23.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 330/126 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2564
tas-16 ta’ Awwissu 2022
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2064 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ eżenzjoni de minimis għall-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Adrijatiku u tax-Xlokk tal-Mediterran
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(7) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/86 (2) stabbilixxa pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Mediterran, li japplika mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2019. |
(2) |
Sabiex jiġu evitati kostijiet sproporzjonati tal-immaniġġar ta’ qabdiet mhux mixtieqa, ir-Regolament Delegat (UE) 2017/86 stabbilixxa eżenzjoni de minimis li tapplika għall-ispeċijiet demersali. Dak ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni skada fil-31 ta’ Diċembru 2021. Ġiet stabbilita eżenzjoni de minimis ġdida bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2064 (3). Dik l-eżenzjoni ġiet stabbilita għall-ispeċijiet demersali sal-31 ta’ Diċembru 2023, filwaqt li għall-qabdiet aċċessorji ta’ ħut pelaġiku żgħir li jsir fis-sajd demersali l-eżenzjoni ġiet stabbilita biss sal-31 ta’ Diċembru 2022. |
(3) |
Il-Kroazja, l-Italja u s-Slovenja (“il-Grupp ta’ Livell Għoli Adriatica”) u l-Greċja, l-Italja, Ċipru u Malta (“il-Grupp ta’ Livell Għoli Sudestmed”) għandhom interess ta’ ġestjoni tas-sajd dirett fil-Baħar Adrijatiku u tax-Xlokk tal-Mediterran rispettivament. Fl-1 ta’ Mejju 2022 u fis-6 ta’ Ġunju 2022, il-Grupp ta’ Livell Għoli Adriatica u l-Grupp ta’ Livell Għoli Sudestmed talbu l-estensjoni tal-eżenzjoni de minimis għall-qabdiet aċċessorji ta’ ħut pelaġiku żgħir li jsir fis-sajd demersali stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2021/2064. Iż-żewġ gruppi ppreżentaw ukoll evidenza xjentifika biex jappoġġaw it-talba tagħhom. |
(4) |
L-evidenza xjentifika ġiet ivvalutata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”) bejn is-16 u l-20 ta’ Mejju 2022 (4). |
(5) |
Fit-8 ta’ Lulju 2022, il-Grupp ta’ Livell Għoli Adriatica u l-Grupp ta’ Livell Għoli Sudestmed ippreżentaw Rakkomandazzjoni Konġunta aġġornata dwar l-estensjoni tal-eżenzjoni de minimis għall-obbligu ta’ ħatt l-art għal sena. |
(6) |
Il-Kummissjoni tinnota li fil-Baħar Adrijatiku u tax-Xlokk tal-Mediterran, l-ispeċijiet pelaġiċi żgħar jinqabdu f’daqqa, fi kwantitajiet li jvarjaw ħafna, u dan jagħmel approċċ ta’ stokk uniku diffiċli. Dawk l-ispeċijiet jinqabdu minn bastimenti tas-sajd ta’ skala żgħira u jinħattu l-art f’ħafna punti differenti ta’ ħatt l-art mifruxa ġeografikament tul il-kosta. Dan jirriżulta f’kostijiet sproporzjonati tal-immaniġġar ta’ qabdiet mhux mixtieqa. |
(7) |
L-STECF irrikonoxxa li tnaqqis ġenerali tal-isforz tas-sajd tat-tkarkir tal-qiegħ u l-istabbiliment ta’ Żoni Ristretti għas-Sajd bħala għeluq permanenti għas-sajd demersali x’aktarx li jnaqqsu l-ammont ta’ qabdiet inċidentali ta’ ħut pelaġiku żgħir. |
(8) |
L-STECF innota wkoll li filwaqt li l-approċċ de minimis totali inkluż fl-evidenza xjentifika jkopri grupp wiesa’ ta’ speċijiet b’firxa wiesgħa ta’ rati ta’ skartar, it-tali kopertura wiesgħa hija approċċ validu minħabba l-kumplessità tas-sajd fil-Baħar Adrijatiku u tax-Xlokk tal-Mediterran. |
(9) |
Barra minn hekk, l-STECF qies li eżenzjonijiet de minimis individwali li jkopru speċi waħda li jirriżultaw f’ħafna eżenzjonijiet separati li jippreżentaw sfida biex jiġu mmonitorjati. |
(10) |
Il-Grupp ta’ Livell Għoli Adriatica pprovda evidenza xjentifika aġġornata dwar il-kostijiet sproporzjonati tal-immaniġġjar ta’ qabdiet mhux mixtieqa. Għalkemm l-STECF innota li huma pprovduti stimi taż-żieda fil-kostijiet, huwa saħaq fuq id-diffikultajiet fil-valutazzjoni tal-livell fejn il-kostijiet saru sproporzjonati. L-STECF irrikonoxxa wkoll li ż-żieda reċenti fil-kostijiet tal-fjuwil aggravat is-sitwazzjoni ġenerali. L-STECF innota wkoll ir-riżultati l-ġodda dwar il-proġett ta’ selettività u li hija meħtieġa aktar investigazzjoni dwar dan l-apparat ta’ selettività biex jinstab bilanċ bejn it-titjib tas-selettività u l-minimizzazzjoni tat-telf ekonomiku. Finalment, l-STECF innota li t-tnaqqis tal-livell ta’ qabdiet mhux mixtieqa permezz tal-użu ta’ rkaptu selettiv jew ta’ żoni marini protetti jenħtieġ li jingħata prijorità. |
(11) |
Il-Kummissjoni tilqa’ l-impenn meħud mill-Grupp ta’ Livell Għoli Adriatica biex jaħdem aktar fuq is-selettività u r-restrizzjonijiet spazjali tas-sajd bħala prijorità biex jinkiseb it-tnaqqis ta’ qabdiet mhux mixtieqa. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-progress fis-selettività u l-kostijiet sproporzjonati jiġġustifikaw li l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi estiża għal sena bil-livelli perċentwali proposti. |
(12) |
L-evidenza xjentifika aġġornata provduta mill-Grupp ta’ Livell Għoli Adriatica tipproponi li l-eżenzjoni de minimis tiġi estiża, għall-inċova (Engraulis encrasicolus), għas-sardin (Sardina pilchardus), għall-kavall (Scomber spp.) u għas-sawrell (Trachurus spp.), sa massimu ta’ 5 % għall-2023 tal-qabdiet inċidentali annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX). |
(13) |
L-STECF qies li filwaqt li r-rata ta’ skartar hija sinifikanti għal dan is-sajd, il-proġetti ta’ selettività għadhom għaddejjin. |
(14) |
Il-Kummissjoni tqis li l-evidenza ppreżentata hija biżżejjed biex testendi l-eżenzjoni għal sena, bil-livelli perċentwali proposti. Il-grupp ta’ Livell Għoli Adriatica jenħtieġ li jippreżenta data addizzjonali, abbażi tal-proġetti li għaddejjin. |
(15) |
Il-Grupp ta’ Livell Għoli Sudestmed ipprovda evidenza xjentifika aġġornata dwar il-kostijiet sproporzjonati tal-immaniġġar ta’ qabdiet mhux mixtieqa. Għalkemm l-STECF innota li huma pprovduti stimi taż-żieda fil-kostijiet, huwa saħaq fuq id-diffikultajiet fil-valutazzjoni tal-livell fejn il-kostijiet huma sproporzjonati. L-STECF irrikonoxxa wkoll li ż-żieda reċenti fil-kostijiet tal-fjuwil aggravat is-sitwazzjoni ġenerali. L-STECF innota l-istudji li għaddejjin għandhom jiġu ffinalizzati matul l-2023. L-STECF innota wkoll li t-tnaqqis tal-livell ta’ qabdiet mhux mixtieqa permezz tal-użu ta’ rkaptu selettiv jew ta’ żoni marini protetti jenħtieġ li jingħata prijorità. |
(16) |
Il-Kummissjoni tilqa’ l-impenn meħud mill-Grupp ta’ Livell Għoli Sudestmed biex jaħdem aktar fuq is-selettività u r-restrizzjonijiet spazjali tas-sajd bħala prijorità biex jinkiseb it-tnaqqis ta’ qabdiet mhux mixtieqa. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-progress fis-selettività u l-kostijiet sproporzjonati jiġġustifikaw li l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi estiża għal sena bil-livelli perċentwali proposti. |
(17) |
L-evidenza xjentifika aġġornata provduta mill-Grupp ta’ Livell Għoli Sudestmed tipproponi li l-eżenzjoni de minimis tiġi estiża għall-inċova (Engraulis encrasicolus), għas-sardin (Sardina pilchardus), għall-kavall (Scomber spp.) u għas-sawrell (Trachurus spp.), sa massimu ta’ 5 % għall-2023 tal-qabdiet inċidentali annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX). |
(18) |
L-STECF qies li filwaqt li r-rata ta’ skartar hija sinifikanti għal dan is-sajd, il-volum ta’ qabdiet huwa limitat u għaddejjin proġetti ta’ selettività li se jnaqqsu r-rata tal-iskartar. |
(19) |
Il-Kummissjoni tqis li l-evidenza ppreżentata dwar il-kost sproporzjonat hija biżżejjed biex testendi l-eżenzjoni għal sena, bil-livelli perċentwali proposti. Il-grupp ta’ Livell Għoli Sudestmed jenħtieġ li jippreżenta data addizzjonali, abbażi tal-istudji li għaddejjin. |
(20) |
Fl-evidenzi xjentifiċi aġġornati tagħhom, l-Istati Membri ġeddew l-impenn tagħhom li jżidu s-selettività tal-irkaptu tas-sajd skont ir-riżultati tal-programmi ta’ riċerka attwali sabiex inaqqsu u jillimitaw il-qabdiet mhux mixtieqa u partikolarment il-qabdiet b’daqsijiet iżgħar mid-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni. |
(21) |
Il-miżuri mitluba huma bi qbil mal-Artikolu 15(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2021/2064 jiġi emendat skont dan. |
(22) |
Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Madanakollu, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, dan ir-Regolament jenħtieġ li jibda japplika minn data aktar tard, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Eżenzjoni de minimis
L-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2064 huwa emendat kif ġej:
(1) |
Il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
|
(2) |
il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Sal-1 ta’ Mejju 2022 u 2023, l-Istati Membri li jkollhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fil-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Mediterran tax-Xlokk għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni data addizzjonali bbażata fuq il-proġetti u l-istudji li għaddejjin u kwalunkwe informazzjoni xjentifika rilevanti oħra li tappoġġa l-eżenzjoni stabbilita fil-punti (a)(viii) u (b)(vii) tal-paragrafu 1. L-STECF għandu jivvaluta dik id-data u dik l-informazzjoni sa mhux aktar tard minn Lulju 2023.” |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Awwissu 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/86 tal-20 ta’ Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan ta’ skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Mediterran (ĠU L 14, 18.1.2017, p. 4).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2064 tal-25 ta’ Awwissu 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ eżenzjoni de minimis għall-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Adrijatiku u tax-Xlokk tal-Mediterran (ĠU L 421, 26.11.2021, p. 9).
(4) Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) – Evaluation of Joint Recommendations on the landing obligation and on Technical Measures Regulation (STECF-22-05).