8.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 316/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2397

tat-8 ta’ Diċembru 2022

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1183/2005 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 tat-18 ta' Lulju 2005 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Lulju 2005, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1183/2005.

(2)

Wara evalwazzjoni taċ-ċirkostanzi rilevanti u fid-dawl tal-gravitá tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li jiżdiedu tmien persuni mal-lista ta' persuni, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness Ia għar-Regolament (KE) Nru 1183/2005.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness Ia għar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness Ia għar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

V. RAKUŠAN


(1)  ĠU L 193, 23.7.2005, p. 1.


ANNESS

Il-persuni li ġejjin jiżdiedu mal-lista li tinsab fit-Taqsima A ("Persuni") tal-Anness Ia għar-Regolament (KE) Nru 1183/2005:

 

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta' Identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

"10

Ruvugayimikore PROTOGÈNE

magħruf ukoll bħala Ruhinda, Gaby Ruhinda, Zorro Midende

Data tat-twelid: 1968 jew 1969

Sess: Raġel

Funzjoni jew Professjoni: Mexxej tal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda-Forces Combattantes Abacunguzi (FLDR-FOCA); Mexxej tal-grupp Maccabé (li qabel kien magħruf bħala l-Commando de recherche et d'action en profondeur (CRAP)) tal-FDLR-FOCA

Ruvugayimikore Protogène huwa mexxej tal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar--Rwanda - Forces Combattantes Abacunguzi (FDLR-FOCA), grupp armat nongovernattiv li jopera fil-parti tal-Lvant tar-RDK. Huwa jmexxi, b'mod partikolari, il-grupp Maccabé (li qabel kien magħruf bħala l-Commando de recherche et d'action en profondeur (CRAP)) tal-FDLRFOCA.

L-FDLR-FOCA, inkluż il-grupp Maccabé, jikkontribwixxi għall-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK, b'mod partikolari permezz ta' vjolenza u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż attakki fuq persuni ċivili, qtil, vjolenza kontra t-tfal, stupri u atti oħra ta' vjolenza sesswali.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija tiegħu fl-FDLR-FOCA, Ruvugayimikore Protogène kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serja tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK

8.12.2022

11

Meddie NKALUBO

magħruf ukoll bħala Mohammed Ali Nkalubo, Abul Jihad; Punny Boy

Data tat-twelid: 1991, 1992 jew 1993

Nazzjonalità: Ugandiża

Sess: Raġel

Funzjoni jew professjoni: Mexxej għoli tal- Forzi Demokratiċi Alleati

Meddie Nkalubo huwa mexxej għoli tal-Forzi Demokratiċi Alleati (ADF), grupp armat mhux governattiv li jopera fl-Uganda u fil-parti tal-Lvant tar-RDK. Huwa ġie identifikat bħala persuna b’diversi responsabbiltajiet fl-ADF, fosthom il-komunikazzjoni u l-propaganda, ir-reklutaġġ, il-fabbrikazzjoni ta' armi, u relazzjonijiet mill-qrib mal-ISIL (Da'esh).

L-ADF jikkontribwixxu għall-konflitt armat, l-instabbilità u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK (b'mod partikolari fil-provinċji ta' Ituri u ta' Kivu tat-Tramuntana), partikularment permezz ta' vjolenza u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż attakki kontra persuni ċivili, qtil u ħtif.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija għolja tiegħu u d-diversi responsabbiltajiet tiegħu fl-ADF, Meddie Nkaluba huwa għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serja tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’sigurtà fir-RDK.

8.12.2022.

12

Justin BITAKWIRA

magħruf ukoll bħala Bihona-Hayi

Data tat-twelid: 5.12.1960

Post tat-twelid: Lemera, RDK

Nazzjonalità: RDK

Sess: Raġel

Funzjoni jew professjoni: Politiku, eks Ministru Nazzjonali u President tal-Alleanza għar-Repubblika u l-Kuxjenza Nazzjonali.

Justin Bitakwira huwa politiku Kongoliż, eks Ministru tal-gvern u membru tal-partit politiku "Unjoni għan-Nazzjon Kongoliż".

Fid-diskorsi pubbliċi tiegħu, huwa ripetutament inċita l-vjolenza u ħeġġeġ id-diskriminazzjoni u l-ostilità lejn il-komunità ta' Banyamulenge, li sfat fil-mira u ġiet attakkata minn gruppi armati.

Dawk id-diskorsi u n-narrattivi xewwiexa jikkontribwixxu biex jalimentaw il-konflitt u l-vjolenza fir-RDK, b'mod partikolari fir-reġjun ta' Hauts-Plateaux ikkaratterizzat minn konflitti interkomunali.

Għalhekk Justin Bitakwira huwa responsabbli għas-sosteniment tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK permenzz tal-inċitament għall-vjolenza

8.12.2022

13

Joseph Nganzo Olikwa TIPI

magħruf ukoll bħala: Colonel Tipi Ziro Ziro, Joseph Ngadjole, Joseph Nganzole Olikwa

Data tat-twelid: 10.11.1977

Post tat-twelid: Bunia Fataki, RDK

Nazzjonalità: RDK

Sess: Raġel

Grad: Kurunell tal-FARDC

Pożizzjoni: Viċi Kmandant tat-12-il Brigata ta' Reazzjoni Rapida f'Minembwe, eks Kmandant tat-312-il battaljun tal-31 Brigata tad-Difiża Ewlenija

Numru tal-karta tal-identità militari: 1-77-96-32692-76

Joseph Nganzo Olikwa Tipi kien il-Kmandant tat-312-il battaljun tal-31 Brigata tad-Difiża Ewlenija tal-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (FARDC) sa Jannar 2022.

Il-forzi tat-312-il battaljun taħt il-kmand u r-responsabbiltà tiegħu wettqu attakki fuq persuni ċivili u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari stupri ta' nisa bejn Ġunju u Diċembru 2021.

Joseph Nganzo Olikwa Tipi għadu uffiċjal għoli fil-FARDC, bħala Kurunell u Viċi Kmandant tat-12-il Brigata ta' Reazzjoni Rapida f'Minembwe (Kivu t'Isfel).

Minħabba l-funzjonijiet tiegħu, huwa responsabbli għall-ksur reċenti tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-FARDC.

Joseph Nganzo Olikwa Tipi huwa għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serja tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

8.12.2022

14

Désiré LONDROMA NDJUKPA

magħruf ukoll bħala: Désiré Lokana Lokanza

Sess: Raġel

Funzjoni jew professjoni: Uffiċjal tad-Difiża ('charge of defence') tal-CODECO URDPC

Désiré Londroma Ndjukpa huwa mexxej tal-Kooperattiva għall-Iżvilupp tal-Kongo/Unjoni ta' Rivoluzzjonarji għad-Difiża tal-Poplu Kongoliż (CODECO URDPC), identifikat bħala l-uffiċjal tad-difiża ('charge of defence') tiegħu u komexxej tal-fergħa politika tiegħu.

Il-CODECO URDPC huwa grupp armat mhux governattiv li jopera fil-parti tal-Lvant tar-RDK u li qed jikkontribwixxi għall-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK, b'mod partikolari permezz tal-vjolenza u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż qtil, vjolenza sesswali u attakki fuq persuni ċivili bħal attakki fuq il-kampijiet ta' persuni spustati internament, bejn nofs Novembru 2021 u Frar 2022, li b'mod partikolari kellhom fil-mira l-komunità Hema.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija fil-CODECO URDPC, Londroma Ndjukpa huwa għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serja tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK.

8.12.2022

15

Willy NGOMA

magħruf ukoll bħala: Major Willy NGOMA

Sess: Raġel

Funzjoni jew professjoni: Kelliem għall-Moviment tat-23 ta’ Marzu / Armata Rivoluzzjonarja Kongoliża (M23/ARC)

Willy Ngoma għandu l-pożizzjoni ewlenija ta' kelliem għall-Moviment tat-23 ta' Marzu/Armata Rivoluzzjonarja Kongoliża (M23/ARC), grupp armat mhux governattiv li jopera fil-parti tal-Lvant tar-RDK.

L-M23/ARC jikkontribwixxi għall-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK, b'mod partikolari permezz ta' vjolenza u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż qtil, attakki u vjolenza sesswali kontra persuni ċivili.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija tiegħu fl-M23/ARC, Willy Ngoma huwa għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serja tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK.

8.12.2022

16

William YAKUTUMBA

Data tat-twelid: 1970

Post tat-twelid: Lunbondia, Kivu t-Isfel, RDK

Nazzjonalità: RDK

Sess: Raġel

Funzjoni jew professjoni: mexxej tal-Coalition Nationale du Peuple pour la Souverainité du Congo (CNPSC); fundatur u mexxej tal-milizzja Mai-Mai Yakutumba.

William Yakutumba huwa s-Segretarju Ġenerali u Kmandant tal-Coalition Nationale du Peuple pour la Souverainité du Congo (CNPSC), koalizzjoni tal-hekk imsejħa milizzji Mai-Mai fil-provinċja ta' Kivu t'Isfel tar-RDK. Huwa l-fundatur u l-mexxej ta' waħda mill-akbar milizzji ta' dik il-koalizzjoni, il-Mai-Mai Yakutumba.

Il-Mai-Mai Yakutumba tikkontribwixxi għall-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK, b'mod partikolari permezz ta' vjolenza u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż massakri ta' popolazzjonijiet ta’ villaġġi, attakki fuq persuni ċivili, stupri u atti oħra ta' vjolenza sesswali.

Il-Mai-Mai Yakutumba tikkontrolla wkoll il-minjieri tad-deheb fil-parti tal-Lvant tar-RDK, flimkien mal-membri tas-CNPSC li jikkontrollaw ir-rotot tal-minjieri. Huma japprofittaw ruħhom mill-isfruttament illeċitu tad-deheb u mill-kummerċ tiegħu. Il-Mai-Mai Yakutumba tuża l-profitti li taqla' minn dak il-kummerċ biex tiffinanzja l-attivitajiet armati tagħha.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija tiegħu fis-CNPSC u fil-milizzja Mai-Mai Yakutumba, William Yakutumba huwa għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serja tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn u l-isfruttament tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK, inkluż permezz tal-isfruttament jew il-kummerċ illeċitu ta' riżorsi naturali.

8.12.2022

17

Alain François Viviane GOETZ

Data tat-twelid: 24.4.1965

Post tat-twelid: Deurne, Antwerp, Belgium

Nazzjonalità: Belġjana

Sess: Raġel

Alain Goetz huwa negozjant, li huwa s-sid benefiċjarju u l-eks direttur ta' African Gold Refinery Ltd., reġistrata fl-Uganda.

Sa mill-2016, African Gold Refinery Limited irċeviet, xtrat, irfinat u kkummerċjalizzat deheb illeċitu li joriġina minn minjieri fir-RDK li huma kkontrollati minn gruppi armati mhux governattivi, inkluż Mai-Mai Yakutumba u Raia Mutomboki, li huma involuti f'attivitajiet destabbilizzanti fil-provinċja ta' Kivu t'Isfel.

Għalhekk Alain Goetz qed jisfrutta l-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK permezz tal-isfruttament u l-kummerċ illeċitu ta' riżorsi naturali.

8.12.2022”