19.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/1


REGOLAMENT (UE) 2022/2480 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Diċembru 2022

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni dwar standards Ewropej u strumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropej

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi regoli fir-rigward tal-istabbiliment ta’ standards Ewropej u ta’ strumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropej għall-prodotti u għas-servizzi, b’appoġġ għal-leġiżlazzjoni u għall-politiki tal-Unjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, il-Kummissjoni tista’ titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jabbozzaw standard Ewropew jew strument ta’ standardizzazzjoni Ewropew.

(3)

L-istandards Ewropej u l-istrumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropej għandhom rwol importanti fis-suq intern u l-ħarsien tal-konsumatur. L-istandards jiddeterminaw mhux biss l-aspetti tekniċi tal-prodotti u s-servizzi, iżda jiżvolġu wkoll rwol importanti għall-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ambjent. Pereżempju, standards armonizzati jistgħu jintużaw sabiex tingħata preżunzjoni li l-prodotti li ser ikunu disponibbli fis-suq ikunu konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni għal dawk il-prodotti, filwaqt li jiġu żgurati l-kwalità u s-sikurezza tal-prodotti u s-servizzi għall-konsumaturi u jitħares l-ambjent.

(4)

Fil-passat, prattiki fl-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni fir-rigward tal-governanza interna u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom inbidlu. B’riżultat ta’ dak it-tibdil, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni żiedu l-kooperazzjoni tagħhom mal-partijiet ikkonċernati internazzjonali u Ewropej. Tali kooperazzjoni hija milqugħa minħabba li tikkontribwixxi għall-proċess ta’ standardizzazzjoni mibni fuq il-kunsens li jkun trasparenti, miftuħ u imparzjali. Minkejja dan, meta l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jeżegwixxu talbiet ta’ standardizzazzjoni bħala appoġġ għal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni, huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet interni tagħhom iqisu l-interessi, l-objettivi tal-politika u l-valuri tal-Unjoni, kif ukoll l-interessi pubbliċi b’mod ġenerali.

(5)

F’konformità mal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, huma essenzjali, u għalhekk jenħtieġ li jiġu żgurati, proċeduri tajba u rappreżentanza bbilanċjata tal-interessi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi dawk il-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw fost l-oħrajn l-SMEs u l-interessi ambjentali, soċjali u tal-konsumatur. L-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, u l-kontribut tagħhom, jenħtieġ li jitqiesu fl-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni. Barra minn hekk, il-fehmiet espressi fil-konsultazzjonijiet nazzjonali mwettqa mill-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni jenħtieġ li jitqiesu meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar standards Ewropej u strumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropej mitluba skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

(6)

Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom rwol essenzjali fis-sistema ta’ standardizzazzjoni, kemm fil-livell tal-Unjoni, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. Għalhekk, il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jiżguraw li l-interessi, l-objettivi tal-politika u l-valuri tal-Unjoni, kif ukoll l-interessi pubbliċi b’mod ġenerali, jitqiesu kif xieraq fl-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tagħhom fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni meta dawk il-korpi jieħdu deċiżjonijiet dwar standards Ewropej u strumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropej mitluba mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, mingħajr ma jiġi affettwat ir-rwol importanti li tiżvolġi l-bażi usa’ ta’ partijiet ikkonċernati fit-tħejjija ta’ standards effettivi li jwieġbu għall-interessi pubbliċi u l-ħtiġijiet tas-suq.

(7)

Il-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni huma miftuħa għall-parteċipazzjoni mhux biss mill-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, iżda wkoll, fost l-oħrajn, mill-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-istandardizzazzjoni tal-pajjiżi aderenti, tal-pajjiżi kandidati u ta’ pajjiżi oħra li jkunu saru formalment membri tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni inkwistjoni u li jkunu kkonkludew ftehim mal-Unjoni biex tiġi żgurata konverġenza regolatorja. Sabiex jiġi evitat li dawk l-organizzazzjonijiet jiġu esklużi milli jipparteċipaw fil-ħidma tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikkonċernati, huwa meħtieġ biss li jiġi previst li d-deċiżjonijiet f’dawk il-korpi dwar l-istandards Ewropej u l-istrumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropej mitluba skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jittieħdu esklussivament minn rappreżentanti tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, mingħajr ma jiġu imposti xi rekwiżiti oħra fuq il-ħidma tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni. Il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-istandardizzazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-ħidma tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jenħtieġ li ma tipprevjeni l-adozzjoni tal-ebda deċiżjoni dwar standards Ewropej u strumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropej mitluba mill-Kummissjoni meta tali deċiżjoni jkollha l-appoġġ tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni mill-Istati Membri u mill-pajjiżi taż-ŻEE biss.

(8)

Sabiex ir-rekwiżit li d-deċiżjonijiet fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni dwar l-istandards Ewropej u l-istrumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropej mitluba mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jittieħdu esklussivament minn rappreżentanti tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni biex ikunu effettivi, jeħtieġ li jiġi previst li l-Kummissjoni tkun tista’ tagħmel dawn it-talbiet biss lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni li tikkonforma ma’ dak ir-rekwiżit.

(9)

Il-proċeduri ta’ standardizzazzjoni jinvolvu deċiżjonijiet li jeħtieġu flussi ta’ ħidma speċifiċi, li jenħtieġ li jitqiesu li jikkostitwixxu punti separati fl-aġenda ta’ ħidma. Tali punti fl-aġenda ta’ ħidma jinbdew sabiex jew jiġi żviluppat standard Ewropew jew strument tal-istandardizzazzjoni Ewropew ġdid, jew biex issir reviżjoni, fużjoni, emenda jew korrezzjoni ta’ standard Ewropew jew strument tal-istandardizzazzjoni Ewropew eżistenti.

(10)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(11)

Sabiex l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jkunu jistgħu jadattaw, fejn meħtieġ, ir-regoli ta’ proċedura interni tagħhom biex ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, l-applikazzjoni tiegħu jenħtieġ li tiġi differita,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni tista’ titlob, fi ħdan il-limitazzjonijiet tal-kompetenzi stipulati fit-Trattati, li organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar jabbozzaw standard Ewropew jew strument ta’ standardizzazzjoni Ewropew fi żmien skadenza stabbilita, dment li l-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni kkonċernata tikkonforma mal-paragrafu 2a. Standards Ewropej u strumenti Ewropej ta’ standardizzazzjoni għandhom ikunu mmexxija mis-suq, iqisu l-interess pubbliku kif ukoll l-objettivi politiċi ddikjarati b’mod ċar fit-talba tal-Kummissjoni u jkunu bbażati fuq kunsens. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina r-rekwiżiti fir-rigward tal-kontenut li għandhom jintlaħqu mid-dokument mitlub u skadenza għall-adozzjoni tiegħu.”

;

(2)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Mingħajr preġudizzju għal opinjonijiet konsultattivi oħra, kull organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni għandha tiżgura li d-deċiżjonijiet li ġejjin dwar l-istandards Ewropej u l-istrumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropej msemmija fil-paragrafu 1 jittieħdu esklussivament minn rappreżentanti tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni fi ħdan il-korp kompetenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ dik l-organizzazzjoni:

(a)

id-deċiżjonijiet dwar l-aċċettazzjoni u r-rifjut tat-talbiet għall-istandardizzazzjoni;

(b)

id-deċiżjonijiet dwar l-aċċettazzjoni ta’ punti ġodda fl-aġenda ta’ ħidma li huma meħtieġa biex tiġi ssodisfata t-talba ta’ standardizzazzjoni; u

(c)

id-deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni, ir-reviżjoni u l-irtirar ta’ standards Ewropej jew ta’ strumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropej.”

.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-9 ta’ Lulju 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Diċembru 2022

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  ĠU C 323, 26.8.2022, p. 43.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).