke meta ma jkunux jistgħu jiżguraw dawk il-volumi kritiċi ta’ gass neċessarji biex jiżguraw il-kontinwazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku f’impjanti kritiċi li jaħdmu bil-gass. Għall-istess raġuni, l-Istati Membri li jipprovdu solidarjetà jenħtieġ li jkunu wkoll intitolati li jiżguraw li l-provvisti lill-klijenti tagħhom protetti mis-solidarjetà jew servizzi essenzjali oħra, bħat-tisħin distrettwali, u t-tħaddim tal-impjanti kritiċi tagħhom li jaħdmu bil-gass ma jiġux ipperikolati meta tiġi pprovduta solidarjetà lil Stat Membru ieħor.

(66)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu massimu tal-volumi kritiċi tal-gass meħtieġa f’kull Stat Membru biex tiġi ppreservata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku sabiex jiġu evitati talbiet ta’ solidarjetà bla bżonn jew abbużivi jew limitazzjonijiet bla bżonn għas-solidarjetà pprovduti lil Stat Membru fil-bżonn. Il-metodoloġija użata fil-Perspettiva għax-Xitwa tan-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (“ENTSO-E”) tipprovdi bażi għall-identifikazzjoni tal-volum kritiku tal-gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u għall-istabbiliment ta’ dawk il-limiti. Il-volumi kritiċi tal-gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku kkalkulati mill-ENTSO-E jirriflettu l-volumi ta’ gass assolutament meħtieġa biex jiżguraw l-adegwatezza pan-Ewropea tal-elettriku bl-użu tar-riżorsi kollha tas-suq, waqt li jitqies dejjem li l-gass ikun l-aħħar fl-ordni tal-mertu. Il-metodoloġija tal-ENTSOE hija bbażata fuq kampjun kbir tal-agħar xenarji possibbli ta’ klima u qtugħ furzat. Il-fatt li l-metodoloġija tal-ENTSOE ma tqisx is-sħana u l-enerġija kkombinati kollha ma jwaqqafx lill-Istati Membri milli jqisu l-installazzjonijiet ta’ tisħin distrettwali ta’ klijenti protetti bħala protetti skont id-definizzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1938. L-Istati Membri li għalihom il-ġenerazzjoni tal-elettriku tiddependi esklużivament fuq il-konsenji tal-LNG mingħajr kapaċitajiet sinifikanti tal-ħżin, jenħtieġ li l-volumi kritiċi ta’ gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku jiġu adattati kif xieraq. Il-volum kritiku tal-gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku jista’ jkun aktar baxx mil-livell storiku ta’ gass ikkunsmat għall-ġenerazzjoni tal-elettriku peress li l-adegwatezza tal-elettriku tista’ tiġi pprovduta b’mezzi oħra, inkluż bl-għoti ta’ provvisti bejn l-Istati Membri.

(67)

Madankollu, dan ma jeskludix li l-volumi minimi proprji ta’ gass meħtieġa minn Stat Membru li jitlob solidarjetà jew Stat Membru li jipprovdi solidarjetà jistgħu jkunu ogħla mill-valuri mmudellati mill-ENTSO-E biex tiġi evitata kriżi tal-elettriku. F’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru li jitlob solidarjetà jew l-Istat Membru li jipprovdi solidarjetà jenħtieġ li jkun jista’ jaqbeż il-valuri massimi stipulati f’dan ir-Regolament jekk ikun jista’ jiġġustifika li dan huwa neċessarju biex tiġi evitata kriżi tal-elettriku, bħal każijiet li jirrikjedu li jintalbu riżervi tar-restawr tal-frekwenza u fjuwils alternattivi, jew f’xenarji eċċezzjonali li ma tqisux fil-Perspettiva għax-Xitwa tal-ENTSO-E, b’mod partikolari meta jitqiesu l-livelli idroloġiċi jew l-iżviluppi mhux mistennija. Il-volum kritiku ta’ gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, skont id-definizzjoni, jinkludi l-gass kollu meħtieġ biex jiżgura provvista stabbli tal-elettriku, u għalhekk jinkludi l-elettriku meħtieġ għall-produzzjoni u t-trasport tal-gass kif ukoll setturi kruċjali ta’ infrastruttura kritika u installazzjonijiet kruċjali għall-funzjonament tas-servizzi militari, tas-sigurtà nazzjonali u tal-għajnuna umanitarja.

(68)

Ir-restrizzjonijiet imposti fuq l-operaturi tas-suq bl-estenzjoni tal-protezzjoni ta’ solidarjetà għal volumi ta’ gass kritiċi huma neċessarji biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-gass matul sitwazzjoni ta’ provvista mnaqqsa tal-gass u żieda fid-domanda matul l-istaġun tax-xitwa. Dawk ir-restrizzjonijiet huma bbażati fuq miżuri eżistenti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/1938 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 (12) rispettivament, u għandhom l-għan li dawk il-miżuri jsiru aktar effettivi fiċ-ċirkostanzi attwali.

(69)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-libertà tal-Istati Membri li jqisu l-ħsara potenzjali fit-tul lill-installazzjonijiet industrijali meta jipprijoritizzaw id-domanda li jenħtieġ li titnaqqas jew tiġi limitata biex tkun tista’ tiġi pprovduta solidarjetà lil Stat Membru ieħor.

(70)

Ċerti klijenti, li jinkludu unitajiet domestiċi u klijenti li jipprovdu servizzi soċjali essenzjali, huma partikolarment sensittivi għall-effetti negattivi tal-interruzzjonijiet fil-provvista tal-gass. Għal din ir-raġuni, ir-Regolament (UE) 2017/1938 jintroduċi mekkaniżmu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri biex jittaffew l-effetti ta’ emerġenza serja fl-Unjoni u jiġi żgurat li l-gass ikun jista’ jasal għand il-klijenti protetti mis-solidarjetà. Madankollu, f’ċerti każijiet, l-użu tal-gass mill-klijenti protetti wkoll jista’ jitqies bħala mhux essenzjali. It-tnaqqis ta’ dan it-tip ta’ użu li b’mod ċar imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ ma jdgħajjifx l-objettivi stipulat fir-Regolament (UE) 2017/1938, b’mod partikolari peress li l-gass nieqes ikkunsmat għal skopijiet mhux essenzjali jista’ jwassal għal ħsara kbira f’setturi privati jew kummerċjali oħra. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jiffrankaw il-gass anki billi jnaqqsu l-konsum mhux essenzjali ta’ klijenti protetti f’ċirkostanzi speċifiċi, fejn dak it-tnaqqis ikun fiżikament fattibbli mingħajr ma jaffettwa użi essenzjali. Madankollu, kwalunkwe miżura ta’ tnaqqis meħuda mill-Istati Membri jenħtieġ li tkun strettament limitata għall-konsum mhux essenzjali u bl-ebda mod ma għandha tnaqqas l-użu bażiku minn klijenti protetti u lanqas tillimita l-kapaċità tagħhom li jsaħħnu djarhom b’mod adegwat.

(71)

L-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeterminaw il-miżuri ta’ tnaqqis applikabbli u l-attivitajiet li jikkorrispondu għall-konsum mhux essenzjali, bħat-tisħin fuq barra, it-tisħin ta’ pixxini residenzjali u faċilitajiet residenzjali komplementari oħra. Bil-possibbiltà li jillimitaw il-konsum mhux essenzjali, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jsaħħu s-salvagwardji u jiżguraw li l-gass ikun qed jiġi fornut lil setturi, servizzi u industriji essenzjali oħra, u b’hekk ikunu jistgħu jkomplu joperaw matul kriżi.

(72)

Kwalunkwe miżura biex jitnaqqas il-konsum mhux essenzjali tal-klijenti protetti jenħtieġ li tkun neċessarja u proporzjonata, u tapplika b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi ddikjarata skont l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2017/1938 jew ta’ allert tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/1369. Minkejja l-applikazzjoni ta’ miżuri għat-tnaqqis tal-konsum mhux essenzjali, il-klijenti protetti jenħtieġ li jkomplu jibbenefikaw mill-protezzjoni kontra l-iskonnessjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw ukoll li tali miżuri ma jillimitawx il-protezzjoni meħtieġa għall-klijenti vulnerabbli li l-konsum attwali tagħhom jenħtieġ li jitqies bħala essenzjali, mingħajr preġudizzju għall-interruzzjoni tal-provvisti minħabba raġunijiet tekniċi.

(73)

L-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu dwar jekk u kif jiddistingwu bejn il-konsum essenzjali u l-konsum mhux essenzjali tal-klijenti protetti. Stat Membru li jitlob miżuri ta’ solidarjetà li jiddeċiedi li ma jagħmilx din id-distinzjoni, m’għandux ikun meħtieġ juri li l-konsum mhux essenzjali jista’ jitnaqqas qabel it-talba għas-solidarjetà. Stat Membru li jipprovdi solidarjetà m’għandux ikun meħtieġ jagħmel distinzjoni bejn klijenti essenzjali u mhux essenzjali biex jiddetermina l-volum ta’ gass disponibbli għal miżuri ta’ solidarjetà.

(74)

Fil-każ ta’ emerġenza, l-Istati Membri, kif ukoll l-Unjoni, jenħtieġ li jiżguraw li l-flussi tal-gass jibqgħu għaddejjin fis-suq intern. Dan ifisser li l-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali jenħtieġ li ma jwasslux għal kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-provvista fi Stat Membru ieħor filwaqt li l-aċċess għall-infrastruttura transfruntiera jenħtieġ li jibqa’ sikur u teknikament possibbli fi kwalunkwe ħin. Il-qafas leġiżlattiv attwali ma jipprevedix proċess li jista’ jsolvi b’mod effettiv il-kunflitti bejn żewġ Stati Membri dwar miżuri li jaffettwaw b’mod negattiv il-flussi transfruntieri. Peress li l-grilji tal-gass u tal-elettriku tal-Unjoni huma interkonnessi, dan mhux biss jista’ jwassal għal problemi serji ta’ sigurtà tal-provvista, iżda wkoll idgħajjef l-unità tal-Unjoni vis-à-vis il-pajjiżi terzi. Għalhekk jenħtieġ li, b’deroga mill-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE) 2017/1938, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tevalwa l-miżuri nazzjonali meħuda u tarbitra, fejn ikun neċessarju, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob li jiġu mmodifikati tali miżuri nazzjonalijekk tosserva theddid għas-sigurtà tal-provvista tal-gass ta’ Stati Membri oħra jew tal-Unjoni. Minħabba n-natura eċċezzjonali tal-kriżi attwali tal-enerġija, il-konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni jenħtieġ li ssir mingħajr dewmien li potenzjalment jista’ jfixkel il-provvista tal-gass tal-Unjoni. Għalhekk, għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-proċeduri ta’ rikonċiljazzjoni jiġu sospiżi sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern.

(75)

Il-prinċipju tas-solidarjetà fl-enerġija huwa prinċipju ġenerali skont id-dritt tal-Unjoni (13) u japplika għall-Istati Membri kollha, u mhux biss għall-Istati Membri ġirien. Barra minn hekk, l-użu effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti, inkluż il-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transfruntiera u l-faċilitajiet tal-LNG, huwa importanti għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass fi spirtu ta’ solidarjetà. Fi żminijiet ta’ interruzzjonijiet fil-provvista tal-gass fil-livell tal-Unjoni, reġjonali jew nazzjonali, u bidla sinifikanti mill-gass mill-pipeline għal-LNG, jenħtieġ li l-Istati Membri f’sitwazzjoni ta’ kriżi serja mhux biss ikunu jistgħu jibbenefikaw minn possibbiltajiet ta’ provvista minn pipelines ġirien, iżda wkoll minn provvisti minn pajjiżi li jkollhom faċilità tal-LNG. Xi Stati Membri għandhom ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu solidarjetà lil Stati Membri oħra, anke jekk ma jkunux konnessi direttament permezz ta’ pipeline tal-gass jew permezz ta’ pajjiż terz jew Stati Membri oħra, dment li l-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà’ jkun eżawrixxa l-miżuri kollha bbażati fuq is-suq fil-pjan ta’ emerġenza tiegħu, inkluż ix-xiri tal-LNG fis-suq dinji. Għalhekk huwa xieraq li jiġi estiż l-obbligu li tiġi pprovduta solidarjetà lill-Istati Membri mhux konnessi mal-faċilitajiet tal-LNG, b’kont meħud tad-differenzi bejn is-swieq u l-infrastruttura tal-pipelines tal-gass u tal-LNG, inkluż bastimenti u trasportaturi tal-LNG, fl-impożizzjoni ta’ obbligi fuq l-operaturi, u b’kont meħud tan-nuqqas ta’ setgħat ta’ infurzar fir-rigward tal-assi tal-LNG bħalma huma t-trasportaturi tal-LNG u inkluż possibbiltajiet li jsir skambju bejn il-gass naturali u l-LNG jekk ma jkunx hemm faċilità ta’ likwefazzjoni ta’ gass fuq it-territorju ta’ Stat Membru li jkun qed jipprovdi solidarjetà.

(76)

Jenħtieġ li Stat Membru b’faċilitajiet tal-LNG, meta jipprovdi solidarjetà lil Stat Membru ieħor, ma jinżammx responsabbli għal konġestjonijiet jew kwistjonijiet potenzjali oħra li jistgħu jseħħu barra mit-territorju tiegħu jew li jirriżultaw minn nuqqas ta’ setgħat ta’ infurzar fuq bastimenti u trasportaturi tal-LNG li huma l-proprjetà ta’ operatur ta’ pajjiż terz, meta tali konġestjonijiet jew kwistjonijiet oħra jkollhom impatt fuq il-fluss proprju tal-gass u fl-aħħar mill-aħħar jipprevjenu lill-volum tal-gass meħtieġ milli jasal fl-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà. Meta l-Istat Membru li jipprovdi solidarjetà ma jkollux setgħat ta’ infurzar, jenħtieġ li ma jinżammx responsabbli talli ma jibdilx merkanzija ta’ LNG ma’ gass naturali.

(77)

Bl-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà fl-enerġija, ir-Regolament (UE) 2017/1938 introduċa mekkaniżmu ta’ solidarjetà maħsub biex isaħħaħ il-kooperazzjoni u l-fiduċja bejn l-Istati Membri f’każ ta’ kriżi serja. Biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà, l-Istati Membri huma meħtieġa li jaqblu fuq għadd ta’ kwistjonijiet tekniċi, ġuridiċi u finanzjarji fl-arranġamenti bilaterali tagħhom, skont l-Artikolu 13(10) tar-Regolament (UE) 2017/1938.

(78)

Minkejja obbligu legali li jiġu konklużi arranġamenti bilaterali ta’ solidarjetà sal-1 ta’ Diċembru 2018, huma biss ftit minn dawn l-arranġamenti li ġew iffinalizzati, u dan poġġa f’riskju l-implimentazzjoni tal-obbligu legali li jiġi pprovdut appoġġ ta’ solidarjetà f’emerġenza. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar is-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu kienet tinkludi l-ewwel mudell ta’ ftehim ta’ solidarjetà. Madankollu, peress li dan il-mudell ġie żviluppat qabel l-invażjoni tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa, fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali ta’ skarsezza estrema tal-gass u prezzijiet esplożivi u l-ħtieġa urġenti li diġà jkun hemm regoli prestabbiliti temporanji fis-seħħ għax-xitwa li ġejja, jixraq li jinħoloq qafas temporanju ta’ regoli prestabbiliti għall-forniment tal-miżuri ta’ solidarjetà b’deroga mill-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/1938 li huma effettivi u implimentabbli malajr, ma jiddependux minn negozjati bilaterali twal u huma adattati għas-sitwazzjoni attwali ta’ prezzijiet eċċessivi u volatili ħafna tal-gass. B’mod paerikolari jenħtieġ li jiġu introdotti regoli prestabbiliti aktar ċari għall-kumpens tal-kostijiet tal-gass ipprovduti u, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, għal-limitazzjoni ta’ kostijiet addizzjonali potenzjali li l-Istat Membru li jipprovdi solidarjetà jista’ jimponi. Ir-regoli dwar il-miżuri ta’ solidarjetà skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/1938 jenħtieġ li jibqgħu applikabbli sakemm ma jkunx previst mod ieħor b’mod espliċitu.

(79)

Fil-prinċipju, jenħtieġ li s-solidarjetà tiġi pprovduta abbażi ta’ kumpens ġust imħallas direttament mill-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà jew mill-entitajiet delegati tiegħu. Il-kumpens jenħtieġ li jkopri l-prezz tal-gass, kwalunkwe kost reali jew potenzjali tal-ħżin, it-trasport transfruntier u l-kostijiet assoċjati. Il-kumpens jenħtieġ li jkun ġust, kemm għall-Istati Membri li jitolbu s-solidarjetà kif ukoll għall-Istati Membri li jipprovdu solidarjetà.

(80)

Il-kriżi attwali qed twassal għal livelli tal-prezzijiet u żidiet qawwija regolari tal-prezzijiet li huma ferm lil hinn mis-sitwazzjoni ta’ kriżi possibbli tal-provvista fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1938. Għalhekk, il-volatilità fl-istess jum tal-prezzijiet li bħalissa tikkaratterizza s-suq tal-gass bħala riżultat tal-kriżi tal-gass eżistenti jenħtieġ li tiġi kkunsidrata meta jiġi ddeterminat l-ammont ta’ kumpens għall-Istati Membri li jipprovdu solidarjetà. Abbażi tas-solidarjetà, u sabiex jiġi evitat l-ipprezzar f’ċirkostanzi estremi tas-suq, ikun problematiku li jittieħed il-prezz tas-suq li jvarja fl-istess jum bħala l-bażi għall-prezz prestabbilit tal-miżura ta’ solidarjetà. Jenħtieġ li l-prezz tal-gass jirrifletti l-medja tal-prezz tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem tal-jum ta’ qabel it-talba ta’ solidarjetà fl-Istat Membru li jipprovdi s-solidarjetà. B’kont meħud ta’ dan, il-kumpens għadu bbażat fuq il-“prezz tas-suq”, kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/177 (14). Il-prezz medju tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem huwa aktar indipendenti mill-volatilità u l-prezzijiet spot għoljin ħafna matul sitwazzjonijiet ta’ kriżi, u b’hekk, jillimita kwalunkwe inċentiv pervers.

(81)

Kif enfasizzat fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2018/177 , il-kost tad-danni għall-industrija ristretta jista’ biss jiġi kopert minn kumpens jekk ma jkunx rifless fil-prezz tal-gass li l-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà jkollu iħallas u l-Istat Membru li jkun talab solidarjetà jenħtieġ li ma jħallasx kumpens għall-istess kostijiet darbtejn. B’kont meħud taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali fejn il-prezzijiet tal-gass laħqu livelli mingħajr preċedent, Stat Membru li jirċievi solidarjetà jenħtieġ li ma jkunx awtomatikament obbligat li jkopri kostijiet oħra b’mod sħiħ, bħad-danni jew il-kostijiet tal-proċedimenti ġudizzjarji, li jseħħu fl-Istat Membru li jipprovdi solidarjetà, sakemm ma jkunx hemm qbil dwar soluzzjoni oħra fi ftehim ta’ solidarjetà. L-esperjenza wriet li l-obbligu li l-Istat Membru riċeventi jġorr ir-riskju finanzjarju sħiħ għall-kostijiet ta’ kumpens kollha diretti jew indiretti li jistgħu possibbilment jirriżultaw mill-forniment tal-miżuri ta’ solidarjetà huwa xkiel ewlieni għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ solidarjetà. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-responsabbiltà illimitata tittaffa fir-regoli prestabbiliti għall-ftehimiet ta’ solidarjetà, biex il-ftehimiet pendenti jkunu jistgħu jiġu konklużi malajr kemm jista’ jkun, peress li dawk il-ftehimiet huma pedament tar-Regolament (UE) 2017/1938, u jirriflettu l-prinċipju tal-Unjoni tas-solidarjetà fl-enerġija. Sa fejn il-kumpens għall-kostijiet indiretti ma jaqbiżx il-100 % tal-prezz tal-gass, huwa ġġustifikat u mhuwiex kopert mill-prezz tal-gass, jenħtieġ li dawk il-kostijiet jiġu koperti mill-Istat Membru riċeventi.

Madankollu, jekk il-kost mitlub jaqbeż il-100 % tal-prezz tal-gass, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi, wara li tikkonsulta mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti, kumpens ġust għall-kostijiet u għalhekk ikollha l-possibbiltà li tivverifika jekk il-limitazzjoni tal-kumpens għall-kost hijiex xierqa. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tippermetti kumpens differenti minn dak stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/1938 f’każijiet individwali, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, inkluż miżuri għall-iffrankar tal-gass u t-tnaqqis tad-domanda għall-gass, u l-prinċipju tas-solidarjetà fl-enerġija. Fil-valutazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kif xieraq li jiġu evitati kostijiet indiretti eċċessivi bħala konsegwenza tat-tnaqqis jew tal-iskonnessjoni tal-klijenti tal-gass.

(82)

Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament relatati mal-ħlas ta’ kumpens għall-miżuri ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri huma mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ta’ kumpens għad-danni skont il-liġi kostituzzjonali nazzjonali.

(83)

Il-konklużjoni ta’ arranġamenti ta’ solidarjetà ma’ Stati Membri ġirien, kif meħtieġ skont l-Artikolu 13(10) tar-Regolament (UE) 2017/1938, hija l-aktar strument xieraq biex jiġi implimentat l-obbligu li jiġu pprovduti miżuri ta’ solidarjetà skont l-Artikolu 13(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jitbiegħdu mir-regoli dwar il-kumpens prestabbiliti stipulati f’dan ir-Regolament jekk huma jaqblu dwar regoli oħra fi ftehim ta’ solidarjetà. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jaqblu bilateralment dwar kumpens addizzjonali, li jkopri kostijiet oħra, bħall-kostijiet kollha mġarrba minn obbligu li jitħallas kumpens fl-Istat Membru li jipprovdi solidarjetà, inkluż id-danni lill-industrija ristretta. Fi ftehimiet bilaterali ta’ solidarjetà, tali kostijiet jistgħu jiġu inklużi fil-kumpens jekk il-qafas ġuridiku nazzjonali jipprevedi l-obbligu li jitħallsu d-danni lill-industrija ristretta, inkluż il-kumpens għad-dannu ekonomiku, minbarra l-prezz tal-gass.

(84)

Bħala miżura li tintuża bħala l-aħħar alternattiva, jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà prestabbilit jibda jopera biss minn Stat Membru li jitlob is-solidarjetà meta s-suq jonqos milli joffri l-volumi ta’ gass neċessarji, inkluż l-LNG u dawk offruti volontarjament minn klijenti mhux protetti, biex jissodisfa d-domanda mill-klijenti protetti mis-solidarjetà. Skont ir-Regolament (UE) 2017/1938, l-Istati Membri huma meħtieġa li jkunu eżawrew il-miżuri kollha fil-pjanijiet ta’ emerġenza tagħhom inkluż it-tnaqqis furzat sal-livell ta’ klijenti protetti mis-solidarjetà.

(85)

In-natura urġenti u l-konsegwenzi ta’ attivazzjoni potenzjali tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà jenħtieġ li jinvolvu l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri involuti, il-Kummissjoni u l-maniġers ta’ kriżi kompetenti kif maħtura mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 10(1), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2017/1938. Għalhekk, jenħtieġ li t-talba tiġi kkomunikata lill-partijiet kollha fi żmien debitu u jkun fiha sett minimu ta’ elementi li jippermettu lill-Istati Membri li jipprovdu solidarjetà jirrispondu mingħajr dewmien. Ir-rispons tal-Istati Membri li jipprovdu solidarjetà jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar il-volum ta’ gass li jista’ jiġi kkonsenjat lill-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà, inkluż ukoll dawk il-volumi li jistgħu jinħelsu meta jiġu applikati miżuri mhux ibbażati fuq is-suq. L-Istati Membri jistgħu jaqblu dwar arranġamenti tekniċi u ta’ koordinazzjoni addizzjonali biex jiffaċilitaw ir-rispons f’waqtu għal talba ta’ solidarjetà. Meta jipprovdu solidarjetà, l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jenħtieġ li jiżguraw is-sikurezza u l-affidabbiltà operazzjonali tan-network.

(86)

L-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà jenħtieġ li jkun jista’ jirċievi solidarjetà minn diversi Stati Membri. Il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà prestabbilit jenħtieġ li jibda jopera biss jekk l-Istat Membru li jipprovdi solidarjetà ma jkun ikkonkluda l-ebda arranġament bilaterali mal-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà. Fil-każ ta’arranġament bilaterali bejn l-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà u l-Istat Membru li jipprovdi solidarjetà, jenħtieġ li dak l-arranġament jipprevali u japplika bejniethom.

(87)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà prestabbilit u, jekk jitqies neċessarju, jenħtieġ li tkun tista’ tiffaċilita t-tqabbil tat-talbiet għal domanda ta’ solidarjetà. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprevedi pjattaforma interattiva, li jenħtieġ li sservi bħala mudell u tippermetti s-sottomissjoni kontinwa u f’ħin reali tat-talbiet għas-solidarjetà u l-akkoppjament tagħhom mal-volumi rispettivi disponibbli.

(88)

L-Istati Membri u l-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija jistgħu wkoll jikkonkludu arranġamenti volontarji għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ solidarjetà.

(89)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(90)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I -

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli u temporanji dwar:

(a)

l-istabbiliment rapidu ta’ servizz li jippermetti l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt tal-gass minn impriżi stabbiliti fl-Unjoni;

(b)

pjattaformi sekondarji ta’ prenotazzjoni tal-kapaċità u ta’ trasparenza għall-faċilitajiet tal-LNG u għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass; u

(c)

il-ġestjoni tal-konġestjoni fin-networks tat-trażmissjoni tal-gass.

2.   Dan ir-Regolament jintroduċi wkoll mekkaniżmi temporanji għall-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-ekonomija kontra prezzijiet eċċessivament għoljin, permezz ta’ mekkaniżmu temporanju ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum għall-movimenti eċċessivi tal-prezzijiet u parametru referenzjarju ad hoc tal-LNG, li jiġi żviluppat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) .

3.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri temporanji, għal każ ta’ emerġenza tal-gass, biex il-gass jitqassam b’mod ġust bejn il-fruntieri, biex jiġu ssalvagwardjati provvisti tal-gass għall-aktar klijenti kritiċi u biex jiġi żgurat il-forniment ta’ miżuri ta’ solidarjetà transfruntiera.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

"impriża tal-gass naturali" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li twettaq tal-inqas waħda minn dawn il-funzjonijiet: produzzjoni, trażmissjoni, distribuzzjoni, provvista, xiri jew ħżin tal-gass naturali, inkluż il-gass naturali likwifikat (LNG), li hija responsabbli għall-kompiti kummerċjali, tekniċi jew tal-manutenzjoni relatati ma’ dawk il-funzjonijiet, iżda ma għandhiex tinkludi l-klijenti finali;

(2)

“faċilità tal-LNG” tfisser terminal li jintuża għal-likwefazzjoni tal-gass naturali jew l-importazzjoni, il-ħatt u l-gassifikazzjoni mill-ġdid tal-LNG, u li jinkludi servizzi anċillari u ħażna temporanja neċessarja għall-proċess tal-gassifikazzjoni mill-ġdid u l-konsenja sussegwenti sas-sistema ta’ trażmissjoni, iżda ma jinkludi ebda parti mit-terminals tal-LNG użati għall-ħżin;

(3)

“faċilità tal-ħżin tal-gass” tfisser faċilità użata għall-ħażna tal-gass naturali u proprjetà ta’ impriża tal-gass naturali jew operata minnha, inkluż il-parti tal-faċilitajiet tal-LNG użati għall-ħżin iżda eskluż il-porzjon użat għall-operazzjonijiet tal-produzzjoni, u esklużi l-faċilitajiet riżervati esklużivament għall-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom;

(4)

“fornitur tas-servizzi” tfisser impriża stabbilita fl-Unjoni u kkuntrattata mill-Kummissjoni permezz ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 biex torganizza x-xiri konġunt u twettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament;

(5)

“għodda tal-IT” tfisser għodda tal-IT li permezz tagħha l-fornitur tas-servizzi jaggrega d-domanda tal-impriżi tal-gass naturali u tal-impriżi li jikkonsmaw il-gass u jfittex offerti minn fornituri jew produtturi tal-gass naturali biex tlaħħaq ma’ dik id-domanda aggregata;

(6)

“negozjar tal-LNG” tfisser talbiet, offerti jew tranżazzjonijiet għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ LNG:

(a)

li jispeċifikaw il-konsenja fl-Unjoni;

(b)

li jirriżultaw f’konsenja fl-Unjoni; jew

(c)

fejn kontroparti waħda tiggassifika mill-ġdid l-LNG f’terminal fl-Unjoni;

(7)

data tas-suq tal-LNG” tfisser rekords ta’ talbiet, offerti jew tranżazzjonijiet għan-negozjar tal-LNG b’informazzjoni korrispondenti kif speċifikat fl-Artikolu 21(1).

(8)

“parteċipant fis-suq tal-LNG” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament mill-post ta’ inkorporazzjoni jew mid-domiċilju tal-persuna, li tipparteċipa fin-negozjar tal-LNG;

(9)

“valutazzjoni tal-prezz tal-LNG” tfisser id-determinazzjoni ta’ prezz ta’ referenza ta’ kuljum għan-negozjar tal-LNG f’konformità ma’ metodoloġija li trid tiġi stabbilita mill-ACER;

(10)

“parametru referenzjarju tal-LNG” tfisser id-determinazzjoni ta’ firxa bejn il-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG ta’ kuljum u l-prezz tas-saldu għall-kuntratt bl-eqreb skadenza TTF Gas Futures stabbilit fuq bażi ta’ kuljum mill-ICE Endex Markets B.V.;

(11)

“ċentru tan-negozjar” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

“suq regolat” kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (21), tad-Direttiva 2014/65/UE;

(b)

“faċilità multilaterali ta’ negozjar” kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (22), tad-Direttiva 2014/65/UE;

(c)

“faċilità organizzata tan-negozjar” kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (23), tad-Direttiva 2014/65/UE;

(12)

“derivattiv ta’ komoditajiet relatat mal-enerġija” tfisser derivattiv ta’ komoditajiet, kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (30), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), innegozjat f’ċentru tan-negozjar u li l-bażi tiegħu huwa l-elettriku jew il-gass, u li l-maturità tiegħu ma taqbiżx it-12-il xahar;

(13)

“awtorità kompetenti” ħlief jekk ikun speċifikat mod ieħor, tfisser awtorità kompetenti kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (26), tad-Direttiva 2014/65/UE;

(14)

“volum kritiku tal-gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku” tfisser il-konsum massimu ta’ gass meħtieġ fis-settur tal-enerġija biex tiġi żgurata l-adegwatezza fl-agħar xenarju possibbli simulat fil-valutazzjoni tal-adegwatezza tax-xitwa skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/941 (17) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(15)

“klijent protett” tfisser klijent protett kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 5, tar-Regolament (UE) 2017/1938;

(16)

“klijent protett mis-solidarjetà” tfisser klijent protett mis-solidarjetà kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (6), tar-Regolament (UE) 2017/1938.

KAPITOLU II

KOORDINAZZJONI AĦJAR TAX-XIRI TAL-GASS

TAQSIMA 1

Koordinazzjoni tax-xiri tal-gass fl-Unjoni

Artikolu 3

Trasparenza u skambju ta’ informazzjoni

1.   Għall-għan waħdani ta’ koordinazzjoni aħjar, l-impriżi tal-gass naturali jew l-impriżi li jikkonsmaw il-gass stabbiliti fl-Unjoni jew l-awtoritajiet ta’ Stati Membri, li jkun beħsiebhom iniedu offerta għax-xiri tal-gass jew jiftħu n-negozjati ma’ produtturi jew fornituri ta’ gass naturali minn pajjiżi terzi dwar ix-xiri tal-gass, ta’ volum ta’ aktar minn 5 TWh/sena, għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u fejn applikabbli lill-Istat Membru li fih huma stabbiliti dawk l-impriżi bil-konklużjoni ta’ kuntratt dwar il-forniment tal-gass jew memorandum ta’ qbil jew bit-tnedija ta’ offerta għax-xiri tal-gass,

In-notifika skont l-ewwel subparagrafu għandha tingħata mill-inqas sitt ġimgħat qabel il-konklużjoni jew it-tnedija maħsuba, jew fi żmien perjodu iqsar dment li n-negozjati jinfetħu f’data eqreb id-data tal-iffirmar tal-kuntratt, iżda mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel il-konklużjoni jew t-tnedija maħsuba. Notifika bħal din għandha tkun limitata għall-informazzjoni bażika li ġejja:

(a)

l-identità tas-sieħeb jew tas-sħab fil-kuntratt jew l-iskop tal-offerta għax-xiri tal-gass;

(b)

il-volumi rilevanti;

(c)

id-dati rilevanti; u,

(d)

il-fornitur tas-servizzi li jorganizza tali xiri jew offerti f’isem Stat Membru, fejn applikabbli.

2.   Jekk il-Kummissjoni tqis li aktar koordinazzjoni fir-rigward tat-tnedija ta’ offerta għax-xiri tal-gass jew ix-xiri ppjanat tal-gass ta’ impriżi tal-gass naturali jew impriżi li jikkunsmaw il-gass stabbiliti fl-Unjoni jew ta’ awtoritajiet tal-Istati Membri tista’ ttejjeb il-funzjonament tax-xiri konġunt jew li t-tnedija ta’ offerta għax-xiri tal-gass jew ix-xiri ppjanat tal-gass jista’ jkollha effett negattiv fuq is-suq intern, fuq is-sigurtà tal-provvista jew fuq is-solidarjetà tal-enerġija, il-Kummissjoni tista’ toħroġ rakkomandazzjoni lill-impriżi tal-gass naturali jew l-impriżi li jikkunsmaw il-gass stabbiliti fl-Unjoni jew l-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jikkunsidraw miżuri xierqa. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha fejn applikabbli tinforma lill-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-impriża.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord ta’ Tmexxija ad hoc imsemmi fl-Artikolu 4 qabel ma toħroġ kwalunkwe rakkomandazzjoni stabbilita fil-paragrafu 2.

4.   Meta jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 1, l-entitajiet li jipprovdu l-informazzjoni jistgħu jindikaw jekk xi parti mill-informazzjoni, kemm jekk tkun ta’ natura kummerċjali kif ukoll informazzjoni oħra li l-iżvelar tagħha jista’ jkun ta’ ħsara għall-attivitajiet tal-partijiet involuti, għandhiex titqies bħala kunfidenzjali u jekk l-informazzjoni pprovduta tistax tkun kondiviża ma’ Stati Membri oħra.

5.   It-talbiet għall-kunfidenzjalità skont dan l-Artikolu ma għandhomx jillimitaw l-aċċess tal-Kummissjoni nnifisha għal informazzjoni kunfidenzjali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali jkun strettament limitat għas-servizzi tal-Kummissjoni li jkun assolutament neċessarju li jkollhom l-informazzjoni disponibbli. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jittrattaw tali informazzjoni bil-kunfidenzjalità dovuta.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 346 TFUE, l-informazzjoni li hija kunfidenzjali għandha tiġi skambjata mal-Kummissjoni u ma’ awtoritajiet rilevanti oħra biss meta tali skambju jkun neċessarju għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-informazzjoni skambjata għandha tkun limitata għal dak li huwa rilevanti u proporzjonat għall-fini ta’ dan l-iskambju. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jippreserva l-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni u jipproteġi s-sigurtà u l-interessi kummerċjali tal-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u japplika strumenti effettivi biex jipproteġi d-data fiżikament. Is-servers u l-informazzjoni kollha għandhom jinsabu u jinħażnu fiżikament fit-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 4

Bord ta’ Tmexxija ad hoc

1.   Għandu jiġi stabbilit Bord ta’ Tmexxija ad hoc biex jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija ad hoc għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni fi żmien sitt ġimgħat wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u wieħed mill-Kummissjoni. Ir-rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija jistgħu jipparteċipaw fil-Bord ta’ Tmexxija ad hoc fuq stedina mill-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet kollha ta’ tħassib reċiproku. Il-Kummissjoni għandha tippresiedi l-Bord ta’ Tmexxija ad hoc.

3.   Il-Bord ta’ Tmexxija ad hoc għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu b’maġġoranza kwalifikata fi żmien xahar mill-istabbiliment tiegħu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Bord ta’ Tmexxija ad hoc dwar l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni provdut mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(2), b’mod partikolari dwar jekk ix-xiri tal-gass jew offerta għax-xiri tal-gass rilevanti jsaħħux is-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni u jekk humiex kompatibbli mal-prinċipju tas-solidarjetà fl-enerġija.

5.   Il-Kummissjoni għandha wkoll tgħarraf lill-Bord ta’ Tmexxija ad hoc dwar l-impatt tal-parteċipazzjoni tal-impriżi fix-xiri konġunt organizzat mill-fornitur tas-servizzi fuq is-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni u, fejn applikabbli, is-solidarjetà fl-enerġija.

6.   Meta informazzjoni kunfidenzjali tintbagħtilhom f’konformità mal-Artikolu 3(6), il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija ad hoc għandhom jittrattaw tali informazzjoni bil-kunfidenzjalità dovuta. L-informazzjoni skambjata għandha tkun limitata għal informazzjoni li hija rilevanti u proporzjonat għall-fini ta’ tali skambju.

TAQSIMA 2

Aggregazzjoni tad-domanda u xiri konġunt

Artikolu 5

Kuntratt ta’ servizz temporanju ma’ fornitur tas-servizzi

1.   B’deroga mill-Artikolu 176 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-Kummissjoni għandha tikkuntratta s-servizzi neċessarji ta’ entità stabbilita fl-Unjoni permezz ta’ proċedura ta’ akkwist skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, filwaqt li taġixxi bħala fornitur tas-servizzi biex twettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-kuntratt ta’ servizz mal-fornitur tas-servizzi magħżul għandu jiddetermina s-sjieda tal-informazzjoni miksuba mill-fornitur tas-servizzi, u għandu jipprevedi t-trasferiment possibbli ta’ dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni hekk kif jintemm jew jiskadi l-kuntratt ta’ servizz.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi fil-kuntratt ta’ servizz l-aspetti prattiċi tat-tħaddim tal-fornitur tas-servizzi inkluż l-użu tal-għodda tal-IT, il-miżuri ta’ sigurtà, il-munita jew il-muniti, ir-reġim għall-pagamenti, u l-obbligazzjonijiet.

4.   Il-kuntratt ta’ servizz mal-fornitur tas-servizzi għandu jirriserva d-dritt għall-Kummissjoni li timmonitorjah u tawditjah. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess sħiħ għall-informazzjoni miżmuma mill-fornitur tas-servizzi.

5.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-fornitur tas-servizzi biex jipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 7 u biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika li l-impriżi tal-gass naturali u l-impriżi li jikkonsmaw il-gass jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 10.

Artikolu 6

Kriterji għall-għażla tal-fornitur tas-servizzi

1.   Il-fornitur tas-servizzi għandu jintgħażel mill-Kummissjoni abbażi tal-kriterji tal-eliġibbiltà li ġejjin:

(a)

il-fornitur tas-servizzi għandu jiġi stabbilit u jkollu s-sede operattiva tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru.

(b)

il-fornitur tas-servizz għandu jkollu esperjenza fi tranżazzjonijiet transkonfinali.

(c)

il-fornitur tas-servizzi ma għandux ikun:

(i)

fil-mira tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu 215 TFUE, b’mod partikolari l-miżuri restrittivi adottati fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li ddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, jew fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna;

(ii)

direttament jew indirettament proprjetà ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-mira ta’ tali miżuri restrittivi tal-Unjoni, jew ikkontrollat minnhom jew li jaġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom; jew

(iii)

direttament jew indirettament proprjetà tal-Federazzjoni Russa jew tal-Gvern tagħha jew ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika Russa jew entità jew korp stabbilit fir-Russja, jew ikkontrollat minnhom jew li jaġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

2.   Mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra ta’ diliġenza dovuta, għandhom jiġu stabbiliti obbligi kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u l-fornitur tas-servizzi biex jiġi żgurat li l-fornitur tas-servizzi meta jwettaq il-kompiti tiegħu f’konformità mal-Artikolu 7 ma jagħmel l-ebda fond jew riżorsa ekonomika disponibbli, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi:

(a)

fil-mira ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu 215 TFUE, b’mod partikolari l-miżuri restrittivi adottati fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li ddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, jew fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna;

(b)

direttament jew indirettament proprjetà ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-mira ta’ tali miżuri restrittivi tal-Unjoni, jew ikkontrollat minnhom jew li jaġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom; jew

(c)

direttament jew indirettament proprjetà tal-Federazzjoni Russa jew tal-Gvern tagħha jew ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika Russa jew entità jew korp stabbilit fir-Russja, jew ikkontrollat minnhom jew li jaġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

3.   Il-fornitur tas-servizzi ma għandux ikun parti minn impriża integrata vertikalment attiva fil-produzzjoni jew il-provvista tal-gass naturali kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-punt (20), tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), ħlief għal entità diżaggregata skont il-Kapitolu IV ta’ dik id-Direttiva.

4.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kriterji tal-għażla u tal-għoti tagħha filwaqt li tqis, fost l-oħrajn, il-kriterji li ġejjin li għandhom jiġu speċifikati fis-sejħa għall-offerti:

(a)

livell ta’ esperjenza fl-istabbiliment u fit-tmexxija tal-proċessi tal-offerti jew tal-irkantar għall-gass naturali jew is-servizzi assoċjati, bħas-servizzi tat-trasport, bl-appoġġ tal-għodda dedikati tal-IT;

(b)

livell ta’ esperjenza fit-tfassil tal-proċessi tal-offerti jew tal-irkantar għal ħtiġijiet differenti bħall-fokus ġeografiku jew it-twaqqit;

(c)

livell ta’ esperjenza fl-iżvilupp ta’ għodod tal-IT biex jaggregaw id-domanda minn parteċipanti multipli u biex iqabbluha mal-provvista;

(d)

kwalità tas-sigurtà tas-sistema tal-informazzjoni, b’mod partikolari f’termini ta’ protezzjoni tad-data u ta’ sigurtà tal-internet; u

(e)

kapaċità ta’ identifikazzjoni u akkreditazzjoni tal-parteċipanti, kemm fir-rigward ta’ entità legali kif ukoll ta’ kapaċità finanzjarja.

Artikolu 7

Kompiti tal-fornitur tas-servizzi

1.   Il-fornitur tas-servizzi għandu jorganizza l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt u, b’mod partikolari:

(a)

jaggrega d-domanda tal-impriżi tal-gass naturali u tal-impriżi li jikkonsmaw il-gass bl-appoġġ tal-għodda tal-IT;

(b)

ifittex offerti minn fornituri jew produtturi tal-gass naturali biex iqabblu d-domanda aggregata bl-appoġġ tal-għodda tal-IT;

(c)

jalloka d-drittijiet ta’ aċċess għall-provvista, b’kont meħud ta’ distribuzzjoni proporzjonata bejn parteċipanti iżgħar u dawk akbar ta’ volumi ta’ gass offruti fost l-impriżi tal-gass naturali u impriżi li jikkunsmaw il-gass li jipparteċipaw fl-aggregazzjoni tad-domanda. Meta d-domanda aggregata teċċedi l-offerti ta’ provvista riċevuti, l-allokazzjoni tad-drittijiet ta’ aċċess għandha tkun proporzjonata għad-domanda ddikjarata mill-impriżi parteċipanti matul l-istadju tal-aggregazzjoni tad-domanda għal ħin u post partikolari tal-konsenja;

(d)

jivverifika, jakkredita u jirreġistra lill-utenti tal-għodda tal-IT; u

(e)

jipprovdi kwalunkwe servizz anċillari lill-utenti tal-għodda tal-IT, inkluż servizzi biex jiffaċilita l-konklużjoni ta’ kuntratti, jew lill-Kummissjoni neċessarju għall-prestazzjoni korretta tal-operazzjonijiet kif previst fil-kuntratt ta’ servizz imsemmi fl-Artikolu 5.

2.   Il-kondizzjonijiet marbutin mal-kompiti tal-fornitur tas-servizzi, partikolarment fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-utenti, il-pubblikazzjoni u r-rappurtar, għandhom jiġu ddeterminati fil-kuntratt ta’ servizz imsemmi fl-Artikolu 5.

Artikolu 8

Parteċipazzjoni fl-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt

1.   Il-parteċipazzjoni fl-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt għandha tkun miftuħa u trasparenti għall-impriżi kollha tal-gass naturali u l-impriżi kollha li jikkonsmaw il-gass stabbiliti fl-Unjoni irrispettivament mill-volum mitlub. L-impriżi tal-gass naturali u l-impriżi li jikkonsmaw il-gass għandhom ikunu preklużi milli jipparteċipaw bħala fornituri, produtturi u konsumaturi fl-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt, jekk ikunu:

(a)

fil-mira tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu 215 TFUE, b’mod partikolari l-miżuri restrittivi adottati fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li ddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, jew fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna;

(b)

direttament jew indirettament proprjetà ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-mira ta’ tali miżuri restrittivi tal-Unjoni, jew ikkontrollat minnhom jew li jaġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom; jew

(c)

direttament jew indirettament proprjetà tal-Federazzjoni Russa jew tal-Gvern tagħha jew ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika Russa jew entità jew korp stabbilit fir-Russja, jew ikkontrollat minnhom jew li jaġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

2.   Għandhom jiġu stabbiliti obbligi kuntrattwali biex jiġi żgurat li l-ebda fond jew riżorsa ekonomika li tirriżulta mill-parteċipazzjoni fil-proċess ta’ xiri konġunt organizzat mill-fornitur tas-servizzi ma tkun disponibbli, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma:

(a)

fil-mira ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu 215 TFUE, b’mod partikolari l-miżuri restrittivi adottati fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li ddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, jew fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna;

(b)

direttament jew indirettament proprjetà ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-mira ta’ tali miżuri restrittivi tal-Unjoni, jew ikkontrollat minnhom jew li jaġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom; jew

(c)

direttament jew indirettament proprjetà tal-Federazzjoni Russa jew tal-Gvern tagħha jew ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika Russa jew entità jew korp stabbilit fir-Russja, jew ikkontrollat minnhom jew li jaġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

3.   L-Istati Membri, jew partijiet ikkonċernati oħra jistgħu jipprovdu appoġġ ta’ likwidità, inklużi garanziji, lill-parteċipanti fil-proċess ta’ xiri konġunt organizzat mill-fornitur tas-servizzi, u fejn applikabbli, f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan jista’ jinkludi garanziji biex ikopru l-ħtiġijiet kollaterali jew biex ikopru r-riskju ta’ kostijiet addizzjonali wara l-insolvenza ta’ xerrejja oħra taħt l-istess kuntratt ta’ xiri konġunt.

4.   L-impriżi tal-gass naturali u l-impriżi li jikkonsmaw il-gass stabbiliti fil-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija jistgħu jipparteċipaw fl-aggregazzjoni tad-domanda u fix-xiri konġunt dment li jkunu ġew stabbiliti l-miżuri jew l-arranġamenti neċessarji biex jippermettu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-aggregazzjoni tad-domanda u fix-xiri konġunt skont din it-Taqsima.

Artikolu 9

Provvisti ta’ gass naturali esklużi mix-xiri konġunt

Il-provvisti ta’ gass naturali li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa ma għandhomx ikunu soġġetti għal xiri konġunt inkluż provvisti ta’ gass naturali li jidħlu fl-Istati Membri jew fil-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija mill-punti ta’ dħul li ġejjin:

(a)

Greifswald

(b)

Lubmin II

(c)

Imatra

(d)

Narva

(e)

Värska

(f)

Luhamaa

(g)

Sakiai

(h)

Kotlovka

(i)

Kondratki

(j)

Wysokoje

(k)

Tieterowka

(l)

Mozyr

(m)

Kobryn

(n)

Sudzha (RU)/l-Ukrajna

(o)

Belgorod (RU)/l-Ukrajna

(p)

Valuyki (RU)/l-Ukrajna

(q)

Serebryanka (RU)/l-Ukrajna

(r)

Pisarevka (RU)/l-Ukrajna

(s)

Sokhranovka (RU)/l-Ukrajna

(t)

Prokhorovka (RU)/l-Ukrajna

(u)

Platovo (RU)/l-Ukrajna

(v)

Strandzha 2 (BG)/Malkoclar (TR)

Artikolu 10

Użu obbligatorju tal-fornitur tas-servizzi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-impriżi tal-gass naturali u l-impriżi li jikkunsmaw il-gass taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom jipparteċipaw fil-proċess ta’ aggregazzjoni tad-domanda organizzat mill-fornitur tas-servizzi bħala wieħed mill-mezzi possibbli biex jintlaħqu l-miri tal-mili msemmija fl-Artikoli 6a u 20 tar-Regolament (UE) 2017/1938.

2.   L-Istati Membri b’faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għandhom jesiġu li l-impriżi tal-gass naturali u l-impriżi li jikkunsmaw il-gass taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom jipparteċipaw fil-proċess ta’ aggregazzjoni tad-domanda organizzat mill-fornitur tas-servizzi b’volumi ta’ mill-inqas 15 % tal-volum totali neċessarju biex jintlaħqu l-miri tal-mili msemmija fl-Artikoli 6a u 20 tar-Regolament (UE) 2017/1938.

3.   L-Istati Membri mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għandhom jesiġu li l-impriżi tal-gass naturali u l-impriżi li jikkunsmaw il-gass taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom jipparteċipaw fil-proċess ta’ aggregazzjoni tad-domanda organizzat mill-fornitur tas-servizzi b’volumi ta’ mill-inqas 15 % tal-volumi li jikkorrispondu għall-miri ta’ mili transfruntier imsemmija fl-Artikoli 6c u 20 tar-Regolament (UE) 2017/1938.

4.   L-impriżi tal-gass naturali u l-impriżi li jikkunsmaw il-gass li jipparteċipaw fl-aggregazzjoni tad-domanda taħt obbligu obbligatorju jistgħu jiddeċiedu li ma jixtrux il-gass wara l-proċess ta’ aggregazzjoni. Il-gass mixtri jista’ jintuża għal skopijiet oħra minbarra l-mili tal-ħżin.

Artikolu 11

Konsorzju għax-Xiri tal-Gass

L-impriżi tal-gass naturali u l-impriżi li jikkonsmaw il-gass li jipparteċipaw fl-aggregazzjoni tad-domanda organizzata mill-fornitur tas-servizzi jistgħu, fuq bażi trasparenti, jikkoordinaw elementi tal-kondizzjonijiet tal-kuntratt tax-xiri jew jużaw kuntratti ta’ xiri konġunt sabiex jiksbu kundizzjonijiet aħjar mal-fornituri tagħhom, dment li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni, inkluż il-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 101 u 102 TFUE, kif jista’ jiġi speċifikat mill-Kummissjoni f’deċiżjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, kif ukoll mar-rekwiżit ta’ trasparenza skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

TAQSIMA 3

Miżuri biex jissaħħaħ l-użu tal-faċilitajiettal-LNG, tal-faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass u tal-pipelines

Artikolu 12

Pjattaforma sekondarja ta’ prenotazzjoni tal-kapaċità għall-utenti tal-faċilitajiet tal-LNG u għall-utenti tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass

L-utenti tal-faċilitajiet tal-LNG u l-utenti tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass, li jixtiequ jerġgħu jbigħu l-kapaċità kuntrattata tagħhom fis-suq sekondarju, kif definit fl-Artikolu 2, punt (6), tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), għandhom ikunu intitolati li jagħmlu dan. Sas-28 ta’ Frar 2023, L-operaturi tal-faċilitajiet tal-LNG u l-operaturi tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass, individwalment jew reġjonalment, għandhom jistabbilixxu jew jagħmlu użu minn pjattaforma eżistenti ta’ prenotazzjoni trasparenti u nondiskriminatorja għall-utenti tal-faċilitajiet tal-LNG u għall-utenti tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass biex jerġgħu jbigħu l-kapaċità kuntrattata tagħhom fis-suq sekondarju.

Artikolu 13

Pjattaformi ta’ trasparenza għall-faċilitajiet tal-LNG u għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass

1.   Sas-28 ta’ Frar 2023, l-operaturi tal-faċilitajiet tal-LNG u l-operaturi tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass għandhom jippubblikaw l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 dwar Pjattaforma Ewropea għat-Trasparenza tal-LNG u pjattaforma Ewropea għat-Trasparenza tal-Ħażna, rispettivament b’mod trasparenti u faċli għall-utent. L-awtoritajiet regolatorji jistgħu jitolbu lil dawk l-operaturi jippubblikaw kwalunkwe informazzjoni addizzjonali rilevanti għall-utenti tas-sistema.

2.   Il-faċilitajiet tal-LNG li ngħataw eżenzjoni mir-regoli dwar l-aċċess għal partijiet terzi skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE, u l-operaturi tal-faċilita tal-ħżin tal-gass naturali skont ir-reġim ta’ aċċess negozjat għal partijiet terzi msemmi fl-Artikolu 33(3) ta’ dik id-Direttiva, għandhom jippubblikaw it-tariffi finali għall-infrastruttura sas-31 ta’ Jannar 2023.

Artikolu 14

Użu aktar effettiv ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom joffru kapaċità kostanti kuntrattata mhux utilizzata biżżejjed f’punti ta’ interkonnessjoni u punti virtwali ta’ interkonnessjoni bħala prodott ta’ kapaċità fix-xahar u bħala prodotti ta’ kapaċità ta’ kuljum u tal-istess jum għax-xahar f’każ ta’ nuqqas ta’ utilizzazzjoni skont il-paragrafu 2.

2.   Il-kapaċità kostanti kuntrattata għandha titqies mhux utilizzata biżżejjed jekk utent tan-network uża jew offra inqas minn medja ta’ 80 % tal-kapaċità kostanti kuntrattata f’punt ta’ interkonnessjoni jew punt virtwali ta’ interkonnessjoni fix-xahar kalendarju preċedenti. L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jimmonitorja l-kapaċità mhux użata u għandu jinforma lill-utent tan-network dwar l-ammont ta’ kapaċità li għandu jiġi rtirat fil-punt ta’ interkonnessjoni jew punt virtwali ta’ interkonnessjoni rilevanti sa mhux aktar tard minn qabel ma jinnotifika l-ammont ta’ kapaċità li għandu jiġi offrut għall-irkant rikorrenti tal-kapaċità ta’ kull xahar li jmiss f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/459.

3.   L-ammont ta’ kapaċità li għandu jiġi offrut għandu jkun ugwali għad-differenza bejn l-użu medju għax-xahar kalendarju preċedenti u 80 % tal-kapaċità kostanti li ġiet kuntrattata għal durata itwal minn xahar.

4.   Il-kapaċità disponibbli offruta matul rkant f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/459 għandu jkollha prijorità fuq il-kapaċità mhux utilizzata biżżejjed inkluża matul irkant skont il-paragrafu 2 meta tiġi allokata l-kapaċità.

5.   Jekk il-kapaċità mhux utilizzata biżżejjed offruta mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tinbiegħ, din għandha tiġi rtirata mid-detentur oriġinali tal-kapaċità kuntrattata. Id-detentur oriġinali jista’ juża l-kapaċità kostanti rtirata fuq bażi interrompibbli.

6.   L-utent tan-network għandu jżomm id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skont il-kuntratt tal-kapaċità sakemm il-kapaċità tkun riallokata mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u sal-punt li l-kapaċità ma tkunx riallokata mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

7.   Qabel ma joffru kapaċità kostanti mhux utilizzata biżżejjed f’konformità ma’ dan l-Artikolu, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu janalizza l-effetti potenzjali f’kull punt ta’ interkonnessjoni li jopera u għandu jinfurma lill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti. B’deroga mill-paragrafi 1 sa 6 ta’ dan l-Artikolu, u irrispettivament minn jekk dawk il-punti ta’ interkonnessjoni humiex konġestjonati jew le, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jintroduċu wieħed mill-mekkaniżmi li ġejjin fil-punti ta’ interkonnessjoni kollha:

(a)

mekkaniżmu strett ta’ ġurnata bil-quddiem imsejjaħ "jintuża jew jintilef" f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/459 u filwaqt li jitqies il-punt 2.2.3 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 715/2009;

(b)

skema ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura f’konformità mal-punt 2.2.2 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 715/2009 li toffri kapaċità addizzjonali ta’ mill-inqas 5 % fir-rigward tal-kapaċità teknika fil-punt ta’ interkonnessjoni rilevanti; jew

(c)

tal-anqas ikun hemm, inizjalment kapaċità mhux nominata fuq bażi ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess jum, li għandha tiġi allokata bħala kapaċità interrompibbli.

Il-paragrafi 1 sa 6 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw awtomatikament jekk wieħed mill-mekkaniżmi alternattivi skont l-ewwel subparagrafu ma jiġix applikat sas-31 ta’ Marzu 2023.

8.   Qabel ma tieħu d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 7, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikkonsulta mal-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru kontigwu u tqis l-opinjonijiet ta’ dik l-awtorità. Fil-każ li s-sistema ta’ dħul u ħruġ tkun qed tkopri aktar minn Stat Membru wieħed fejn aktar minn operatur wieħed tas-sistema ta’ trażmissjoni jkun attiv, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeċiedu b’mod konġunt dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 7.

KAPITOLU III

MIŻURI BIEX JIPPREVJENU PREZZIJIET EĊĊESSIVI TAL-GASS U VOLATILITÀ EĊĊESSIVA FL-ISTESS JUM FIS-SWIEQ TAD-DERIVATTIVI TAL-ENERĠIJA

TAQSIMA 1

Għodda temporanja tal-istess jum biex tiġi ġestita l-volatilità eċċessiva fis-swieq tad-derivattivi tal-enerġija

Artikolu 15

Mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum

1.   Kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2023, kull ċentru tan-negozjar li fuqu jiġu nnegozjati derivattivi ta’ komoditajiet relatati mal-enerġija għandu jistabbilixxi, għal kull derivattiv ta’ komoditajiet relatat mal-enerġija nnegozjat fuqu, mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum ibbażat fuq limitu massimu u minimu tal-prezz ("limiti tal-prezz") li jiddefinixxi l-prezzijiet li ‘l fuq minnhom u taħthom ma jistgħux jiġu eżegwiti l-ordnijiet ("mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum"). Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jiżguraw li l-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità tal-prezz fl-istess jum jipprevjeni movimenti eċċessivi tal-prezzijiet f’jum ta’ negozjar għad-derivattivi ta’ komoditajiet relatati mal-enerġija. Meta jistabbilixxu l-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum, iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jiżguraw ukoll li l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri ma tipprevjenix il-formazzjoni ta’ prezzijiet tal-għeluq affidabbli fi tmiem il-jum.

2.   Għal kull derivattiv ta’ komoditajiet relatat mal-enerġija nnegozjat fuqhom, iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jistabbilixxu l-metodu ta’ kalkolu applikabbli biex jiddeterminaw il-limiti tal-prezz relattivi għal prezz ta’ referenza. L-ewwel prezz ta’ referenza tal-jum għandu jkun ugwali għall-prezz determinat mal-ftuħ tas-sessjoni ta’ negozjar rilevanti. Il-prezzijiet ta’ referenza sussegwenti għandhom ikunu l-aħħar prezz tas-suq osservat f’intervalli regolari. F’każ ta’ interruzzjoni fin-negozjar matul il-jum ta’ negozjar, l-ewwel prezz ta’ referenza wara l-interruzzjoni għandu jkun il-prezz tal-ftuħ hekk kif jitkompla n-negozjar.

3.   Il-limiti tal-prezz għandhom jiġu espressi f’valur assolut jew f’termini relattivi fil-forma ta’ varjazzjoni perċentwali relattiva għall-prezz ta’ referenza. Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jaġġustaw dak il-metodu ta’ kalkolu għall-ispeċifiċitajiet ta’ kull derivattiv ta’ komoditajiet relatat mal-enerġija, għall-profil ta’ likwidità tas-suq għal dan id-derivattiv u għall-profil ta’ volatilità tiegħu. Iċ-ċentru tan-negozjar għandu jinforma mingħajr dewmien żejjed lill-awtorità kompetenti dwar il-metodu.

4.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom iġeddu l-limiti tal-prezz f’intervalli regolari matul is-sigħat tan-negozjar, abbażi tal-prezz ta’ referenza.

5.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jippubblikaw mingħajr dewmien żejjed, il-karatteristiċi tal-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum li implimentaw jew kull meta jkunu applikaw modifika.

6.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jimplimentaw il-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum jew billi jintegrawh fl-interrutturi taċ-ċirkwiti eżistenti tagħhom diġà stabbiliti skont id-Direttiva 2014/65/UE jew bħala mekkaniżmu addizzjonali.

7.   Meta ċentru tan-negozjar ikun beħsiebu jimmodifika l-metodu ta’ kalkolu għal-limiti tal-prezz applikabbli għal derivattiv partikolari ta’ komoditajiet relatat mal-enerġija, għandu jinforma mingħajr dewmien żejjed lill-awtorità kompetenti dwar il-modifiki maħsuba.

8.   Meta l-informazzjoni miġbura mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) f’konformità mal-Artikolu 16(3) turi li hija meħtieġa aktar konsistenza tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu biex tiġi żgurata ġestjoni aktar effiċjenti tal-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-prinċipji uniformi għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum, b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull derivattiv tal-komoditajiet relatat mal-enerġija, il-profil tal-likwidità tas-suq għal tali derivattiv u l-profil tal-volatilità tiegħu. B’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat it-tħaddim bla xkiel taċ-ċentri tan-negozjar li joffru negozjar f’derivattivi ta’ komoditajiet relatati mal-enerġija, il-Kummissjoni tista’ tispeċifika l-intervalli li fihom ser jiġġeddu l-limiti tal-prezz jew il-miżuri li għandhom jittieħdu jekk in-negozjar imur lil hinn minn dawk il-limiti tal-prezz inkluż dispożizzjonijiet li jiżguraw il-formazzjoni ta’ prezzijiet tal-għeluq affidabbli. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29.

Artikolu 16

Rwol tal-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li d-diverġenzi fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum miċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Istati Membri tagħhom ikunu debitament ġustifikati mill-ispeċifiċitajiet taċ-ċentri tan-negozjar jew tad-derivattiv ta’ komoditajiet relatati mal-enerġija kkonċernat.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li ċ-ċentri tan-negozjar jimplimentaw mekkaniżmi preliminari xierqa li jiżguraw li l-volatilità eċċessiva fis-swieq tad-derivattivi ta’ komoditajiet relatati mal-enerġija tkun mitigata sal-istabbiliment tal-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum, kif imsemmi fl-Artikolu 15(1).

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw lill-ESMA dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum miċ-ċentri tan-negozjar li jissorveljaw fi żmien tliet ġimgħat mid-data msemmija fl-Artikolu 15(1) u mill-inqas fuq bażi trimestrali.

Artikolu 17

Rwol ta’ koordinazzjoni tal-ESMA

1.   L-ESMA għandha tikkoordina u timmonitorja l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum abbażi tar-rapporti sottomessi lilha mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 16(3).

2.   L-ESMA għandha tiddokumenta kwalunkwe diverġenza fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum bejn il-ġuriżdizzjonijiet fl-Unjoni abbażi tar-rapporti mill-awtoritajiet kompetenti. Sas-30 ta’ Ġunju 2023, l-ESMA għandha tissottometti rapport lill-Kummissjoni li jevalwa l-effiċjenza tal-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tqis jekk tissottomettix proposta għall-emenda ta’ dan ir-Regolament lill-Kunsill.

TAQSIMA 2

L-ACER tingħata s-setgħa li tiġbor u tippubblika data oġġettiva dwar il-prezzijiet

Artikolu 18

Kompiti u setgħat tal-ACER biex twettaq valutazzjonijiet u parametri referenzjarji tal-prezzijiet

1.   Bħala kwistjoni urġenti, l-ACER għandha tipproduċi u tippubblika valutazzjoni tal-prezz tal-LNG ta’ kuljum li tibda mhux aktar tard mit-13 ta’ Jannar 2023. Għall-fini tal-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG, l-ACER għandha tiġbor u tipproċessa b’mod sistematiku d-data tas-suq tal-LNG dwar it-tranżazzjonijiet. Il-valutazzjoni tal-prezz għandha, fejn xieraq, tqis id-differenzi reġjonali u l-kundizzjonijiet tas-suq.

2.   Mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2023, l-ACER għandha tipproduċi u tippubblika parametru referenzjarju tal-LNG ta’ kuljum iddeterminat mill-firxa bejn il-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG ta’ kuljum u l-prezz tas-saldu għall-kuntratt bl-eqreb skadenza tat-TTF Gas Futures stabbilit minn ICE Endex Markets B.V. fuq bażi ta’ kuljum. Għall-finijiet tal-parametru referenzjarju tal-LNG, l-ACER għandha tiġbor u tipproċessa b’mod sistematiku d-data tas-suq tal-LNG.

3.   B’deroga mill-Artikolu 3(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011, l-obbligi tal-parteċipanti fis-suq u l-projbizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 għandhom japplikaw għall-parteċipanti fis-suq tal-LNG. Is-setgħat mogħtija lill-ACER skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014 għandhom japplikaw ukoll fir-rigward tal-parteċipanti fis-suq tal-LNG inkluż id-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità.

Artikolu 19

Pubblikazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-prezz u l-parametru referenzjarju tal-LNG

1.   Il-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG għandha tiġi ppubblikata kuljum, u sa mhux aktar tard mis-18.00 CET għall-valutazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjonijiet definittivi. Sal-31 ta’ Marzu 2023, flimkien mal-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG, l-ACER għandha tippubblika kuljum ukoll il-parametru referenzjarju tal-LNG sa mhux aktar tard mis-19:00 CET jew malli jkun teknikament possibbli.

2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-ACER tista’ tuża s-servizzi ta’ parti terza.

Artikolu 20

Forniment ta’ data tas-suq tal-LNG lill-ACER

1.   Il-parteċipanti fis-suq tal-LNG għandhom jissottomettu kuljum lill-ACER id-data tas-suq tal-LNG f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 21, f’format standardizzat, permezz ta’ protokoll ta’ trażmissjoni ta’ kwalità għolja u kemm jista’ jkun teknoloġikament possibbli qrib il-ħin reali, qabel il-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni tal-prezz ta’ kuljum tal-LNG (18:00 CET).

2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-mument sa meta d-data tas-suq tal-LNG għandha tiġi sottomessa qabel il-pubblikazzjoni ta’ kuljum tal-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG kif imsemmi fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29.

3.   Meta jkun xieraq, l-ACER, wara li tikkonsulta mal-Kummissjoni, għandha toħroġ gwida dwar:

(a)

id-dettalji tal-informazzjoni li għandha rrappurtata, flimkien mad-dettalji attwali tat-tranżazzjonijiet rapportabbli u d-data fundamentali skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014, inklużi t-talbiet u l-offerti: u

(b)

il-proċedura, il-format standard u elettroniku u r-rekwiżiti tekniċi u organizzazzjonali biex tiġi sottomessa d-data li jridu jintużaw għall-forniment tad-data tas-suq meħtieġa.

4.   Il-parteċipanti fis-suq tal-LNG għandhom jissottomettu d-data tas-suq tal-LNG meħtieġa lill-ACER mingħajr ħlas u permezz tal-kanali ta’ rapportar stabbiliti mill-ACER, fejn possibbli permezz tal-użu tal-proċeduri diġà eżistenti u disponibbli.

Artikolu 21

Kwalità tad-data tas-suq tal-LNG

1.   Id-data tas-suq tal-LNG għandha tinkludi:

(a)

il-partijiet għall-kuntratt, inkluż indikatur tax-xiri/tal-bejgħ;

(b)

il-parti li tirrapporta;

(c)

il-prezz tat-tranżazzjoni;

(d)

il-kwantitajiet tal-kuntratt;

(e)

il-valur tal-kuntratt;

(f)

it-tieqa tal-wasla għall-merkanzija ta’ LNG;

(g)

it-termini tal-konsenja;

(h)

il-punti tal-konsenja;

(i)

l-informazzjoni dwar il-kronogramma dwar dan kollu li ġej:

(i)

id-data u l-ħin ta’ meta ssir it-talba jew l-offerta;

(ii)

id-data u l-ħin tat-tranżazzjoni;

(iii)

id-data u l-ħin tar-rapportar tat-talba, tal-offerta jew tat-tranżazzjoni;

(iv)

il-wasla tad-data tas-suq tal-LNG mill-ACER.

2.   Il-parteċipanti fis-suq tal-LNG għandhom jipprovdu lill-ACER b’data tas-suq tal-LNG fl-unitajiet u l-muniti li ġejjin:

(a)

il-prezzijiet tal-unità tat-tranżazzjoni, tat-talba u tal-offerta għandhom jiġu rrapportati fil-munita speċifikata fil-kuntratt u f’EUR/MWh u jekk applikabbli, għandhom jinkludu r-rati tal-konverżjoni u tal-kambju applikati;

(b)

il-kwantitajiet tal-kuntratt għandhom jiġu rrapportati fl-unitajiet speċifikati fil-kuntratti u f’MWh;

(c)

it-twieqi tal-wasla għandhom jiġu rrapportati f’termini tad-dati tal-konsenja espressi f’format UTC;

(d)

il-punt tal-konsenja għandu jindika identifikatur validu elenkat mill-ACER kif imsemmi fil-lista tal-faċilitajiet tal-LNG soġġetti għar-rapportar skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014; l-informazzjoni dwar il-kronogramma għandha tiġi rrapportata f’format UTC;

(e)

jekk rilevanti, il-formula tal-prezz fil-kuntratt fit-tul li minnha huwa derivat il-prezz għandha tiġi rrapportata fl-integrità tagħha.

3   L-ACER għandha toħroġ gwida rigward il-kriterji li skonthom sottomittent uniku jirrappreżenta porzjon sinifikanti tad-data tas-suq tal-LNG sottomessa f’ċertu perjodu ta’ referenza u kif din is-sitwazzjoni għandha tiġi indirizzata fil-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG u fil-parametri referenzjarji tal-LNG ta’ kuljum tagħha.

Artikolu 22

Kontinwità tal-operat

L-ACER għandha tirrieżamina, taġġorna u tippubblika regolarment il-valutazzjoni tal-prezz ta’ referenza tal-LNG u l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tal-LNG kif ukoll il-metodoloġija użata għar-rappurtar tad-data tas-suq tal-LNG u għall-pubblikazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-prezz tal-LNG u tal-parametri referenzjarji tal-LNG tagħha, filwaqt li tqis il-fehmiet tal-kontributuri tad-data tas-suq tal-LNG.

KAPITOLU IV

MIŻURI F’KAŻ TA’ EMERĠENZA TAL-GASS

TAQSIMA 1

Solidarjetà tal-gass għall-provvista tal-elettriku, l-industriji essenzjali u l-klijenti protetti

Artikolu 23

Estensjoni tal-protezzjoni tas-solidarjetà għal provvisti tal-volumi kritiċi tal-gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku

1.   B’deroga mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2017/1938, miżura ta’ solidarjetà skont l-Artikolu 13(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament għandha tapplika biss jekk l-Istat Membru li jitlob solidarjetà ma kienx kapaċi jkopri:

(a)

id-defiċit fil-provvista tal-gass lill-klijenti tiegħu protetti mis-solidarjetà jew, fejn Stat Membru jkun ħa miżuri temporanji biex inaqqas il-konsum mhux essenzjali ta’ klijenti protetti f’konformità mal-Artikolu 24 ta’ dan ir-Regolament, il-volumi essenzjali ta’ konsum tal-gass għall-klijenti tiegħu protetti mis-solidarjetà;

(b)

il-volum kritiku tal-gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, minkejja l-applikazzjoni tal-miżura msemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2017/1938. Għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(3)(b), il-punti (b), (c) u (d), tar-Regolament (UE) 2017/1938.

2.   L-Istati Membri li huma obbligati jipprovdu solidarjetà skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu intitolati li jnaqqsu mill-offerta ta’ solidarjetà:

(a)

il-provvisti lill-klijenti tiegħu protetti mis-solidarjetà sa fejn jiġu affettwati l-volumi essenzjali jew, fejn Stat Membru jkun ħa miżuri temporanji biex inaqqas il-konsum mhux essenzjali ta’ klijenti protetti skont l-Artikolu 24, il-provvisti tal-volumi essenzjali ta’ konsum tal-gass għall-klijenti tiegħu protetti mis-solidarjetà;

(b)

il-provvisti tal-volumi kritiċi tal-gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku;

(c)

il-provvisti tal-volumi tal-gass għall-elettriku meħtieġ għall-produzzjoni u t-trasport tal-gass; u

(d)

il-volumi ta’ gass neċessaarji għall-operazzjonijiet ta’ sigurtà tal-provvista tal-infrastruttura kritika kif imsemmi fl-Anness II kif ukoll installazzjonijiet oħra kruċjali għall-funzjonament tas-servizzi militari, tas-sigurtà nazzjonali u tal-għajnuna umanitarja.

3.   Il-volumi kritiċi tal-gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), u l-paragrafu 2, il-punti (b) u (d), ma għandhomx jaqbżu l-volumi indikati fl-Anness I. Jekk Stat Membru jista’ juri li jkun meħtieġ volum ogħla ta’ gass biex tiġi evitata kriżi tal-elettriku ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni, fuq talba motivata kif xieraq, tista’ tiddeċiedi li tippermetti t-tnaqqis ta’ volumi ogħla.

4.   Jekk l-Istati Membri li s-sistema tal-elettriku tagħhom tkun sinkronizzata biss mas-sistema tal-elettriku ta’ pajjiż terz jintalbu jipprovdu miżuri ta’ solidarjetà, huma jistgħu b’mod eċċezzjonali jnaqqsu volumi ogħla ta’ gass f’każ li s-sistema tal-elettriku tiġi desinkronizzata mis-sistema ta’ dak il-pajjiż terz sakemm is-servizzi tas-sistema tal-enerġija iżolati jew servizzi oħra lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-enerġija jkunu meħtieġa biex jiżguraw it-tħaddim sikur u affidabbli tas-sistema tal-enerġija.

Artikolu 24

Miżuri għat-tnaqqis fid-domanda li jikkonċernaw klijenti protetti

1.   L-Istati Membri jistgħu, eċċezzjonalment, jieħdu miżuri temporanji biex inaqqsu l-konsum mhux essenzjali tal-klijenti protetti, kif definit fl-Artikolu 2, punt (5), tar-Regolament (UE) 2017/1938, b’mod partikolari meta jkun ġie ddikjarat wieħed mil-livelli ta’ kriżi skont l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2017/1938 jew l-allert tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/1369. Dawn il-miżuri għandhom ikunu limitati għal użi mhux essenzjali tal-gass u għandhom iqisu l-elementi stipulati fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2022/1369. Dawn il-miżuri eċċezzjonali jistgħu jittieħdu biss wara valutazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (7), tar-Regolament (UE) 2017/1938, fir-rigward tal-kundizzjonijiet biex jiġu ddeterminati tali volumi mhux essenzjali ta’ gass.

2.   Bħala riżultat tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-konsum ta’ klijenti vulnerabbli, kif definit mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/73/KE, ma għandu taħt l-ebda ċirkostanza jitnaqqas, u l-Istati Membri ma għandhomx jiskonnettjaw lill-klijenti protetti bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 25

Salvagwardji għall-flussi transfruntieri

F’każ ta’ talba tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 12(6), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) 2017/1938 biex jintemmu restrizzjonijiet bla bżonn ta’ flussi transfruntieri tal-gass jew ta’ aċċess għall-infrastruttura tal-gass, jew miżuri li jipperikolaw il-provvista tal-gass fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti, kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (7), tar-Regolament (UE) 2017/1938, jew l-Istat Membru, kif imsemmi fl-Artikolu 12(6), l-ewwel subparagrafu ta’ dak ir-Regolament, għandhom minflok isegwu l-proċedura prevista fl-Artikolu 12(6), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2017/1938, jimmodifikaw l-azzjoni tagħhom jew jieħdu azzjoni biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 12(5) ta’ dak ir-Regolament.

TAQSIMA 2

Regoli għall-forniment ta’ miżuri ta’ solidarjetà

Artikolu 26

Estensjoni temporanja tal-obbligi ta’ solidarjetà lill-Istati Membri b’faċilitajiet tal-LNG

1.   L-obbligu li jiġu pprovduti miżuri ta’ solidarjetà skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2017/1938 ma għandux japplika biss għall-Istati Membri konnessi direttament mal-Istat Membru li jitlob solidarjetà, iżda wkoll għall-Istati Membri b’faċilitajiet tal-LNG, dejjem jekk il-kapaċità neċessaarja fl-infrastruttura rilevanti, inkluż il-bastimenti u t-trasportaturi tal-LNG, tkun disponibbli.

2.   L-Artikolu 13, il-paragrafi 2 sa 9 tar-Regolament (UE) 2017/1938 għandu japplika għall-Istati Membri b’faċilitajiet tal-LNG sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri b’faċilitajiet tal-LNG li mhumiex konnessi direttament ma’ Stat Membru li jitlob solidarjetà jistgħu jiftiehmu bilateralment ma’ kwalunkwe Stat Membru ieħor dwar l-arranġamenti ta’ solidarjetà tekniċi, legali u finanzjarji neċessaarji li japplikaw għall-għoti ta’ solidarjetà.

4.   Ir-regoli prestabbiliti għall-forniment ta’ miżuri ta’ solidarjetà skont l-Artikolu 27 għandhom japplikaw ukoll għall-Istati Membri mhux konnessi sakemm ma jiġix konkluż ftehim bilaterali fil-mument tal-wasla ta’ talba ta’ solidarjetà.

Artikolu 27

Regoli prestabbiliti għall-miżuri ta’ solidarjetà

1.   Meta żewġ Stati Membri ma jkunux qablu dwar l-arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji neċessaarji skont l-Artikolu 13(10) tar-Regolament (UE) 2017/1938 ("ftehim ta’ solidarjetà"), il-konsenja tal-gass skont l-obbligu fl-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-Regolament f’każ ta’ emerġenza għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Il-kumpens għall-miżura ta’ solidarjetà ma għandux jaqbeż l-ispejjeż raġonevoli u, b’deroga mill-Artikolu 13(8) tar-Regolament (UE) 2017/1938, għandu fi kwalunkwe każ jinkludi:

(a)

il-prezz għall-gass fl-Istat Membru li jipprovdi solidarjetà;

(b)

il-kostijiet ta’ ħżin u trasport, inkluż miżati possibbli li jirriżultaw mid-devjazzjoni tat-tagħbija tal-LNG lill-punt ta’ interkonnessjoni mitlub;

(c)

kostijiet ta’ litigazzjoni għall-proċedimenti ġudizzjarji jew ta’ arbitraġġ relatati li jinvolvu lill-Istati Membri li jipprovdu solidarjetà;

(d)

spejjeż indiretti oħra li mhumiex koperti mill-prezz għall-gass, bħar-rimborż ta’ danni finanzjarji jew ħsarat oħra li jirriżultaw minn tnaqqis infurzat ta’ tagħbija kostanti ta’ klijenti relatati mal-forniment ta’ solidarjetà, dment li dawk l-ispejjeż indiretti ma jaqbżux il-100 % tal-prezz għall-gass.

3.   Jekk Stat Membru jitlob kumpens għal sħejjeż indiretti skont il-paragrafu 2, il-punt (d), li jaqbeż il-100 % tal-prezz tal-gass, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti, tiddeċiedi jekk kumpens ogħla huwiex xieraq, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi kuntrattwali u nazzjonali speċifiċi tal-każ u l-prinċipju tas-solidarjetà fl-enerġija.

4.   Sakemm l-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà u l-Istat Membru li jipprovdi solidarjetà ma jaqblux dwar prezz ieħor, il-prezz għall-gass ipprovdut lill-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà għandu jikkorrispondi għall-prezz tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem fl-Istat Membru li jipprovdi solidarjetà, il-ġurnata ta’ qabel it-talba għas-solidarjetà jew il-prezz tas-suq korrispondenti ta’ ġurnata bil-quddiem fl-eqreb punt ta’ skambju, fl-eqreb punt ta’ negozjar virtwali aċċessibbli, jew f’hub maqbul matul il-ġurnata ta’ qabel it-talba għas-solidarjetà.

5.   Il-kumpens għall-volumi tal-gass ikkonsenjati fil-kuntest ta’ talba ta’ solidarjetà skont l-Artikolu 28 għandu jitħallas direttament mill-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà lill-Istat Membru li jipprovdi s-solidarjetà jew lill-entità li ż-żewġ Stati Membri jindikaw fit-tweġiba tagħhom għat-talba ta’ solidarjetà u l-konferma tal-wasla u tal-volum li għandu jittieħed.

6.   L-Istat Membru li lilu tkun indirizzata t-talba għal miżura ta’ solidarjetà għandu jipprovdi l-miżura ta’ solidarjetà mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn tliet ijiem wara t-talba. Stat Membru jista’ jirrifjuta li jipprovdi s-solidarjetà lil Stat Membru li jirrikjediha biss jekk juri li:

(a)

ma għandux biżżejjed gass għall-volumi msemmija fl-Artikolu 23(2); jew

(b)

ma għandux biżżejjed kapaċità ta’ interkonnessjoni disponibbli, kif stipulat fl-Artikolu 13(7) tar-Regolament (UE) 2017/1938, u ma għandux il-possibbiltà li jipprovdi volumi suffiċjenti ta’ LNG.

7.   Minbarra r-regoli prestabbiliti previsti f’dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jaqblu dwar l-arranġamenti tekniċi u l-koordinazzjoni tal-għoti ta’ solidarjetà.

8.   Dan l-Artikolu għandu ikunu mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti eżistenti għat-tħaddim sikur u affidabbli tas-sistema tal-gass.

Artikolu 28

Proċedura għal miżuri ta’ solidarjetà fin-nuqqas ta’ ftehim ta’ solidarjetà

1.   L-Istat Membru li jirrikjedi l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ solidarjetà għandu joħroġ talba ta’ solidarjetà lil Stat Membru ieħor, li tindika mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru;

(b)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni rilevanti tal-Istat Membru (jekk rilevanti);

(c)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-parti terza li taġixxi f’isem l-Istat Membru (jekk rilevanti);

(d)

il-perjodu ta’ konsenja inkluż iż-żmien tal-ewwel kunsinna possibbli u t-tul ta’ żmien antiċipat tal-konsenji;

(e)

il-punti ta’ twassil u ta’ interkonnessjoni;

(f)

il-volum tal-gass f’kWh għal kull punt ta’ interkonnessjoni;

(g)

il-kwalità tal-gass.

2.   It-talba għal solidarjetà għandha tintbagħat simultanjament lill-Istati Membri li potenzjalment ikunu jistgħu jipprovdu miżuri ta’ solidarjetà, lill-Kummissjoni u lill-maniġers tal-kriżijiet maħtura skont l-Artikolu 10(1), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2017/1938.

3.   L-Istati Membri li jirċievu talba ta’ solidarjetà għandhom jibagħtu tweġiba li tindika d-dettalji ta’ kuntatt imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b) u (c), u l-volum u l-kwalità li jistgħu jiġu pprovduti lill-punti ta’ interkonnessjoni fiż-żmien mitlub kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punti (d) sa (g). It-tweġiba għandha tindika l-volum li jirriżulta minn tnaqqis possibbli, jew fejn ikun strettament indispensabbli, ir-rilaxx ta’ stokkijiet strateġiċi jekk il-volum li jista’ jiġi pprovdut minn miżuri volontarji mhux biżżejjed.

4.   It-talbiet ta’ solidarjetà għandhom jintbagħtu mill-inqas 72 siegħa qabel iż-żmien tal-konsenja indikat. It-tweġiba għat-talbiet ta’ solidarjetà għandha ssir fi żmien 24 siegħa. Il-konferma tal-wasla u tal-volum li għandu jittieħed mill-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà għandha ssir fi żmien 24 siegħa mill-ħin tal-konsenja meħtieġ.

5.   It-talba tista’ tintbagħat għal perjodu ta’ jum jew ta’ diversi jiem, u t-tweġiba għandha taqbel mad-durata mitluba.

6.   Meta jkun hemm diversi Stati Membri li jipprovdu s-solidarjetà u jkunu ġew stabbiliti arranġamenti bilaterali ta’ solidarjetà ma’ wieħed jew aktar minnhom, dawk l-arranġamenti għandhom jipprevalu bejn l-Istati Membri li jkunu qablu b’mod bilaterali. Ir-regoli prestabbiliti previsti f’dan l-Artikolu għandhom ikunu applikabbli biss fir-rigward tal-Istati Membri l-oħra li jipprovdu s-solidarjetà.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ solidarjetà, b’mod partikolari permezz ta’ mudell aċċessibbli fuq pjattaforma online sigura li tippermetti t-trażmissjoni f’ħin reali tat-talbiet u tal-offerti.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 29

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 30

Rieżami

Sal-1 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-provvista tal-gass lejn l-Unjoni u għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dak ir-rieżami. Il-Kummissjoni tista’, abbażi ta’ dak ir-rapport, tipproponi li ttawwal il-validità ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 31

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għal perjodu ta’ sena mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

L-Artikolu 14 għandu japplika mis-31 ta’ Marzu 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-19 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SÍKELA


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar ilmoviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (OJ L 295, 21.11.2018, p. 39).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass (ĠU L 173, 30.6.2022, p. 17).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 tas-16 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta’ Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 984/2013 (ĠU L 72, 17.3.2017, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (OJ L 158, 14.6.2019, p. 22).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar ir-rappurtar tad-data li jimplimenta l-Artikolu 8(2) u 8(6) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 363, 18.12.2014, p. 121).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass (ĠU L 206, 8.8.2022, p. 1).

(13)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Ġermanja vs Il-Polonja C-848/19 P, ECLI:EU:C:2021:598.

(14)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/177 tat-2 ta’ Frar 2018 dwar l-elementi li jridu jiġu inklużi fl-arranġamenti tekniċi, ġuridiċi u finanzjarji bejn l-Istati Membri għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass (ĠU L 32, 6.2.2018, p. 52).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tależerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(16)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (OJ L 158, 14.6.2019, p. 1).

(18)  Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).

(19)  Ir-Regolament (KE) 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36).


ANNESS I

(a)

Volumi kritiċi massimi ta’ gass għas-sigurtà tal-provvista elettrika skont l-Artikolu 23 għall-perjodu bejn Diċembru 2022 u Marzu 2023 (valuri f’miljuni metri kubiċi) (1)

Stat Membru

Diċembru 2022

Jannar 2023

Frar 2023

Marzu 2023

AT

74,24

196,83

152,20

139,35

BE

399,05

458,77

382,76

398,99

BG

61,49

71,26

61,55

63,29

CY

-

-

-

-

CZ

17,26

49,64

34,80

28,28

DE

2 090,53

2 419,56

2 090,59

1 863,77

DK

249,48

295,56

254,87

268,09

EE

5,89

5,78

5,00

1,05

EL

209,95

326,68

317,18

232,80

ES

1 378,23

1 985,66

1 597,27

1 189,29

IE

372,76

375,29

364,26

375,74

FI

28,42

39,55

44,66

12,97

FR

876,37

875,58

802,53

771,15

HR

10,95

66,01

59,99

48,85

HU

82,13

133,97

126,44

93,72

IT

2 166,46

3 304,99

3 110,79

2 774,67

LV

89,26

83,56

84,96

66,19

LT

16,13

20,22

18,81

4,21

LU

-

-

-

-

MT

32,88

34,84

31,43

33,02

NL

684,26

762,31

556,26

480,31

PL

158,14

158,64

136,97

148,64

PT

409,97

415,22

368,54

401,32

RO

130,35

179,35

162,41

159,71

SI

12,98

15,15

13,35

12,80

SK

33,99

47,26

34,80

34,76

SE

18,05

18,61

17,71

15,76

(b)

Volumi kritiċi massimi ta’ gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku skont l-Artikolu 23 għall-perjodu bejn April 2023 u Diċembru 2023 (valuri f’miljuni metri kubiċi)

Stat Membru

Valur mensili

AT

140,66

BE

409,89

BG

64,40

CY

-

CZ

32,50

DE

2 116,11

DK

267,00

EE

4,43

EL

271,65

ES

1 537,61

IE

372,01

FI

31,40

FR

831,41

HR

46,45

HU

109,06

IT

2 839,23

LV

80,99

LT

14,84

LU

-

MT

33,03

NL

620,79

PL

150,60

PT

398,76

RO

157,96

SI

13,57

SK

37,70

SE

17,53


(1)  Iċ-ċifri fl-Anness I, il-partijiet a) u b), huma bbażati fuq data mill-valutazzjoni tal-adegwatezza tax-xitwa skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/941 min-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E), ħlief għal Malta li għaliha l-ġenerazzjoni tal-elettriku tiddependi esklużivament fuq il-konsenji tal-LNG mingħajr kapaċitajiet sinifikanti tal-ħżin. Minħabba l-ispeċifiċità tal-gass b’valur kalorifiku baxx, il-valuri għan-Netherlands f’din it-tabella jenħtieġ li jiġu mmultiplikati b’fattur ta’ konverżjoni ta’ 37,89 diviż b’35,17. L-Anness I, il-parti a), jirrappreżenta l-volumi individwali mensili kkalkulati mill-ENTSO-E għax-xhur ta’ Diċembru 2022 sa Marzu 2023; iċ-ċifri fl-Anness 1, il-parti b), għax-xhur minn April 2023 sa Diċembru 2023 jirrappreżentaw il-medja tal-valuri fil-perjodu bejn Diċembru 2022 u Marzu 2023.


ANNESS II

Sigurtà tal-provvista tal-infrastruttura kritika skont l-Artikolu 23(2), il-punt (d)

Settur

Sottosettur

I Enerġija

1.

Elettriku

Infrastrutturi u faċilitajiet għall-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni tal-elettriku fir-rigward tal-provvista tal-elettriku

2.

Żejt

Il-produzzjoni, ir-raffinar, it-trattament, il-ħżin u t-trażmissjoni taż-żejt permezz ta’ pipelines

3.

Gass

Il-produzzjoni, ir-raffinar, it-trattament, il-ħżin u t-trażmissjoni tal-gass permezz ta’ pipelines

Terminals tal-LNG

II Trasport

4.

Trasport bit-triq

5.

Trasport bil-ferrovija

6.

Trasport bl-ajru