12.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 318/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2418

tad-9 ta’ Diċembru 2022

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 rigward il-metodi ta’ analiżi għall-kontroll tal-livelli ta’ mikroelementi u ta’ kontaminanti tal-ipproċessar fl-oġġetti tal-ikel

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 34(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 (2) jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta’ kampjuni u ta’ analiżi li jridu jintużaw għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ mikroelementi u ta’ kontaminanti tal-ipproċessar fl-oġġetti tal-ikel.

(2)

Abbażi tal-aqwa informazzjoni xjentifika disponibbli, il-Laboratorji ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kontaminanti fl-għalf u fl-ikel elaboraw Dokument ta’ Gwida dwar l-istima tal-Limitu tad-Detezzjoni (LOD) u l-Limitu tal-Kwantifikazzjoni (LOQ) għall-kejl fil-qasam tal-kontaminanti fl-għalf u fl-ikel (3). Peress li dan id-Dokument ta’ Gwida fih l-aqwa għarfien teknoloġiku aġġornat, il-konklużjonijiet tiegħu jenħtieġ li jiġu riflessi fir-rekwiżiti għal-LOQ għall-metodi analitiċi għall-arseniku stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 333/2007.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 333/2007 jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 333/2007 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta’ kampjuni u ta’ analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ mikroelementi u ta’ kontaminanti tal-ipproċessar fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29).

(3)  Wenzl, T., Haedrich, J., Schaechtele, A., Robouch, P., Stroka, J., Guidance Document on the Estimation of LOD and LOQ for Measurements in the Field of Contaminants in Feed and Food; EUR 28099, Publications Office of the European Union, Lussemburgu, 2016, ISBN 978-92-79-61768-3; doi:10.2787/8931.


ANNESS

Fil-punt C.3.3.1 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 333/2007, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Kriterji ta’ prestazzjoni għall-metodi ta’ analiżi għaċ-ċomb, għall-kadmju, għall-merkurju, għal-landa inorganika u għall-arseniku inorganiku

Tabella 5

Parametru

Kriterju

Applikabbiltà

Ikel speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006

Speċifiċità

Mingħajr interferenzi matriċi jew spettrali

Ripetibbiltà (RSDr)

HORRATr inqas minn 2

Riproduċibbiltà (RSDR)

HORRATR inqas minn 2

Irkupru

Japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-punt D.1.2.

LOD:

= tliet LOQ minn kull għaxra

LOK

Landa inorganika

≤ 10 mg/kg

Ċomb

ML ≤ 0,02 mg/kg

0,02 < ML < 0,1 mg/kg

ML ≥ 0,1 mg/kg

≤ ML

≤ żewġ terzi tal-ML

≤ wieħed minn ħamsa tal-ML

Kadmju, merkurju

ML ≤ 0,02 mg/kg

0,02 < ML < 0,1 mg/kg

ML huwa ≥ 0,1 mg/kg

≤ tnejn minn ħamsa tal-ML

≤ tnejn minn ħamsa tal-ML

≤ wieħed minn ħamsa tal-ML

Arseniku inorganiku u l-arseniku totali

ML ≤ 0,03 mg/kg

0,03 < ML < 0,1 mg/kg

ML huwa ≥ 0,1 mg/kg

≤ ML

≤ żewġ terzi tal-ML

≤ żewġ terzi tal-ML”.