8.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 316/52


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2390

tas-7 ta’ Diċembru 2022

li jemenda d-dazju kompensatorju definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823 wara rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/309 (2), il-Kummissjoni imponiet dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (“l-investigazzjoni oriġinali”).

(2)

Fl-4 ta’ Ġunju 2018, wara rieżami interim parzjali (“l-ewwel rieżami interim”) dwar is-sussidjar tal-produtturi esportaturi kollha f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/823 (3) (“ir-Regolament tal-ewwel rieżami interim”), il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm il-miżuri kif stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali.

(3)

Fil-15 ta’ Mejju 2020, wara rieżami interim parzjali (“it-tieni rieżami interim”) f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/658 (4) (“ir-Regolament tat-tieni rieżami interim”), il-Kummissjoni emendat il-livell tad-dazju kompensatorju għal produttur esportatur wieħed.

(4)

Fil-25 ta’ Mejju 2021, wara rieżami ta’ skadenza f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku (“ir-rieżami ta’ skadenza”), il-Kummissjoni estendiet il-miżuri kif stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali (u kif emendati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/658) għal ħames snin oħra permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/823 (5) (ir-Regolament tar-rieżami ta’ skadenza”).

(5)

Id-dazji kompensatorji definittivi li huma fis-seħħ bħalissa jvarjaw minn 1,5 % sa 9,5 %.

1.2.   Bidu ta’ rieżami

(6)

Fuq inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda rieżami interim parzjali, b’evidenza suffiċjenti li ċ-ċirkostanzi fir-rigward tas-sussidjar li abbażi tiegħu ġew imposti l-miżuri eżistenti nbidlu, u li dawn il-bidliet kienu ta’ natura dejjiema.

(7)

B’mod aktar speċifiku, saru bidliet sinifikanti fl-istruttura u fit-termini tal-implimentazzjoni tas-sussidji mogħtija mill-Gvern Tork lill-produtturi tat-trota qawsalla mill-2016 ’l hawn. Dawn il-bidliet dehru li wasslu għal tnaqqis fis-sussidji diretti li rċevew il-produtturi Torok tat-trota qawsalla.

(8)

Il-Kummissjoni qieset li kien hemm biżżejjed evidenza li ċ-ċirkostanzi fir-rigward tas-sussidjar kienu nbidlu ħafna, li l-bidliet huma ta’ natura dejjiema, u għalhekk jenħtieġ li jsir rieżami tal-miżuri għall-produtturi esportaturi kollha.

(9)

Billi, wara li infurmat lill-Istati Membri, iddeterminat li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ rieżami interim parzjali, il-Kummissjoni ħabbret il-bidu ta’ rieżami skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku permezz ta’ Notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-20 ta’ Settembru 2021 (6) (“in-Notifika ta’ Bidu”).

1.3.   Perjodu ta’ investigazzjoni ta’ rieżami

(10)

L-investigazzjoni tas-sussidjar kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami” jew “RIP”).

1.4.   Partijiet interessati

(11)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni informat speċifikament lill-industrija tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-Gvern tat-Turkija (“GTT”) dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw.

(12)

Il-partijiet kollha ġew mistiedna jressqu l-fehmiet tagħhom, jissottomettu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fi żmien l-iskadenzi stabbiliti fin-Notifika ta’ Bidu. Il-partijiet interessati kellhom ukoll l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.5.   Kampjunar tal-esportaturi

(13)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li setgħet tieħu kampjuni tal-produtturi esportaturi f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

(14)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha fit-Turkija biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu.

(15)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tat-Turkija għall-Unjoni Ewropea biex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(16)

Tlettax-il produttur esportatur u gruppi ta’ produtturi esportaturi fit-Turkija pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Il-volum totali tal-esportazzjonijiet iddikjarat lejn l-Unjoni minn dawn il-kumpaniji ta’ ċerti troti qawsalla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kien jammonta għal 100 % tal-esportazzjonijiet mit-Turkija lejn l-Unjoni.

(17)

F’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ tliet produtturi esportaturi jew gruppi ta’ produtturi esportaturi abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li seta’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-kampjun kien jammonta għal aktar minn 60 % tal-bejgħ tal-esportazzjoni ddikjarat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(18)

F’konformità mal-Artikolu 27(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi kkonċernati magħrufa kollha u l-awtoritajiet Torok ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun.

1.6.   Kummenti dwar l-għażla tal-kampjun

(19)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand l-esportaturi li kkooperaw Selina Balık İşleme Tesisi İthalat İhracat ve Ticaret A.Ş, (“Selina Balik”) u Kılıç Deniz Ürünleri Üretimi İhracat İthalat ve Ticaret A.Ş. (“Kilic Deniz”) li talbu biex jiġu inklużi fil-kampjun.

(20)

Il-Kummissjoni ttrattat dawn it-talbiet f’Nota li tqiegħdet fil-fajl miftuħ fit-22 ta’ Ottubru 2021. Kif spjegat in-Nota, iż-żewġ talbiet ġew miċħuda, peress li l-kampjun intgħażel abbażi tal-akbar kwantità rappreżentattiva ta’ esportazzjonijiet li setgħet tiġi investigata b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

(21)

Selina Balik u Kilic Deniz ma kinux fost l-akbar produtturi esportaturi u b’hekk iż-żieda ta’ dawn il-kumpaniji mal-kampjun lanqas ma kienet se żżid b’mod sinifikanti r-rappreżentattività tal-kampjun, iżda setgħet ippreveniet it-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni.

(22)

Fil-11 ta’ Novembru 2021, l-Organizzazzjoni Daniża tal-Akkwakultura (“id-DAO”) li tirrappreżenta l-produtturi tal-Unjoni tat-trota qawsalla bagħtet sottomissjoni li fiha talbet lill-Kummissjoni tinkludi fil-kampjun lill-pixxikulturi tat-trota fuq skala iżgħar mit-Turkija, peress li l-iskemi ta’ sussidju kienu nbidlu biex jibbenefikaw il-pixxikulturi tat-trota fuq skala iżgħar aktar minn dawk akbar. F’dan ir-rigward, id-DAO nnotat li l-bidliet fl-iskemi ta’ sussidju dirett, b’mod partikolari l-impożizzjoni ta’ limiti tal-produzzjoni, żiedu b’mod effettiv is-sussidjar tal-pixxikulturi tat-trota fuq skala iżgħar.

(23)

Għalhekk, id-DAO talbet lill-Kummissjoni biex tibdel il-metodoloġija tal-għażla tal-kampjun, lil hinn mill-akbar kwantità ta’ esportazzjonijiet li tista’ tiġi investigata b’mod raġonevoli, u minflok tagħżel kampjun statistikament validu li fil-fehma tagħha jirrappreżenta b’mod preċiż id-diversità tal-produtturi Torok tat-trota. Madankollu, id-DAO ma pproponiet l-ebda esportatur speċifiku li kkoopera li jenħtieġ li jiġi inkluż fil-kampjun.

(24)

Il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba, peress li l-informazzjoni dwar il-kampjunar mitluba mill-esportaturi ma kienx fiha informazzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni tagħżel kampjun b’dak il-mod.

(25)

Il-bidliet fl-iskemi ta’ sussidju dirett, kif stabbilit fit-taqsima 4 hawn taħt, ġew riflessi fil-kalkolu tal-benefiċċju.

1.7.   It-talbiet għal ammont individwali ta’ sussidjar kumpensabbli għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun (“eżaminazzjoni individwali”)

(26)

Il-Kummissjoni rċeviet żewġ talbiet għal ammont individwali ta’ sussidjar kumpensabbli wara l-bidu tal-investigazzjoni skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku. Dawn it-talbiet saru fil-forma ta’ tweġiba mimlija għall-kwestjonarju.

(27)

L-ewwel talba ġiet mill-kumpanija Selina Balik.

(28)

Il-Kummissjoni aċċettat it-talba tagħha għal eżami individwali minħabba li kienet diġà qiegħda tirrieżamina s-sitwazzjoni tal-kumpanija f’rieżami interim parallel dwar l-istess prodott. Dan ir-rieżami interim inbeda fil-5 ta’ Frar 2021 (7). Madankollu, Selina Balik irtirat it-talba tagħha għal rieżami u l-Kummissjoni mbagħad itterminatha fl-10 ta’ Marzu 2022 (8).

(29)

Selina Balik kienet issottomettiet tweġiba sħiħa għall-kwestjonarju bl-istess perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami bħall-RIP (is-sena kalendarja 2020) ta’ dan ir-rieżami interim. Il-kumpanija qablet li l-informazzjoni pprovduta kellha tintuża fir-rieżami attwali. Il-Kummissjoni kienet diġà vverifikat fil-biċċa l-kbira l-informazzjoni sottomessa u l-kontroverifika mill-bogħod biss ma kinitx saret.

(30)

Għalhekk, fil-bidu ta’ din l-investigazzjoni, diġà kien hemm disponibbli informazzjoni sħiħa u l-investigazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ Selina Balik għall-finijiet tar-rieżami attwali.ma setgħetx titqies bħala ta’ piż kbir wisq.

(31)

It-tieni talba ġiet mill-kumpanija Kilic Deniz.

(32)

Is-sitwazzjoni ta’ Kilic Deniz kienet differenti minn dik ta’ Selina Balik. Ma kien hemm disponibbli l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju minn qabel u għalhekk il-ġbir tal-informazzjoni meħtieġa u l-analiżi tad-data pprovduta kienu jsiru kompletament matul din l-investigazzjoni kif u minbarra l-ġbir u l-analiżi tad-data mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

(33)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-aċċettazzjoni ta’ din it-talba tkun ta’ piż bla bżonn u tabilħaqq tipprevjeni t-tlestija tal-investigazzjoni fi żmien xieraq. Għalhekk, din it-talba għal eżami individwali ma ġietx aċċettata.

(34)

Wara l-iżvelar, Kilic Deniz issottomettiet kummenti li t-talba tagħhom għal eżami individwali kellha tiġi aċċettata bl-argument li din kienet ibbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dik tal-kumpanija Selina Balik. Kilic Deniz iddikjarat ukoll li l-fatt li Selina Balik kienet diġà ssottomettiet informazzjoni f’investigazzjoni parallela li kienet għaddejja ma għandux jitqies, peress li dan ikun diskriminatorju, u li għar-rieżami interim parzjali attwali, il-Kummissjoni rċeviet it-tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand Kılıç Deniz u Selina Balık fl-istess ħin.

(35)

Kif spjegat fil-Premessa 32, il-Kummissjoni qieset li s-sitwazzjoni taż-żewġ kumpaniji kienet differenti u għalhekk kien iġġustifikat ukoll li ż-żewġ kumpaniji jiġu ttrattati b’mod differenti.

(36)

Il-fatt li kien hemm rieżami parallel kontinwu li jħares lejn is-sitwazzjoni individwali ta’ Selina Balik li kopriet l-istess PIR bħar-rieżami attwali ppermetta li l-Kummissjoni tkun fil-pussess tal-istess sett ta’ data li kien ikun meħtieġ fir-rieżami attwali diġà fi stadju bikri.

(37)

Kif stabbilit fil-premessa 29 Selina Balik u l-kumpaniji relatati tagħhom kienu diġà ppreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju fir-rieżami interim tagħhom stess u kien tlesta proċess ta’ defiċjenza dwar id-data pprovduta. Il-proċess ta’ defiċjenza involva riżorsi sinifikanti peress li t-tweġiba għall-kwestjonarju kellha tiġi eżaminata fid-dettall u l-punti defiċjenti ġew identifikati u solvuti mal-kumpaniji.

(38)

Peress li Selina Balik awtorizzat lill-Kummissjoni biex tuża d-data ppreżentata fir-rieżami interim parallel, il-Kummissjoni setgħet tqis dik id-data bis-sħiħ f’din ir-reviżjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet l-allegazzjoni ta’ trattament diskriminatorju.

(39)

Kilic Deniz sostniet ukoll li l-Kummissjoni missha kkunsidrat li l-kumpanija tagħha diġà kellha esperjenza fil-kooperazzjoni mal-investigazzjonijiet antisussidji, peress li pparteċipat fl-investigazzjoni oriġinali, fit-tieni rieżami interim u fl-investigazzjoni dwar is-sussidju fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-ispnott u l-awrat minn Turkija fl-2015 li ġiet itterminata peress li l-iskema ta’ sussidju kkonċernata ġiet irtirata.

(40)

Fir-rigward ta’ din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni nnotat li l-għoti ta’ eżami individwali huwa relatat mal-piż fuq l-investigazzjoni, mhux mal-piż jew mal-esperjenza tal-kumpanija li titlob dan it-trattament.

(41)

Kilic Deniz ikkummentat ukoll li hija kienet ir-raba’ l-akbar produttur esportatur ta’ Turkija matul il-PIR u li kellha aktar bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea minn Selina Balık, li kellu jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni fl-għażla tagħha għal eżami individwali.

(42)

Il-Kummissjoni rrifjutat dan il-kumment, peress li din mhijiex kundizzjoni għall-għoti ta’ eżami individwali, iżda pjuttost jekk kumpanija għandhiex tiġi inkluża fil-kampjun tal-esportaturi. Kif spjegat fil-premessa 17 hawn fuq, dak il-kampjun kellu jkun limitat.

(43)

Kilic Deniz talbet ukoll li d-dazju emendat tagħha ta’ 1,5 % għandu jkun fis-seħħ għal ħames snin mid-data tal-emenda, u għalhekk ma setax jinbidel b’dan ir-rieżami.

(44)

Il-Kummissjoni nnotat li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li miżura kumpensatorja definittiva għandha tiskadi ħames snin mill-impożizzjoni tagħha. Id-dazju impost fuq l-importazzjonijiet minn Kilic Deniz ġie impost fit-28 ta’ Frar 2015 u għalhekk il-perijodu ta’ ħames snin jibda jiddekorri minn dik id-data.

(45)

It-tieni Regolament ta’ rieżami interim li aġġorna r-rata tad-dazju individwali ta’ Kilic Deniz minn 9,5 % għal 1,5 % sempliċiment emenda t-tabella fl-Artikolu 2 tar-Regolament oriġinali u ma għandu l-ebda effett fuq it-tul tal-miżuri li jibqgħu fis-seħħ f’livell partikolari. Għaldaqstant, it-talba ġiet miċħuda.

(46)

Kilic Deniz ikkummentat ukoll li d-dazju individwali eżistenti tagħhom ta’ 1,5 % li jirriżulta mit-tieni rieżami interim jenħtieġ li jinżamm irrispettivament mir-riżultati tar-rieżami interim attwali, minħabba li r-raġunijiet għall-bidu taż-żewġ rieżamijiet kienu l-istess u l-Kummissjoni ma wrietx li ċ-ċirkostanzi mibdula fir-rigward ta’ Kilic Deniz fil-PIR attwali kienu ta’ natura dejjiema biex jiġġustifikaw bidla fil-livell tad-dazju tagħha.

(47)

Il-Kummissjoni tirrifjuta wkoll din l-affermazzjoni ta’ Kilic Deniz li r-raġunijiet għal rieżami ta’ din l-investigazzjoni jaqblu ma’ dawk tar-rieżami li wassal għat-tieni Regolament dwar ir-rieżami interim.

(48)

Kif stabbilit fit-Taqsima 4 tan-Notifika ta’ Bidu (9) tagħhom, ir-raġunijiet għat-tieni rieżami interim huma speċifiċi għal Kilic Deniz u l-livell ta’ benefiċċju riċevut tagħhom. Ir-rieżami attwali nbeda abbażi ta’ bidliet li affettwaw lill-produtturi kollha fit-Turkija.

(49)

Fil-premessi 285 ’il quddiem, il-Kummissjoni wettqet analiżi tan-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula fir-rigward tal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-Regolament oriġinali.

(50)

Analiżi bħal din titwettaq fuq bażi nazzjonali, li tinkludi wkoll is-sitwazzjoni tal-produtturi esportaturi individwali li huma soġġetti għal sussidji riċevuti mill-GTT. L-argument li l-Kummissjoni ma kkunsidratx is-sitwazzjoni individwali ta’ Kilic Deniz għalhekk ġie miċħud.

(51)

Kilic Deniz allegat ukoll li l-Kummissjoni hija obbligata tiddetermina marġni individwali ta’ sussidju għal kull produttur esportatur magħruf, peress li l-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji tad-WTO ma għandux dispożizzjoni dwar it-teħid ta’ kampjuni.

(52)

Il-Kummissjoni tiċħad din l-allegazzjoni peress li t-teħid ta’ kampjuni huwa previst b’mod ċar fl-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

(53)

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni għamlitha ċara wkoll lill-partijiet interessati kollha li l-esportaturi kollha li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun jirċievu d-dazju medju jekk ma jingħatawx eżami individwali.

1.8.   Tweġibiet għall-kwestjonarji u nuqqas ta’ kooperazzjoni

(54)

Sabiex tikseb l-informazzjoni meqjusa bħala meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lit-tliet produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u lill-GTT. Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand it-tliet produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u mill-GTT. Waslu wkoll tweġibiet għall-kwestjonarju miż-żewġ produtturi esportaturi li talbu eżami individwali.

1.9.   Verifika

(55)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa għad-determinazzjoni tas-sussidjar.

(56)

Minħabba t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri konsegwenti li ttieħdu biex tiġi indirizzata (10), il-Kummissjoni madankollu ma setgħetx twettaq żjarat ta’ verifika fil-bini tal-kumpaniji kollha skont l-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku.

(57)

Minflok, il-Kummissjoni wettqet kontroverifiki mill-bogħod (“RCCs”) tal-informazzjoni pprovduta mill-kumpaniji li ġejjin:

 

Il-produtturi esportaturi u l-kumpaniji relatati:

Il-grupp Gumusdoga:

Gümüşdoğa Su Ürünleri Üretim İhracat İthalat A.Ş.

Akyol Su Ürünleri Üretim Taşımacılık Komisyon İthalat İhracat Pazarlama Sanayi Ticaret Ltd. Şti

Yerdeniz Su Ürünleri Sanayi ve Ticaret Ltd. Şti.

Bengi Su Ürünleri Sanayi ve Ticaret Limited Şirketi

Hakan Yem Üretim Ticaret ve Sanayi Limited Şirketi

Il-grupp Ozpekler:

Özpekler İnşaat Taahhüd Dayanıklı Tüketim Malları Su Ürünleri Sanayi ve Ticaret Limited Şirketi

Özpekler İthalat İhracat Su Ürünleri Sanayi ve Ticaret Ltd. Şti.

Il-grupp Fishark:

Fishark Su Ürünleri Üretim ve Sanayi Ticaret A.Ş.

Fishark Gıda Sanayi Ticaret A.Ş.

Kemer Su Ürünleri Üretim ve Ticaret A.Ş.

Il-grupp Selina Balik:

Selina Balık İşleme Tesisi İthalat İhracat Ticaret Anonim Şirketi

Selina Fish Su Ürünleri Ticaret Limited Şirketi

Ayhan Alp Alabalık Üretim ve Ticaret

 

Il-Gvern ta’ Turkija:

Il-Ministeru tal-Kummerċ, ir-Repubblika tat-Turkija

Il-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Forestrija, ir-Repubblika tat-Turkija

1.10.   Proċedura sussegwenti

(58)

Fil-25 ta’ Awwissu 2022 il-Kummissjoni ddivulgat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li jiġu emendati id-dazji kumpensatorji fis-seħħ (“id-divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar l-iżvelar.

(59)

Il-kummenti li għamlu l-partijiet interessati ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni u tqiesu, fejn xieraq. Il-partijiet li talbu dan ingħataw seduta ta’ smigħ.

(60)

Wara li rċeviet il-kummenti mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni adattat ċerti fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali u ntbagħtet “divulgazzjoni finali addizzjonali” lill-partijiet interessati kollha fit-23 ta’ Settembru 2022. Il-partijiet ingħataw perjodu ta’ żmien biex jikkummentaw.

(61)

Il-GTT talab konsultazzjonijiet mas-servizzi tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku u dawn saru fl-4 ta’ Ottubru 2022.

(62)

Wara l-kummenti li waslu mingħand il-partijiet interessati dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-Kummissjoni kkoreġiet żewġ żbalji kif deskritt fil-Premessi 306 u 135 il-bidliet li rriżultaw fil-kalkoli ġew divulgati lill-partijiet interessati rilevanti fis-6 ta’ Ottubru 2022. Il-partijiet ingħataw żmien addizzjonali biex jikkummentaw dwar dawn il-bidliet fil-kalkoli tas-sussidju tagħhom.

(63)

Gumusdoga, Fishark Ozpekler u Selina Balik, fil-kummenti tagħhom għat-tieni divulgazzjoni finali addizzjonali tennew l-affermazzjonijiet tagħhom diġà mqajma fiż-żewġ divulgazzjonijiet preċedenti. Dawk il-pretensjonijiet huma indirizzati f’dan ir-Regolament.

(64)

Barra minn hekk, Gumusdoga talbet u l-Kummissjoni aċċettat aġġornament minuri fil-fatturat tagħha, li kien soġġett għall-korrezzjoni kif deskritt fil-Premessa 306.

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI

(65)

Il-prodotti taħt rieżami huwa ċerti troti qawsalla (Oncorhynchus mykiss):

ħajjin li jiżnu 1,2 kg jew anqas kull waħda, jew

friski, imkessħa, iffriżati u/jew affumikati:

fil-forma ta’ ħuta sħiħa (bir-ras), imnaddfa mill-garġi jew le, imnaddfa mill-organi jew le, li tiżen 1,2 kg jew anqas kull waħda, jew

bir-ras maqtugħa, imnaddfa mill-garġi jew le, imnaddfa mill-organi jew le, li tiżen kg jew anqas kull waħda, jew

fil-forma ta’ fletti li jiżnu 400 g jew anqas kull waħda,

li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija (“il-pajjiż ikkonċernat”) u li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 0301 91 90, ex 0302 11 80, ex 0303 14 90, ex 0304 42 90, ex 0304 82 90 u ex 0305 43 00 (il-kodiċijiet TARIC 0301919011, 0302118011, 0303149011, 0304429010, 0304829010 u 0305430011).

(66)

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni saret taf bl-importazzjonijiet fl-UE ta’ fletti tat-trota affumikati bil-bżar li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija. Uħud minn dawn il-fletti ġew importati bħala prodott taħt rieżami li fuqu tħallsu d-dazji, u xi wħud ġew importati taħt intestatura tariffarja differenti (il-kodiċi NM 1604 19 10) li fuqha ma ġie impost l-ebda dazju.

(67)

Kemm il-produtturi esportaturi fit-Turkija kif ukoll l-industrija tal-Unjoni kkonfermaw li huma qiesu li l-fletti tat-trota affumikati bil-bżar ġew inklużi fl-ambitu tal-prodott ta’ din l-investigazzjoni u investigazzjonijiet preċedenti.

(68)

L-investigazzjoni wriet ukoll li ż-żieda sempliċi tal-bżar ma ċċaħħadx il-flett affumikat mill-karatteristiċi bażiċi ewlenin tiegħu. Abbażi ta’ dan u l-fatt li kien hemm ftehim bejn l-esportaturi u l-industrija tal-Unjoni dwar l-ambitu tal-prodott, il-Kummissjoni kkonkludiet li “fletti affumikati bil-bżar” huma tabilħaqq inklużi fl-ambitu tal-prodott.

(69)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tqis li l-fletti tat-trota affumikati bil-bżar huma parti mill-prodott taħt rieżami bħala “affumikati”. Sabiex jiġi evitat id-dubju, se jiġu imposti dazji fuq l-importazzjonijiet ta’ fletti tat-trota affumikati bil-bżar jekk jiġu ddikjarati taħt il-kodiċi doganali NM 1604 19 10 (TARIC 1604191011).

3.   BIDLA FL-ISEM

(70)

L-esportatur Lezita Balık A.Ş, TARIC, il-kodiċi addizzjonali TARIC B968, informa lill-Kummissjoni fid-9 ta’ Ġunju 2021 li kien bidel ismu għal Abalıoglu Balik ve Gıda Ürünleri Anonim Şirketi.

(71)

Il-kumpanija talbet lill-Kummissjoni biex tikkonferma li l-bidla fl-isem ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju kompensatorju applikata lilha skont l-isem tagħha preċedenti.

(72)

Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni fornuta u kkonkludiet li l-bidla fl-isem ġiet irreġistrata kif suppost mal-awtoritajiet rilevanti, (11) u ma wasslitx għal xi relazzjoni ġdida ma’ gruppi oħrajn ta’ kumpaniji li ma kinux investigati mill-Kummissjoni.

(73)

Il-Kummissjoni nnotat li l-kumpanija kkooperat ma’ dan ir-rieżami billi ssottomettiet formola ta’ kampjunar taħt l-isem il-ġdid tagħha Abalıoglu Balik ve Gıda Ürünleri Anonim Şirketi.

(74)

Għaldaqstant, din il-bidla fl-isem ma taffettwax is-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni u b’mod partikolari r-rata tad-dazju kompensatorju applikabbli għall-kumpanija.

(75)

Il-bidla fl-isem jenħtieġ li tidħol fis-seħħ mis-7 ta’ Lulju 2020, jiġifieri d-data li fiha l-kumpanija kienet bidlet isimha.

4.   SUSSIDJAR

(76)

Abbażi tas-sussidji investigati fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti, ġew investigati l-miżuri li ġejjin, li allegatament jinvolvu l-għoti ta’ programmi ta’ sussidju:

Appoġġ għall-produzzjoni tat-trota

Tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu

Eżenzjoni mill-VAT u mid-dazju doganali fuq makkinarju importat

Eżenzjoni mill-VAT fuq makkinarju mixtri domestikament

Programm ta’ appoġġ għall-Primjum tas-Sigurtà Soċjali

Self preferenzjali

Skema ta’ allokazzjoni tal-art

Assigurazzjoni għall-esportazzjoni preferenzjali

Frott tal-baħar ipproċessat

(77)

Għall-programm ta’ appoġġ għall-Primjum tas-Sigurtà Soċjali; l-iskema ta’ allokazzjoni tal-art u l-frott tal-baħar ipproċessat, il-Kummissjoni sabet li dawn l-iskemi ma pprovdew l-ebda benefiċċju lill-gruppi ta’ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u għalhekk ma ġewx investigati aktar.

(78)

Fil-11 ta’ Novembru 2021, id-DAO ssottomettiet kummenti dwar l-iskemi ta’ sussidju li se jinvestiga r-rieżami.

(79)

Is-sottomissjoni tad-DAO nnotat li l-iskemi ta’ sussidju li ġejjin kienu nbidlu jew ġew aġġornati mill-aħħar rieżami:

Għotjiet ta’ investiment għall-akkwakultura

Frott tal-baħar ipproċessat

krediti ta’ riskontar

it-trobbija tal-ħut f’għadajjar tal-ħamrija

il-pagamenti ta’ appoġġ għal servizzi ta’ pubblikazzjoni u ta’ konsultazzjoni agrikoli

assigurazzjoni appoġġata mill-istat

self appoġġat mill-istat

appoġġ għall-investiment agrikolu

eżenzjonijiet mill-VAT fuq il-frakass tal-fdal tal-ħut

Suq tal-Agrikoltura Diġitali

skemi ta’ appoġġ għall-irkupru tal-COVID

(80)

Il-Kummissjoni nnotat li l-iskemi fit-Turkija fil-fatt jinbidlu minn sena għal sena. Jekk tali bidla fi skema twassal għal bidla fil-livell ta’ benefiċċju għall-kumpaniji inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura jekk din il-bidla hijiex bidla dejjiema fiċ-ċirkostanzi. Jekk iva, il-Kummissjoni se taġġusta l-miżuri kif xieraq biex tqis il-bidla.

(81)

Madankollu, kif stabbilit hawn taħt, u anke fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti, xi wħud mill-iskemi elenkati mid-DAO jew ma għadhomx fis-seħħ, jew ma jipprovdux benefiċċju għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

4.1.   Appoġġ dirett lill-produtturi tat-trota

4.1.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(82)

Matul l-RIP, ingħata appoġġ dirett lill-produtturi tat-trota abbażi tad-Digriet Presidenzjali 2020/3190 (“id-Digriet 3190”) (12). Il-proċeduri u l-prinċipji fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Digriet ġew ipprovduti mill-Komunikat 2020/39 (“il-Komunikat 39”) maħruġ mill-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Forestrija (13).

(83)

L-iskema ta’ appoġġ dirett tkopri l-ispeċi tat-trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss). L-għan tal-iskema huwa li tikkumpensa l-ispejjeż tat-trobbija tat-trota qawsalla sal-limitu massimu tal-produzzjoni.

(84)

Il-Kummissjoni tqis li l-iskema ta’ appoġġ dirett hija mfassla biex tkun ta’ benefiċċju għat-trobbija tat-trota. Il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kemm jiġbru t-trota mrobbija tagħhom stess, kif ukoll jixtru t-trota minn bdiewa oħrajn fit-Turkija, u mbagħad jipproċessaw u jesportaw it-trota f’diversi preżentazzjonijiet lill-Unjoni Ewropea. Dawn il-preżentazzjonijiet, inklużi t-trota mnaddfa u mqatta’ fi flett, jiffurmaw il-prodott taħt rieżami.

(85)

L-ammont ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ “trota” (ta’ kwalunkwe daqs) ġie stabbilit għal 0,75 TL għal kull kg sa limitu ta’ 350 000 kg fis-sena.

(86)

L-ammont ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ “trota ta’ aktar minn kilogramma” ġie stabbilit għal 1,5 TL għal kull kg fl-istess limitu ta’ 350 000 kg fis-sena. Il-Komunikat għall-2020 jiddefinixxi “trota ta’ aktar minn kilogramma” bħala trota li tiżen aktar minn 1,25 kg kull waħda (14).

(87)

Dawn ir-rati ta’ sussidju għall-produzzjoni tat-trota huma l-istess rati li kienu fis-seħħ matul l-2019, il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami tar-rieżami ta’ skadenza.

4.1.2.   Bidliet fl-iskema ta’ appoġġ dirett maż-żmien

(88)

L-appoġġ għall-produzzjoni tat-trota huwa pprovdut abbażi tad-Digrieti u l-Komunikati Presidenzjali, li jinħarġu kull sena skont l-Artikolu 19 tal-Liġi Agrikola Nru 5488. Dawn id-Digrieti u Komunikati jbiddlu n-natura tal-appoġġ kull sena:

Tabella 1

Skema ta’ appoġġ dirett għat-trota

Sena

Skema ta’ appoġġ

Ammont ta’ appoġġ għal kull kg

2016

Trota sa 250MT

0,65 TL

 

Trota sa 500MT

0,325 TL

2017

Trota sa 250MT

0,75 TL

 

Trota sa 500MT

0,375 TL

 

Trota ta’ aktar minn kilogramma (pagament addizzjonali)

0,25 TL

2018

Trota sa 250MT

0,75 TL

 

Trota sa 500MT

0,375 TL

 

Trota ta’ aktar minn kilogramma sa 250MT (pagament addizzjonali)

0,25 TL

 

Trota ta’ aktar minn kilogramma sa 500MT (pagament addizzjonali)

0,125 TL

2019

Trota sa 350MT

0,75 TL

 

Trota ta’ aktar minn kilogramma sa 350MT

1,5 TL

2020 (RIP)

Trota sa 350MT

0,75 TL

 

Trota ta’ aktar minn kilogramma sa 350MT

1,5 TL

(89)

Matul l-investigazzjoni oriġinali, l-iskema kienet tikkonsisti minn pagament ta’ appoġġ lill-pixxikulturi tat-trota abbażi tal-kwantità mrobbija tat-trota kollha irrispettivament minn kwalunkwe daqs, bil-benefiċċju għal kull kilogramma mrobbija mħallas f’żewġ rati separati abbażi tal-kwantità mrobbija sa 500 tunnellata fis-sena.

(90)

Għas-sena tal-produzzjoni 2017, il-GTT żied pagament żgħir ta’ 0,25 TL għal kull kilogramma għat-trota mrobbija b’piż ta’ aktar minn kilogramma, magħrufa bħala “trota ta’ aktar minn kilogramma”. Dan il-pagament addizzjonali għadu japplika għall-prodott taħt rieżami li jista’ jiżen sa 1,2 kilogramma meta mrobbi.

(91)

Wara diskussjoni mal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni ta’ “trota ta’ aktar minn kilogramma” matul l-ewwel rieżami interim (ara l-premessi 40 sa 45 tar-Regolament tal-ewwel rieżami interim), il-GTT iddefinixxa mill-ġdid it-“trota ta’ aktar minn kilogramma” fl-2018 bħala trota li tiżen aktar minn 1,25 kilogramma meta mrobbija.

(92)

Fl-2019, il-GTT neħħa l-pagament addizzjonali għal “trota ta’ aktar minn kilogramma” u minflok qasam l-iskema fi tnejn, pagament ta’ 0,75 TL għal kull kilogramma għal “trota” (ta’ kwalunkwe daqs), u pagament ta’ 1,5 TL għal kull kilogramma għal “trota ta’ aktar minn kilogramma”.

(93)

Il-GTT naqqas ukoll il-limitu massimu minn 500 tunnellata għal 350 tunnellata fis-sena, u llimita l-ħlasijiet ta’ sussidju għal liċenzja waħda għal kull reġjun. Il-limitu massimu tal-produzzjoni ta’ 350 tunnellata japplika għall-produzzjoni tat-trota kollha fl-istess liċenzja tat-trobbija.

(94)

Fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami attwali, il-Kummissjoni stabbiliet li tnejn minn kull tliet kumpaniji inklużi fil-kampjun kienu qegħdin ikabbru d-daqsijiet kollha ta’ trota fl-istess faċilitajiet u bl-istess liċenzja ta’ trobbija, u rċevew iż-żewġ rati bħala riżultat.

(95)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-pixxikulturi tat-troti jistgħu japplikaw għar-rata li tikkorrispondi għat-“trota” (ta’ kwalunkwe daqs) jew għar-rata għat-“trota ta’ aktar minn kilogramma”, skont il-piż tat-trota mrobbija. Minħabba r-rata ogħla ta’ appoġġ għal “trota ta’ aktar minn kilogramma”, il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li jrabbu t-trota li tiżen aktar minn 1,25 kilogramma applikaw fil-biċċa l-kbira tal-każijiet għar-rata għal “trota ta’ aktar minn kilogramma”.

(96)

B’riżultat ta’ dan, kien hemm irduppjar tal-produzzjoni sussidjata ta’ “trota ta’ aktar minn kilogramma” f’kg u l-ammont ta’ sussidju mħallas lill-pixxikulturi tat-trota fit-TL taħt din l-iskema mill-2019 sal-2020 u bidla ċara għat-trobbija tat-trota b’daqs akbar.

(97)

Filwaqt li qieset kemm is-sussidju tat-“trota” (ta’ kwalunkwe daqs) kif ukoll is-sussidju tat-“trota ta’ aktar minn kilogramma” imħallas, il-Kummissjoni sabet li s-sussidjar mill-GTT kien fil-fatt żdied b’59 punt perċentwali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 2

Bidliet fil-kwantità u fl-ammonti ta’ sussidju 2017-2020

 

2017

2018

2019

2020 RIP

produzzjoni sussidjata tat-“trota kollha” (kg)

62 461 873

53 390 032

48 859 007

44 991 877

produzzjoni sussidjata tat-“trota ta’ aktar minn kilogramma” (kg)

6 075 006

14 175 924

15 261 470

30 102 632

Produzzjoni totali sussidjata (kg)

68 536 879

67 565 956

64 120 477

75 094 509

Indiċi

100

99

94

110

sussidju tat-“trota kollha” (TL)

42 948 500

36 900 761

35 769 405

32 547 179

sussidju tat-“trota ta’ aktar minn kilogramma” (TL)

5 017 996

11 953 949

22 428 846

43 742 770

Sussidju totali mħallas (TL)

47 966 496

48 854 710

58 198 251

76 289 949

Indiċi

100

102

121

159

(98)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-adattament tal-iskema ma nbidilx fis-sustanza tas-sussidjar sottostanti u – jekk xejn – żied il-livell tagħha. Irriżulta li la kien hemm raġuni finanzjarja u lanqas ekonomika għaliha.

4.1.3.   Konklużjoni dwar l-applikabilità ta’ miżuri kompensatorji

(99)

Il-pagamenti ta’ appoġġ dirett lill-produtturi tat-trota jammontaw għal sussidji kumpensabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(i) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri trasferiment dirett ta’ fondi mill-GTT lill-produtturi tat-trota.

(100)

Is-sussidji diretti huma speċifiċi u kumpensabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku bħala l-awtorità awtorizzanti, u l-leġiżlazzjoni li skontha topera l-awtorità awtorizzanti, tillimita b’mod espliċitu l-aċċess għal dawn l-għotjiet lil intrapriżi li joperaw fis-settur tal-akkwakultura. L-intrapriżi involuti fl-akkwakultura huma msemmija b’mod espliċitu u t-trota hija indikata b’mod ċar bħala waħda mill-ispeċijiet li jibbenefikaw minn din l-iskema ta’ sussidju.

(101)

Il-Kummissjoni stabbiliet li l-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ibbenefikaw minn din l-iskema kemm għar-rati ta’ 0,75 TL (“trota” ta’ kwalunkwe daqs) għal kull kg kif ukoll għal 1,5 TL (trota ta’ aktar minn kilogramma) għal kull kg matul l-RIP.

(102)

Fl-investigazzjoni oriġinali ma kien hemm l-ebda rata separata ta’ sussidju għat-trobbija ta’ “trota ta’ aktar minn kilogramma” u għalhekk ma tqajmitx din il-kwistjoni. F’rieżamijiet sussegwenti, inkluż ir-rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi xi benefiċċju riċevut għat-trobbija tat-trota ta’ aktar minn 1,25 kg, peress li l-kumpaniji fil-kampjun ma rabbewx “trota ta’ aktar minn kilogramma” (15).

(103)

F’din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbilit li tnejn mit-tliet produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun rabbew it-trota mrobbija ta’ kull daqs bl-istess liċenzja tat-trobbija matul l-RIP, u għalhekk ibbenefikaw miż-żewġ rati ta’ sussidjar.

(104)

Il-Kummissjoni nnotat li t-trota titrabba fl-istess faċilitajiet ta’ produzzjoni, li huma vaski u gaġeġ ibbażati fuq l-art fil-lagi, jew fuq il-baħar. Kemm it-trota iżgħar kif ukoll dik akbar jiġu mrobbija fl-istess faċilitajiet, jimmaturaw fl-istess vaski, u jirċievu l-istess ikel. Kwalunkwe trota taħt il-1,25 kg hija suxxettibbli li ssir trota ta’ aktar minn 1,25 kg. L-unika differenza hija li t-trota akbar tinqabad aktar tard biex tkun tista’ tikber sad-daqs meħtieġ.

(105)

Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa 45 tar-Regolament tal-ewwel rieżami interim, “l-Artikolu 4(f) tal-Komunikat Nru 2017/38 jagħti s-sussidju lill-pixxikultur ‘fil-ġbir’ ”. Anke jekk it-Turkija kellha l-ħsieb li tirrestrinġi s-sussidju għat-trota ta’ aktar minn 1,25 kg fl-2018, ma hemm l-ebda kriterju legali fid-digriet li jeskludi s-sussidju meta t-trota tinbiegħ f’forma oħra. Skont l-informazzjoni li waslet, hija prattika komuni fl-industrija li tipproċessa xi wħud mit-troti l-kbar imrobbija u li tbigħhom bħala l-prodott ikkonċernat, pereżempju fil-forma ta’ fletti”.

(106)

Għalhekk, kwalunkwe benefiċċju riċevut għat-trobbija ta’ trota akbar huwa marbut awtomatikament mat-trobbija ta’ trota iżgħar ukoll. Irrispettivament minn jekk trota bbenefikatx minn rata waħda jew l-oħra, l-appoġġ dirett jingħata għall-ħsad tat-troti, li huwa l-prodott taħt rieżami (ħaj jew mejjet u pproċessat f’diversi forom). Kwalunkwe benefiċċju għat-trota huwa preżenti wkoll meta tinbiegħ fil-forma ta’ fletti, li ma humiex distinti abbażi tad-daqs tat-trota mrobbija.

(107)

Iż-żewġ rati ta’ sussidjar huma soġġetti għat-trobbija tat-trota. Il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-liċenzja tat-trobbija jirreferu għat-trota ta’ kull daqs u l-benefiċċju li jirriżulta miż-żewġ rati ta’ appoġġ jitħallas lill-pixxikulturi f’pagament uniku u jiġi rreġistrat fil-kont tal-introjtu ġenerali tal-kumpanija.

(108)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li fl-2020 l-iżborżi mħallsa lill-pixxikulturi tat-trota jammontaw għall-appoġġ dirett totali riċevut għat-trobbija tat-troti, inkluż il-prodott taħt rieżami.

4.1.4.   Ammont ta’ sussidju għall-produzzjoni proprja

(109)

Il-benefiċċju għal kull kumpanija kien l-ammont ta’ appoġġ dirett riċevut abbażi tar-rati li jikkonċernaw kemm il-produzzjoni tat-“trota” (ta’ kwalunkwe daqs) kif ukoll “trota ta’ aktar minn kilogramma” matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Il-kumpaniji pprovdew informazzjoni dwar l-ammont tal-appoġġ riċevut, u mingħand min u li għalih ġiet riċevuta produzzjoni speċifika.

(110)

L-ammont ta’ appoġġ dirett riċevut għall-produzzjoni tat-trota ta’ kull daqs taħt iż-żewġ rati ta’ appoġġ ġie diviż bil-kwantità totali mrobbija tat-trota biex jiġi stabbilit l-ammont ta’ sussidju fit-TL għal kull kilogramma ta’ trota.

4.1.5.   Ammont ta’ sussidju għat-trota mixtrija

(111)

L-investigazzjoni oriġinali (16) sabet li l-benefiċċju ta’ dawn is-sussidji baqa’ wkoll għax-xiri ta’ trota magħmul mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun minn il-pixxikulturi mhux relatati fit-Turkija għall-ipproċessar, peress li l-prodott taħt rieżami jkopri kemm il-materja prima direttament issussidjata, jiġifieri t-trota ħajja, kif ukoll il-prodotti downstream, bħat-trota sħiħa friska jew iffriżata, il-fletti u t-trota affumikata.

(112)

Il-benefiċċju għat-trota mixtrija ġie kkalkolat fl-investigazzjoni oriġinali abbażi tal-ammont totali ta’ sussidju mogħti mill-awtoritajiet Torok diviż bl-ammont totali tal-produzzjoni tat-trota fit-Turkija.

(113)

Il-Kummissjoni nnotat li fir-rieżami ta’ skadenza (17) s-sejba li l-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun irċevew benefiċċju mix-xiri tat-trota ġiet ikkonfermata. Il-benefiċċju ġie kkalkolat abbażi tal-ammont totali ta’ sussidju mogħti diviż bl-ammont totali ta’ produzzjoni ta’ trota sussidjata fit-Turkija.

(114)

Madankollu, is-sejbiet fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti kienu bbażati fuq informazzjoni ġenerali għall-pajjiż kollu pprovduta mill-GTT u ma qisux is-sitwazzjoni speċifika tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. F’rieżami ta’ skadenza, tali sejba dettaljata ma hijiex meħtieġa, peress li rieżami ta’ skadenza jeħtieġ biss li jistabbilixxi l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tas-sussidjar iżda l-ebda marġini kompensatorju preċiż.

(115)

F’dan ir-rieżami interim, l-ebda parti interessata ma kkontestat li l-produtturi esportaturi għadhom jibbenefikaw mis-sussidjar meta jixtru t-trota mingħand pixxikulturi humiex relatati. Il-GTT ipprovda data dwar il-livell ta’ sussidjar għall-2020 għal kull pixxikultur tat-troti kemm taħt iż-0,75 TL (“trota” ta’ kwalunkwe daqs) kif ukoll taħt il-1,5 TL (trota ta’ aktar minn kilogramma). Din id-data ġiet imqabbla mal-listi tax-xiri tat-tliet produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, u l-Kummissjoni sabet kif ġej:

(a)

5 % tax-xiri skont il-kwantità ġie minn pixxikulturi li ma rċevewx sussidju, jew fejn ma setgħetx tinstab id-data;

(b)

49 % tax-xiri skont il-kwantità ġie minn pixxikulturi fejn il-kwantità tal-produzzjoni kienet ogħla mil-limitu massimu ta’ produzzjoni ta’ 350 tunnellata fis-sena u għalhekk xi ftit mill-produzzjoni tagħhom ma ġietx issussidjata; u

(c)

46 % tax-xiri skont il-kwantità ġie minn pixxikulturi fejn il-kwantità tal-produzzjoni kienet taħt il-limitu massimu tal-produzzjoni ta’ 350 tunnellata fis-sena u għalhekk il-produzzjoni kollha tagħhom tqieset li kienet issussidjata.

(116)

Għall-produzzjoni fl-2020, is-sussidju għal kull kilogramma ta’ trota ta’ kull daqs ġie kkalkolat għal 0,53 TL għal kull kg jekk titqies il-produzzjoni kollha, u 1,02 TL għal kull kg jekk titqies biss il-produzzjoni ssussidjata.

4.2.   Appoġġ dirett lill-produtturi tat-troti – kummenti riċevuti dwar is-sussidju tal-produzzjoni

(117)

Wara d-divulgazzjoni, il-GTT, il-produtturi esportaturi fil-kampjun, Selina Balik u Kilic Deniz kollha kkummentaw dwar is-sejbiet tal-Kummissjoni rigward l-appoġġ dirett lill-produtturi tat-troti.

(118)

Dawn il-partijiet prinċipalment ikkontestaw l-inklużjoni fil-kalkolu tas-sussidju tal-benefiċċju mħallas lill-produtturi fil-kampjun u lil Selina Balik għall-ħsad ta’ “trota ta’ aktar minn kilogramma”, peress li dan il-benefiċċju ma kienx ġie inkluż fil-kalkoli tas-sussidju tal-investigazzjonijiet preċedenti. Huma argumentaw ukoll li “trota ta’ aktar minn kilogramma” mhijiex parti mill-prodott taħt rieżami, u lanqas ma ġiet inkluża fil-kwestjonarju maħsub għall-produtturi esportaturi.

(119)

Kif stabbilit hawn fuq fit-Taqsima 4.1.3, il-Kummissjoni kkonfermat il-bidla fiċ-ċirkostanzi fir-rigward tal-ħlas tal-benefiċċju għall-ħsad tat-troti, b’mod partikolari mill-investigazzjoni oriġinali iżda wkoll mill-PIR tar-rieżami ta’ skadenza preċedenti. Filwaqt li fil-passat ingħata appoġġ dirett abbażi ta’ kilogrammi ta’ produzzjoni mingħajr ebda distinzjoni dwar id-daqs tat-trota, il-GTT progressivament għadda għal sistema ta’ żborżi abbażi ta’ rati ta’ appoġġ differenti skont id-daqs tat-trota maħsuda. Għalhekk, iċ-ċirkostanzi fil-PIR urew b’mod ċar li l-bdiewa tat-troti f’Turkija bbenefikaw miż-żewġ rati ta’ sussidju mħallas taħt din l-iskema meta kienu qed ikabbru u jaħsdu l-prodott taħt rieżami.

(120)

Selina Balik argumentat li l-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata tespandi l-ambitu tal-prodott tar-rieżami attwali billi tinkludi “trota iktar minn kilogramma”.

(121)

Il-Kummissjoni tinnota li l-ambitu tal-prodott baqa’ l-istess bħal f’investigazzjonijiet preċedenti, jiġifieri l-produzzjoni ta’ troti, ħajjin jew mejtin u f’diversi forom ipproċessati. Jekk ir-rata ta’ sussidju hijiex kontinġenti fuq id-daqs speċifiku tat-trota maħsuda ma tbiddilx in-natura u l-operat tagħha, fis-sens li tibbenefika l-produzzjoni tat-troti, li mbagħad tinbiegħ f’diversi forom. Din l-affermazzjoni ġiet għalhekk miċħuda.

(122)

Il-partijiet ikkontestaw ukoll is-sejbiet tal-Kummissjoni li “trota ta’ aktar minn kilogramma” tista’ tiġi pproċessata aktar fi fletti li huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott taħt rieżami. Dawn il-partijiet argumentaw li s-sejbiet kif stabbiliti fil-premessa 45 tal-ewwel Regolament ta’ rieżami interim li l-Kummissjoni rreferiet għalihom fid-divulgazzjoni finali, ma ġewx divulgati lill-partijiet interessati matul l-ewwel rieżami interim u għalhekk il-partijiet ma setgħux jikkummentaw dwarhom. Huma tennew li, fi kwalunkwe każ, l-ebda benefiċċju ma kien ġie kkalkulat għal “trota ta’ aktar minn kilogramma” fi kwalunkwe waħda mill-investigazzjonijiet preċedenti.

(123)

Il-partijiet kellhom biżżejjed żmien biex jipprovdu kummenti dwar il-premessa 45 tal-ewwel Regolament interim wara d-divulgazzjoni finali fir-rieżami preżenti. Għalhekk, dan l-argument ġie miċħud.

(124)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-proporzjonijiet ta’ Ekwivalenti ta’ Ħut Sħiħ (“WFE”) użati f’dan il-każ kienu l-istess bħal dawk użati fl-investigazzjoni oriġinali. Dawn dejjem ippermettew b’mod ċar li “trota ta’ aktar minn kilogramma” tiġi pproċessata fil-prodott taħt rieżami, kif ġej, filwaqt li nnotaw li ħuta waħda tipproduċi żewġ fletti:

Preżentazzjoni bħala prodott taħt rieżami

Proporzjon ta’ Ekwivalenti ta’ Ħut Sħiħ

Limitu tal-piż għall-ħut sħiħ

Ħut ħaj sa 1,2 kg

1,00

1,2  kg

Ħut imnaddaf, bir-ras sa 1,2 kg

0,85

1,4  kg

Ħut imnaddaf, bir-ras sa 1 kg

0,75

1,3  kg

Fletti friski, imkessħin jew iffriżati sa 400 g

0,47

1,7  kg

Fletti affumikati, sa 400 g

0,40

2  kg

(125)

Dan il-fatt ġie nnutat b’mod ċar mill-esportatur Selina Balik, li fil-kummenti tiegħu għall-iżvelar finali jiddikjara li “minħabba n-natura intrinsika tal-prodott [taħt rieżami] trota kbira tista’ tiġi pproċessata fi fletti li jaqgħu fl-ambitu tal-prodott [taħt rieżami].”

(126)

L-affermazzjoni li l-ebda benefiċċju ma ġie kkalkulat għal “trota ta’ aktar minn kilogramma” f’investigazzjonijiet preċedenti, u li l-ebda benefiċċju għalhekk jenħtieġ li ma jiġix ikkalkulat fir-reviżjoni preżenti, għandha tiġi miċħuda peress li ċ-ċirkostanzi nbidlu. Fir-rieżami ta’ skadenza ż-żewġ esportaturi fil-kampjun ma rċevew l-ebda benefiċċju mir-rata ta’ sussidju maħsuda ta’ 1,5 TL għal kull kilogramm. Fil-PIR ta’ din ir-reviżjoni, huma għamlu dan.

(127)

Żewġ produtturi esportaturi fil-kampjun argumentaw ukoll li ma pproduċewx u lanqas ma biegħu xi fletti li ġejjin minn “trota ta’ aktar minn kilogramma” matul il-PIR u għalhekk talbu lill-Kummissjoni tirrevedi l-kalkolu tas-sussidju dirett tagħhom kif xieraq billi teskludi “trota ta’ aktar minn kilogramma”.

(128)

Il-Kummissjoni nnotat li ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza biex issostni din l-affermazzjoni. B’kuntrast ma’ dan, l-investigazzjoni stabbiliet li dawn iż-żewġ produtturi esportaturi fil-kampjun kisbu żborżi taħt iż-żewġ rati fi ħdan l-iskema ta’ sussidju dirett għat-troti fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Għalhekk huma ħasdu t-troti ta’ kull daqs. Minħabba l-proporzjonijiet Ekwivalenti ta’ Ħut Sħiħ stabbiliti fit-tabella fil-premessa 119, “trota ta’ aktar minn kilogramma” maħsuda jistgħu jiġu pproċessati f’forom bħal fletti u ħut imnaddaf. Għalhekk, dan l-argument ġie miċħud.

(129)

Tnejn mill-produtturi esportaturi fil-kampjun sostnew ukoll li l-biċċa l-kbira tat-“trota ta’ aktar minn kilogramma” ġiet esportata lejn ir-Russja u l-Ġappun u għalhekk is-sussidju riċevut għal “trota ta’ aktar minn kilogramma” ma għandux jiġi kkumpensat għall-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni.

(130)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx dan l-argument. Kif spjegat qabel, il-Kummissjoni qieset li l-iżborżi riċevuti taħt iż-żewġ rati ta’ sussidju għall-ħsad tat-troti huma ta’ benefiċċju għat-troti kollha li mbagħad jinbiegħu. L-ammont ta’ sussidju għal kull kilogramma ta’ trota ta’ kwalunkwe daqs esportat lejn ir-Russja u l-Ġappun huwa għalhekk l-istess bħall-ammont ta’ sussidju għal kull kilogramma ta’ trota ta’ kwalunkwe daqs esportat lejn l-Unjoni Ewropea.

(131)

Fl-aħħar nett, il-produtturi esportaturi fil-kampjun ikkontestaw is-sejbiet tal-Kummissjoni stabbiliti fil-Premessa 96, li kwalunkwe benefiċċju riċevut għall-biedja ta’ “trota ta’ aktar minn kilogramma” huwa awtomatikament konness ukoll mal-biedja ta’ troti iżgħar, bl-argument li

il-proċessi ta’ produzzjoni għal “trota ta’ aktar minn kilogramma” huma ferm itwal milli għal troti iżgħar u jġarrbu spejjeż ogħla;

“trota ta’ aktar minn kilogramma” u troti iżgħar qed jikkompetu ma’ xulxin;

il-bdiewa ma jistgħux jipproduċu “trota ta’ aktar minn kilogramma” u troti iżgħar fl-istess ħin fl-istess azjenda agrikola; u

“trota ta’ aktar minn kilogramma” huma fil-biċċa l-kbira prodotti fil-Baħar l-Iswed aktar milli f’għadajjar interni.

(132)

Il-Kummissjoni tinnota li l-proċess tal-produzzjoni huwa itwal għal “trota ta’ aktar minn kilogramma”, u huwa għalhekk li s-sussidju fiż-żmien tal-ħsad huwa ta’ 1,5 TL għal kull kilogramma minflok l-istandard ta’ 0,75 TL għal kull kilo. Madankollu, il-bdiewa tat-troti jibbenefikaw mill-ħlasijiet totali li saru taħt iż-żewġ rati ta’ sussidju.

(133)

L-affermazzjoni li “trota ta’ aktar minn kilogramma” u troti iżgħar jikkompetu ma’ xulxin ma tidhirx li għandha rilevanza għall-allokazzjoni tal-benefiċċju mill-iskema ta’ sussidju dirett għall-prodott taħt rieżami. Il-kompetizzjoni sempliċiment tiggwida lill-bidwi biex jagħmel l-għażla li juża l-għadajjar tiegħu biex jaħsad daqs speċifiku ta’ troti.

(134)

Il-bdiewa jipproduċu troti fi kwalunkwe daqs taħt l-istess liċenzja tal-biedja, u jirċievu żborż wieħed taħt iż-żewġ rati ta’ sussidju.

(135)

Abbażi tal-kummenti riċevuti mill-kumpanija Selina Balik wara d-divulgazzjoni finali u d-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-Kummissjoni kkoreġiet żbalji klerikali fiċ-ċifri tal-produzzjoni totali tal-kumpanija f’konformità mas-sejbiet tal-RCC.

(136)

Madankollu, Selina Balik ikkontestat li l-Kummissjoni għal waħda miż-żewġ kumpaniji agrikoli f’dan il-grupp kienet użat ammont ta’ benefiċċju ta’ sussidju dirett differenti minn dak iddikjarat fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju. Barra minn hekk, Selina Balik talbet lill-Kummissjoni tnaqqas l-ispejjeż bankarji mħallsa għat-tranżazzjonijiet mill-ammont tal-benefiċċju tas-sussidju dirett.

(137)

Iż-żewġ affermazzjonijiet ma ntlaqgħux. L-ewwel nett, għall-produtturi kollha soġġetti għal din l-investigazzjoni (inkluża Selina Balik), il-Kummissjoni użat id-data vverifikata dwar l-ammonti ta’ sussidju żborżati pprovduti mill-GTT. Selina Balik ma pprovdiet l-ebda informazzjoni jew evidenza li tiġġustifika jew tispjega d-differenza bejn l-ammont iddikjarat fit-tweġiba għall-kwestjonarju u l-ammont ipprovdut mill-GTT, għalhekk il-Kummissjoni qagħdet fuq id-data pprovduta mill-GTT. Dawn tal-aħħar ġew ivverifikati mill-Kummissjoni u fil-każijiet l-oħra kollha qablu mad-data rrappurtata mill-kumpaniji fil-kampjun. Għalhekk intużaw b’mod konsistenti bħala bażi għall-kalkolu tal-benefiċċju tas-sussidju dirett. It-tieni, Selina Balik naqset milli turi li l-imposti bankarji mġarrba tħallsu direttament lill-GTT matul il-PIR. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li dawk l-imposti tħallsu lil partijiet terzi (eż. il-banek) u ma koprew l-ebda aġġustament permess skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku.

(138)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-GTT tenna li “trota ta’ aktar minn kilogramma” mhijiex prodott taħt rieżami; li l-proċess ta’ produzzjoni tiegħu huwa differenti minn dak ta’ trota iżgħar; u li jaqgħu taħt kodiċijiet HS u NM differenti minn troti iżgħar. Dawn l-affermazzjonijiet reġgħu ġew miċħuda għar-raġunijiet stabbiliti fil-Premessa 113 ’il quddiem.

(139)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li l-iżborżi li saru għall-ħsad ta’ “trota ta’ aktar minn kilogramma” huma koperti mid-definizzjoni tal-prodott taħt rieżami. Il-prodott li qed jiġi rieżaminat huwa trota, ħajja jew mejta, ipproċessat taħt diversi forom, inklużi fletti. Jekk il-benefiċċji mogħtija permezz ta’ appoġġ dirett lil “trota ta’ aktar minn kilogramma” ma jiġux ikkunsidrati, id-dazji kumpensatorji li jirriżultaw ma jkoprux il-prodott kollu taħt rieżami (esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ troti pproċessati).

4.3.   Appoġġ dirett lill-produtturi tat-troti — kummenti dwar is-sussidju tat-troti mixtrija

4.3.1.   Kummenti wara d-divulgazzjoni finali

(140)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-GTT, il-produtturi esportaturi fil-kampjun, u l-kumpanija Selina Balik ikkontestaw il-kalkolu tal-benefiċċju indirett li l-produtturi esportaturi fil-kampjun u Selina Balik irċevew għax-xiri ta’ troti minn bdiewa oħra tat-troti fit-Turkija.

(141)

Dawn il-partijiet interessati sostnew ukoll li l-metodoloġija għall-kalkolu tas-sussidju riċevut għat-troti mixtrija kienet differenti mill-metodoloġija użata f’investigazzjonijiet preċedenti, filwaqt li ma kienx hemm ċirkostanzi mibdula li jiġġustifikaw bidla bħal din fil-metodoloġija. Huma argumentaw li s-sussidji riċevuti għal “trota ta’ aktar minn kilogramma” għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju riċevut fil-PIR attwali.

(142)

Selina Balik b’mod partikolari nnotat li dejjem kien hemm bdiewa ta’ troti li pproduċew taħt il-limitu massimu tal-produzzjoni, iżda dan ma kienx intuża biex jiġi kkalkulat il-benefiċċju għat-troti mixtrija f’investigazzjonijiet preċedenti.

(143)

F’investigazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-bdiewa kollha fit-Turkija rċevew l-istess ammont ta’ sussidju għal kull kilogramma ta’ troti li mbagħad inxtraw mill-produtturi esportaturi fil-kampjun. It-Taqsima 4.1.5 hawn fuq tispjega għaliex iċ-ċirkostanzi mibdula wasslu għal bidla fil-metodoloġija tal-Kummissjoni.

(144)

B’mod partikolari l-partijiet interessati nnutaw li l-Kummissjoni kienet kapaċi tuża data speċifika għall-bidwi li kienet waslet mingħand il-GTT, iżda l-Kummissjoni kienet ikkalkulat medja għat-tliet produtturi fil-kampjun, u użat dik iċ-ċifra unika fil-Lira Torka għal kull kilogramm biex tikkalkula l-benefiċċju għat-troti mixtrija mit-tliet produtturi fil-kampjun u Selina Balik.

(145)

Il-Kummissjoni ntalbet tikkalkula ċifra individwali għall-erba’ gruppi ta’ kumpaniji abbażi tal-istess sett ta’ data, minflok tapplika r-rata medja għall-gruppi ta’ kumpaniji kollha. Peress li l-Kummissjoni kellha d-data meħtieġa disponibbli, il-Kummissjoni aċċettat din l-affermazzjoni.

(146)

Il-partijiet interessati inkluża Selina Balik innotaw ukoll li l-qasma tridirezzjonali tal-Kummissjoni tax-xiri tal-erba’ gruppi ta’ kumpaniji (“li ma nstabx jew ma rċevietx sussidju”, “taħt il-limitu massimu” jew “fuq il-limitu massimu”) u l-kalkoli li jirriżultaw minn din il-qasma, kienu għaddu darbtejn xi ammonti ta’ sussidju mogħtija lill-bdiewa tat-troti fit-Turkija kollha kemm hi.

(147)

Il-Kummissjoni aċċettat din l-affermazzjoni, u rrevediet il-metodoloġija tagħha wara d-divulgazzjoni finali kif xieraq.

4.3.2.   Troti mixtrija — metodoloġija divulgata f’divulgazzjoni finali addizzjonali

(148)

Il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha fuq il-lista ta’ bdiewa tat-troti pprovduta mill-GTT. Minn dik il-lista, il-Kummissjoni identifikat jekk bidwi kellux produzzjoni ssussidjata ogħla jew inqas mil-limitu massimu tal-produzzjoni ta’ 350 tunnellata. Din il-lista tagħti l-produzzjoni totali ssussidjata tat-troti u s-sussidju riċevut fl-2020 għal kull liċenzja u għal kull detentur tal-liċenzja fuq bażi ta’ entità ġuridika.

(149)

Il-produzzjoni u l-benefiċċju totali għat-Turkija kollha ngħataw mill-GTT bħala 144 283 000 kilogramma u 76 316 948 Lira Torka.

(150)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni identifikat il-bdiewa “taħt il-limitu massimu”, jiġifieri dawk il-bdiewa li rċevew sussidju għal kwantità prodotta inqas minn 350 tunnellata irrispettivament mill-għadd ta’ liċenzji tal-biedja matul il-PIR. Imbagħad ikkalkulat ir-rata ta’ 0,966 Lira Torka għal kull kilogramma għall-bdiewa identifikati bħala taħt il-limitu massimu billi qieset il-produzzjoni tagħhom bħala kompletament issussidjata u qasmet l-ammont totali ta’ sussidju riċevut (37 441 048 Lira Torka) bil-kwantità totali ta’ produzzjoni ssussidjata ta’ troti (38 753 671 kilogramma).

(151)

It-tieni, l-ammont ta’ hawn taħt tal-produzzjoni ssussidjata u l-ammont tal-benefiċċju tnaqqas mill-ammont totali ta’ produzzjoni u benefiċċju fil-livell tal-pajjiż, li rriżulta f’ 105 529 329 kilogramma u sussidju ta’ 38 875 901 TL. Dan irriżulta f’sussidju medju ta’ 0,368 TL għal kull kilogramma prodott għall-bdiewa l-oħra kollha, jiġifieri dawk il-bdiewa li qabel kienu identifikati bħala li jipproduċu ’l fuq mil-limitu massimu jew li ma rċevew l-ebda sussidju.

(152)

Dawn iż-żewġ rati ta’ sussidju, li huma 0,966 TL għal kull kilogramm u 0,368 TL għal kull kilogramm, imbagħad ġew applikati għall-fornituri individwali tal-gruppi ta’ kumpaniji esportaturi inklużi fil-kampjun u Selina Balik, bl-użu tal-klassifikazzjoni ta’ hawn fuq, u rata medja ta’ sussidju kkalkulata għal kull grupp ta’ kumpaniji.

(153)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-GTT sostna li l-qasma tas-sussidju mħallas lill-bdiewa “taħt il-limitu massimu” u l-bqija tal-bdiewa kienet skorretta, u pprovda qasma oħra tas-sussidju, mingħajr ma pprovda l-ebda evidenza dwar minn fejn ġiet din il-qasma jew fuq liema bażi kienet ġiet ikkalkulata. L-affermazzjoni ġiet għalhekk miċħuda.

(154)

Il-partijiet interessati ddikjaraw li l-iżvelar rigward is-sussidju indirett ma kienx biżżejjed u li s-sussidji riċevuti għal kull fornitur għandhom jiġu żvelati lilhom. Din l-affermazzjoni ġiet miċħuda minħabba n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni pprovduta mill-GTT. Il-Kummissjoni qieset id-deskrizzjoni tal-metodoloġija riveduta ta’ hawn fuq, flimkien ma’ informazzjoni addizzjonali pprovduta lill-produtturi esportaturi li kkooperaw, bħala informazzjoni suffiċjenti biex jiġu żgurati d-drittijiet tal-partijiet.

(155)

Żewġ produtturi esportaturi affermaw li l-kalkolu tas-sussidju għal kull kilogramma ta’ troti mixtrija ma kienx korrett għalihom, peress li x-xiri tagħhom matul il-PIR fil-fatt kien prinċipalment jew totalment trota ta’ inqas minn 1,2 kg. Huma ssuġġerew li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra li l-fornituri tagħhom kienu għalhekk issussidjati biss taħt ir-rata ta’ 0,75 TL għal kull kilogramma u jikkalkolaw mill-ġdid il-benefiċċju fuq it-troti mixtrija tagħhom skont dan.

(156)

Din l-affermazzjoni ġiet miċħuda, peress li l-evidenza wriet b’mod ċar li l-produzzjoni tat-troti fit-Turkija hija ssussidjata abbażi tal-ammonti totali żborżati taħt iż-żewġ rati ta’ sussidju lill-bdiewa. Irrispettivament mid-daqs tat-trota mixtrija mill-produtturi esportaturi, ir-rata ta’ sussidju għal kull kilogramma li tgħaddi mit-trota mixtrija hija bbażata fuq is-sitwazzjoni tal-bidwi fornitur u mhijiex ibbażata fuq id-daqs tat-troti li l-produttur esportatur jixtri mingħand dak il-bidwi. Il-fatt li xi produtturi esportaturi ma jipproduċux trota ta’ aktar minn kilogramma, għalhekk ma jfissirx li l-fornituri tagħhom (il-bdiewa) mhumiex issussidjati taħt iż-żewġ daqsijiet tat-troti. Kif spjegat aktar fil-premessa 160, ma wasal l-ebda kumment jew evidenza addizzjonali mill-GTT f’dan ir-rigward.

(157)

Wara d-divulgazzjoni, xi produtturi esportaturi kkontestaw il-metodu użat mill-Kummissjoni, u ħadu eżempji ta’ xi wħud mill-fornituri tagħhom f’tentattiv biex juru li l-metodu użat ma kienx jikkategorizza b’mod korrett il-bidwi tat-troti kkonċernat.

(158)

Il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet, peress li l-eżempji ma tqisux rappreżentattivi biżżejjed u għalhekk ma wrewx li l-metodoloġija tal-Kummissjoni ma kinitx xierqa.

(159)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-metodoloġija tagħha, li tiddependi fuq tqabbil matematiku tad-data pprovduta mill-GTT, hija l-aktar mod xieraq u raġonevoli biex il-bdiewa tat-troti jinqasmu fiż-żewġ kategoriji meħtieġa biex jiġi identifikat b’mod korrett is-sussidju tat-troti mixtrija.

(160)

Il-metodoloġija ġiet żvelata wkoll lill-GTT flimkien mal-kalkoli kollha fil-livell tal-bdiewa, u l-GTT ma pprovda l-ebda evidenza li tiġġustifika l-adattament tal-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni.

(161)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li anki jekk taċċetta dawn l-eżempji, ma setgħetx taċċetta sempliċi dikjarazzjonijiet mill-produtturi esportaturi rigward il-kundizzjoni tal-fornituri tagħhom mingħajr ebda verifika, jew dikjarazzjonijiet ta’ sostenn mill-fornitur ikkonċernat.

(162)

Fishark sostniet ukoll li l-kwantità totali mixtrija użata fil-kalkolu tas-sussidju indirett kienet skorretta, peress li l-Kummissjoni ma qisitx il-kwantitajiet totali mixtrija rritornati lil klijenti mhux relatati.

(163)

Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni minħabba li matul il-kontroverifiki mill-bogħod, il-kumpanija ċċarat li t-tranżazzjonijiet irreġistrati taħt “Bejgħ ritornat” irreferew għal korrezzjonijiet kontabilistiċi tal-valuri tax-xiri kkomputati ħażin u għalhekk ma rreferewx għar-redditi fiżiċi tal-prodott taħt rieżami. Fishark ma kkummentax dwar din is-sejba wara li rċieva r-rapport ta’ kontroverifika mill-bogħod, u ma ppreżenta l-ebda evidenza ulterjuri qabel id-divulgazzjoni finali, u għalhekk din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(164)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, Gumusdoga u Fishark sostnew li l-Kummissjoni jenħtieġ li tintroduċi mill-ġdid il-kategorija ta’ bdiewa li “ma nstabux jew ma rċevewx sussidju” u ma talloka l-ebda benefiċċju għax-xiri minn dawn il-bdiewa.

(165)

Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni għar-raġuni li l-investigazzjonijiet preċedenti kollha sabu li t-troti mixtrija kollha huma ssussidjati sa ċertu punt, u li l-aħħar metodoloġija tirrifletti dik id-dikjarazzjoni ġenerali.

(166)

Selina Balik sostniet li l-metodoloġija għall-kalkolu tas-sussidju indirett hija żbaljata peress li tonqos milli tqis il-kapaċità nominali indikata f’kull liċenzja tal-biedja. B’mod partikolari, il-Kummissjoni injorat il-fatt li l-volumi ta’ produzzjoni li jistgħu jiġu ssussidjati huma limitati mhux biss bil-limitu massimu WFE ta’ 350 000 kilogrammi, iżda wkoll bil-kapaċità nominali indikata fil-liċenzja tal-biedja rilevanti ta’ kull bidwi.

(167)

Il-Kummissjoni użat il-metodu ta’ produzzjoni sussidjat, minħabba d-diskrepanza bejn il-kapaċità nominali rrappurtata għall-pajjiż kollu ta’ 244 000 tunnellata u l-produzzjoni attwali ta’ 144 000 tunnellata. Il-produzzjoni ssussidjata għalhekk tqieset li tipprovdi metodu aktar raġonevoli għall-kalkolu tar-rati ta’ sussidju indiretti li għandhom jiġu allokati lill-produtturi esportaturi. Is-sejbiet dettaljati inkluża l-klassifikazzjoni tal-kumpaniji ġew sottomessi lill-GTT u l-ebda kumment fir-rigward tal-preċiżjoni, u l-ebda metodu alternattiv ma ġie sottomess fil-kummenti tal-GTT għall-iżvelar. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat kwalunkwe metodu alternattiv propost mill-produtturi esportaturi.

(168)

Fuq din il-bażi, il-kalkoli kienu kif ġej:

Tabella 3

Benefiċċju għal kull kumpanija għal trota mixtrija fl-2020

Grupp ta’ kumpanija

Rata medja ta’ sussidju TL għal kull kilogramm

Fishark

0,614

Gumusdoga

0,791

Ozpekler

0,728

Selina Balik

0,899

Tabella 4

Appoġġ għall-produzzjoni tat-trota

Grupp ta’ kumpanija

Ammont ta’ sussidju

Fishark

3,47  %

Gumusdoga

2,10  %

Ozpekler

2,75  %

Selina Balik

2,54  %

4.4.   Dħul mitluf - appoġġ għal investimenti li saru fis-settur tal-akkwakultura

4.4.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(169)

Id-Digriet Nru 2012/3305 (18) u l-Komunikat ta’ implimentazzjoni Nru 2012/1 (19) jipprovdu l-bażi għall-appoġġ mill-Istat għall-investimenti fis-settur tal-akkwakultura (20) u jikkostitwixxu l-bażi tal-Programm ta’ Inċentivi għall-Investiment tat-Turkija. Dan jinkludi żewġ skemi ta’ inċentivi:

Inċentivi ta’ investiment reġjonali, inkluż appoġġ għall-eżenzjoni mill-VAT, eżenzjonijiet mid-dazju doganali, tnaqqis tat-taxxa, appoġġ għall-primjum tas-sigurtà soċjali (is-sehem tal-impjegatur), l-appoġġ għall-imgħax, l-allokazzjoni tal-art, it-taxxa fuq l-introjtu minn ras il-għajn, l-appoġġ għall-primjum tas-sigurtà soċjali (is-sehem tal-impjegat); u

Inċentivi ġenerali għall-investiment, inkluż appoġġ għall-eżenzjoni mill-VAT, eżenzjonijiet mid-dazju doganali, taxxa fuq l-introjtu miżmuma minn ras il-għajn.

(170)

Il-kumpaniji li ma jistgħux jissodisfaw il-kriterji tal-ammont minimu ta’ investiment skont l-iskema ta’ inċentivi għall-investiment reġjonali jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ inċentivi għall-investimenti ġenerali, li hija disponibbli għas-sitt reġjuni kollha ddefiniti fid-Digriet Nru 2012/3305. Abbażi tal-livell ta’ żvilupp ekonomiku tas-sitt reġjuni l-intensità tal-għajnuna tista’ tvarja.

(171)

Kemm id-Digriet kif ukoll il-Komunikat għadhom validi, u s-sitt reġjuni ma nbidlux mill-investigazzjoni oriġinali.

4.4.2.   Konklużjoni

(172)

Matul l-RIP, Gumusdoga bbenefikat minn tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu.

(173)

It-tliet kumpaniji kollha inklużi fil-kampjun ibbenefikaw minn eżenzjonijiet mill-VAT u mid-dazju doganali skont l-inċentivi ta’ investiment reġjonali.

(174)

Kif ikkonfermat fl-investigazzjoni oriġinali (21) u r-rieżami ta’ skadenza, (22) l-appoġġ għall-investimenti jitqies bħala sussidju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, meta l-appoġġ jieħu l-forma ta’ inċentiv fiskali, jiġifieri meta d-dħul tal-gvern ikun dovut mod ieħor iżda fil-fatt ikun mitluf jew ma jinġabarx.

(175)

Is-sussidju huwa speċifiku u kumpensabbli peress li l-benefiċċju tas-sussidju huwa speċifikament limitat għal kumpaniji li jinsabu f’wieħed mir-reġjuni elenkati. L-aċċess għas-sussidju huwa llimitat ulterjorment għal ċerti intrapriżi li joperaw f’ċerti setturi. Barra minn hekk, is-sussidju ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ nuqqas ta’ speċifiċità tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament bażiku, minħabba n-numru u l-kwalità tar-restrizzjonijiet applikabbli għal ċerti setturi, b’mod partikolari dawk li jirrestrinġu l-aċċess għas-sussidju għal ċerti tipi ta’ intrapriżi jew jeskludu kompletament ċerti setturi.

(176)

L-akkwakultura hija espressament indikata fl-Anness 2 A tad-Digriet 2012/3305 bħala waħda mill-attivitajiet li jistgħu jibbenefikaw minn dan it-tip ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa. L-Anness 4 tad-Digriet jelenka s-setturi li jistgħu ma jibbenefikaw minn ebda inċentiv taħt din l-iskema.

4.4.3.   Kalkolu tal-ammont ta’ sussidju

(177)

Sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-sussidju kumpensabbli għall-eżenzjonijiet mit-taxxa, il-benefiċċju mogħti lir-riċevituri matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami ġie kkalkolat bħala d-differenza bejn it-taxxa totali pagabbli skont ir-rata normali tat-taxxa u t-taxxa totali pagabbli skont ir-rata mnaqqsa tat-taxxa.

(178)

Għall-eżenzjonijiet mill-VAT u mid-dazju doganali, il-Kummissjoni identifikat dawk l-assi li kienu nxtraw matul il-PIR u l-ammont ta’ VAT jew dazju eżentat. Benefiċċju tal-fluss tal-flus ta’ xahrejn ġie kkalkulat bl-użu tar-rata tal-imgħax fuq terminu qasir għall-PIR.

(179)

Wara d-divulgazzjoni, Gumusdoga u l-GTT it-tnejn talbu li l-Kummissjoni ma għandhiex tikkumpensa għall-eżenzjonijiet tal-VAT.

(180)

Il-GTT iddikjara li l-awtoritajiet investigattivi tal-Istati Uniti ma sabux eżenzjonijiet mill-VAT fl-iskema ta’ ċertifikat ta’ inċentiv għall-investiment f’Turkija kumpensabbli u rrefera għal deċiżjoni tal-Istati Uniti, “Countervailing Duty Investigation of Common Alloy Aluminium Sheet from the Republic of Turkey” (23).

(181)

Il-Kummissjoni tinnota li fil-paġna 17 ta’ dan id-dokument id-DOC tal-Istati Uniti tinnota li d-determinazzjoni tagħhom hija li din l-iskema ma tipprovdi l-ebda benefiċċju, iżda li kienu fil-proċess li jiġbru fatti addizzjonali rigward l-operat tas-sistema tal-VAT tal-GTT.

(182)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-DOC tal-Istati Uniti jaqbel mal-Kummissjoni li d-dazji doganali eżentati jikkostitwixxu benefiċċju taħt din l-iskema.

(183)

Il-GTT argumenta li filwaqt li l-produtturi jħallsu l-VAT tal-input fuq ix-xiri tagħhom mingħand il-fornituri, huma jiġbru l-VAT tal-output fuq il-bejgħ tagħhom lill-klijenti tagħhom; għalhekk il-klijenti jġorru l-piż finali tat-taxxa u għalhekk l-eżenzjonijiet mill-VAT mhumiex kumpensabbli.

(184)

Bl-istess mod, il-kumpanija Gumusdoga sostniet li hija kienet kapaċi tpaċi l-VAT tagħha pagabbli mar-riċevibbli tal-VAT tagħha u għalhekk l-uniku benefiċċju fil-parteċipazzjoni fl-iskema kien li jiġu evitati pagamenti bil-quddiem tal-VAT u b’hekk il-piż amministrattiv fit-tpaċija tal-VAT pagabbli mal-ammonti riċevibbli tal-VAT. Għalhekk, huma talbu li l-ebda benefiċċju ma għandu jiġi kkalkulat f’konformità ma’ investigazzjonijiet preċedenti.

(185)

Għall-kuntrarju tal-kummenti ta’ Gumusdoga, il-Kummissjoni qieset li dawn l-eżenzjonijiet mill-VAT u mid-dazju doganali għandhom jiġu kkumpensati.

(186)

Għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi 148 sa 150, il-Kummissjoni, f’konformità mal-investigazzjonijiet preċedenti, stabbiliet li l-iskema ta’ eżenzjoni mill-VAT f’Turkija hija sussidju kumpensabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Il-fatt li minn perspettiva kontabilistika, l-ammonti pagabbli tal-VAT jiġu paċuti ma’ ammonti riċevuti, ma jneħħix il-benefiċċju f’termini ta’ fluss ta’ flus, li jirriżulta mill-fatt li l-produtturi esportaturi ma jkollhomx għalfejn iħallsu flus bil-quddiem, u mbagħad jistennew li jirċievu rifużjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa abbażi tal-ipproċessar tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħhom ta’ kull xahar, kif inhu l-każ għall-kumpaniji li ma jibbenefikawx mill-iskema.

(187)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-GTT tenna li l-iskema ta’ eżenzjoni mill-VAT f’Turkija mhijiex sussidju kumpensabbli. Għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi ta’ hawn fuq, dan l-argument ġie miċħud.

(188)

Fir-rigward tal-eżenzjonijiet mill-VAT li kienu ta’ benefiċċju għall-kumpanija Gumusdoga, il-Kummissjoni kkalkulat żieda ta’ żmien ta’ xahrejn. Wara d-divulgazzjoni finali, il-kumpanija talbet kjarifika dwar kif il-Kummissjoni ddeterminat il-perjodu ta’ xahrejn, u sostniet li kien hemm perjodu ta’ xahar biss biex tpaċi l-ħlas tal-VAT. Kif iddikjarat fil-premessa 42 tar-Regolament provviżorju, “il-benefiċċji miksuba matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienu jikkonsistu biss fi gwadann ta’ żmien ta’ xahrejn sakemm il-kumpaniji ġew rimborżati l-VAT tagħhom mill-awtoritajiet tat-taxxa”. Ma saru l-ebda kummenti dwar din id-dikjarazzjoni fl-investigazzjoni oriġinali u l-Kummissjoni ma għandha l-ebda evidenza fil-fajl li s-sistema tal-VAT f’Turkija nbidlet minn dak iż-żmien.

(189)

Wara d-divulgazzjoni finali, Gumusdoga sostniet li jenħtieġ li l-Kummissjoni talloka t-tnaqqis tat-taxxa lid-diversi prodotti msemmija fiċ-ċertifikati ta’ appoġġ għall-investiment li fuqhom kien ibbażat it-tnaqqis tat-taxxa.

(190)

Dan l-argument ġie miċħud peress li t-tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu huwa introjtu għall-kumpanija u għalhekk huwa allokat fuq il-fatturat totali tal-grupp.

(191)

Għas-sussidju kumpensabbli għall-eżenzjonijiet mill-VAT u mid-dazju doganali, il-benefiċċju ġie kkalkolat bħala benefiċċju tal-fluss tal-flus għax-xiri matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

Tabella 5

Dħul mitluf

Kumpanija

Ammont ta’ sussidju

Fishark

0,00  %

Gumusdoga

1,77  %

Ozpekler

0,00  %

Selina Balik

0,00  %

4.5.   Trasferiment dirett ta’ fondi – assigurazzjoni appoġġata għas-settur tal-akkwakultura

4.5.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(192)

Skont id-Digriet dwar l-Assigurazzjoni Agrikola Nru 5363 (24) u d-Digriet Nru 2018/380 (25) dwar ir-riskji, l-għelejjel u r-reġjuni li għandhom jiġu koperti mill-Grupp tal-Assigurazzjoni Agrikola u r-Rati ta’ Appoġġ tal-Primjum għall-RIP, il-produtturi tal-prodotti tal-akkwakultura jistgħu jibbenefikaw minn primjum tal-assigurazzjoni mnaqqas li jkopri t-telf tal-istokk ta’ ħut u t-trobbija tat-trota minħabba diversi mardiet possibbli, diżastri naturali, inċidenti, eċċ. L-appoġġ tal-GTT jammonta għal 50 % tal-primjum tal-assigurazzjoni.

4.5.2.   Konklużjoni

(193)

Kif ikkonfermat fl-investigazzjoni oriġinali (26) u fir-rieżami ta’ skadenza, (27) il-benefiċċju mogħti minn din l-iskema jieħu l-forma ta’ tnaqqis fil-kostijiet finanzjarji mġarrba fil-kopertura tal-assigurazzjoni tal-ħajja tal-bhejjem tal-akkwakultura.

(194)

Din l-iskema tikkostitwixxi sussidju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku fil-forma ta’ għotja diretta mill-GTT lill-produtturi tat-trota u kontribuzzjoni finanzjarja minħabba li r-riċevituri tas-sussidju jibbenefikaw minn primjum tal-assigurazzjoni favorevoli, li huwa ferm anqas mil-livell ta’ primjums tal-assigurazzjoni disponibbli fis-suq għall-kopertura ta’ riskji komparabbli.

(195)

Din l-iskema tikkostitwixxi benefiċċju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Il-benefiċċju huwa ugwali għad-differenza bejn il-primjums offruti fil-kuntest ta’ polza tal-assigurazzjoni kummerċjali u l-primjum sussidjat.

(196)

L-appoġġ huwa speċifiku peress li l-awtorità awtorizzanti u l-leġiżlazzjoni li skontha topera l-awtorità awtorizzanti jillimitaw b’mod espliċitu l-aċċess għal dan il-primjum imnaqqas għall-intrapriżi li joperaw fis-settur agrikolu u saħansitra jimmiraw b’mod espliċitu lejn ir-riskji mġarrba mill-produtturi tal-akkwakultura.

4.6.   Trasferiment dirett ta’ fondi – skemi oħrajn

4.6.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(197)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-produttur esportatur inkluż fil-kampjun Gumusdoga rċieva trasferimenti diretti ta’ fondi mill-GTT li ġew irreġistrati fil-kontijiet tiegħu bħala dħul.

(198)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar l-entrati kollha għall-2020 f’dan il-kont tad-dħul u l-kumpanija pprovdiet dettalji għal kull entrata. Ġew innotati tliet entrati li huma trasferimenti diretti ta’ fondi limitati għall-esportaturi kif ġej:

(199)

L-ewwel nett, il-kumpanija rċeviet fondi f’kont “Aegean Exporters’ Association Support” li l-kumpanija ddikjarat kien relatat mal-appoġġ rigward it-trasport bl-ajru. Dan huwa rregolat mid-“Digriet Presidenzjali dwar l-Appoġġ tal-Ispejjeż tat-Trasport tal-Merkanzija bl-Ajru datat is-16 ta’ Mejju 2020 Numru 2552” għal Mejju sa Lulju 2020 (28).

(200)

It-tieni, il-kumpanija rċeviet fondi f’kont “Ministry of Economy Export Incentives” (“appoġġ ta’ inċentiv għall-esportazzjoni”). Il-kumpanija ddikjarat li “bid-Digriet bin-numru 2014/8 (29) hija għandha l-għan li tappoġġa lill-kumpaniji li jwettqu attivitajiet industrijali u/jew kummerċjali fit-Turkija biex jiksbu ċertifikati ta’ aċċess għas-suq u jiżguraw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista globali”.

(201)

It-tielet, il-kumpanija rċeviet fondi f’kont “Exhibition Support Income”. Il-kumpanija ddikjarat li din l-assistenza hija rregolata minn “Digriet dwar l-Appoġġ għall-Parteċipazzjoni f’Fieri Barra mill-Pajjiż” bin-numru 2017/4 ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali bid-data tas-7 ta’ April 2017 bin-numru 30031. Skont dan id-Digriet, l-esportaturi jistgħu jitolbu rimborż mid-Direttorat Ġenerali għall-Esportazzjonijiet taħt il-Ministeru tal-Kummerċ għall-parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali organizzati barra mill-pajjiż li huma kkwalifikati mill-Ministeru tal-Kummerċ bħala eliġibbli għall-appoġġ.

4.7.   Konklużjoni

(202)

Għall-ewwel għotja, il-Kummissjoni tqis li din hija kontinġenti fuq l-esportazzjoni, peress li hija rifużjoni tal-ispejjeż tat-trasport tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, l-esportatur għandu jiffirma impenn li jesporta u li jagħti lura l-għotja jekk il-prodotti esportati jiġu rritornati lil Turkija. Barra minn hekk, l-iskema hija speċifika għall-esportaturi li jappartjenu għal ċerti setturi, li fosthom hija elenkata l-akkwakultura.

(203)

Għat-tieni għotja, il-Kummissjoni tqis li dan huwa kontinġenti wkoll fuq l-esportazzjonijiet, peress li huwa r-rimborż tal-ispejjeż magħmula fuq it-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni sabiex jiġu aċċessati s-swieq barranin, bħall-kostijiet taċ-ċertifikazzjoni u tal-kontroll tal-kwalità.

(204)

Għat-tielet għotja, il-Kummissjoni tqis li dan huwa kontinġenti wkoll fuq l-esportazzjonijiet peress li hija mfassla għall-promozzjoni tal-kummerċ tal-esportazzjoni permezz ta’ fieri kummerċjali barra mill-pajjiż.

(205)

Din l-iskema tikkostitwixxi sussidju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku fil-forma ta’ għotja diretta mill-GTT lill-esportaturi Torok. Din l-iskema tikkostitwixxi benefiċċju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku.

(206)

Dawn l-għotjiet huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(4)(a) tar-Regolament bażiku. Xi wħud minnhom huma wkoll speċifiċi skont it-tifsira tal-Artikoli 4(2)(a) u 4(3) tar-Regolament bażiku peress li, mid-dokumenti pprovduti mill-produttur esportatur li kkoopera, jidhru li huma limitati għal ċerti setturi industrijali, bħall-akkwakultura. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li dawn l-għotjiet huma kumpensabbli u speċifiċi.

(207)

Il-benefiċċju huwa l-ammont ta’ dħul riċevut u rreġistrat fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(208)

Wara d-divulgazzjoni, Gumusdoga kkontestat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-kumpensabbiltà ta’ dawn it-tliet għotjiet.

(209)

Għall-“Appoġġ tal-Assoċjazzjoni tal-Esportaturi tal-Eġew” (l-ewwel għotja), Gumusdoga affermat li l-iskema mhijiex relatata mal-prodott taħt rieżami, peress li l-esportazzjonijiet ta’ prodotti taħt il-Kodiċi HS 0302, 0303, 0304 lejn l-Unjoni Ewropea mhumiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ.

(210)

Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni peress li l-appoġġ jista’ jkopri prodotti taħt kodiċijiet SA oħra li huma parti mill-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni attwali, jiġifieri l-kodiċijiet HS 0301 u 0305. Il-kumpanija wkoll ma pprovdietx biżżejjed informazzjoni biex il-Kummissjoni teżamina liema gruppi ta’ prodotti kienu koperti mill-appoġġ li rċeviet matul il-PIR.

(211)

Gumusdoga sostniet ukoll li din l-ewwel għotja mhijiex relatata mal-bejgħ għall-esportazzjoni destinat għas-suq tal-Unjoni.

(212)

Il-Kummissjoni ma tikkontestax li din l-iskema mhijiex esklużiva għall-prodott taħt rieżami, u din hija r-raġuni għaliex il-benefiċċju li rċeviet il-kumpanija ttieħed fuq il-fatturat totali tal-esportazzjoni tal-grupp u mbagħad ġie allokat għall-prodott taħt rieżami.

(213)

Għall-appoġġ ta’ inċentiv għall-esportazzjoni (it-tieni għotja), Gumusdoga sostniet li waħda biss minn tmien applikazzjonijiet inklużi fil-kalkolu tal-benefiċċju jappartjenu għall-prodott taħt rieżami u għall-PIR. B’konsegwenza ta’ dan, huwa talab lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-kalkolu tal-benefiċċju skont dan u twarrab is-seba’ applikazzjonijiet li ma jappartjenux għall-prodott taħt rieżami u għall-PIR.

(214)

Il-Kummissjoni tirrifjuta din l-affermazzjoni peress li l-benefiċċju ttieħed bħala d-dħul irreġistrat fil-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami, u ġie meħud fuq il-fatturat totali tal-esportazzjoni tal-grupp u mbagħad ġie allokat għall-prodott taħt rieżami.

(215)

Gumusdoga talbet ukoll lill-Kummissjoni biex tinjora l-benefiċċju li jirriżulta mill-“Introjtu mill-Appoġġ għall-Wirjiet” (it-tielet għotja), peress li din l-iskema mhijiex speċifika għas-settur jew għall-kumpanija u lanqas ma hija relatata mal-prodott li qed jiġi rieżaminat jew il-PIR.

(216)

Il-Kummissjoni tirrifjuta din l-affermazzjoni peress li hija kontinġenti fuq l-esportazzjoni u l-benefiċċju riċevut matul il-PIR ittieħed fuq il-fatturat totali tal-esportazzjoni tal-grupp u mbagħad ġie allokat għall-prodott taħt rieżami.

Tabella 6

Trasferiment dirett tal-fondi

Kumpanija

Ammont ta’ sussidju

Fishark

0,00  %

Gumusdoga

0,21  %

Ozpekler

0,09  %

Selina Balik

0,08  %

4.8.   Self preferenzjali

(217)

Matul l-investigazzjoni oriġinali u r-rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni sabet li l-produtturi tat-trota kienu qegħdin jibbenefikaw minn self preferenzjali, inklużi:

Self Agrikolu b’Imgħax Baxx jew bl-Ebda Mgħax

Self għall-esportazzjoni b’imgħax baxx minn Eximbank direttament jew permezz ta’ banek oħrajn

(218)

Il-Kummissjoni eżaminat is-self preferenzjali lill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun matul l-2020, inkluż is-self agrikolu, is-self għall-esportazzjoni u skemi ta’ self oħrajn, inklużi dawk organizzati mill-GTT fl-2020 bħala rispons għall-pandemija tal-COVID.

4.9.   Self agrikolu

4.9.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(219)

Id-Digriet Nru 2020/2015 jipprovdi li Agricultural Credit Cooperatives (“ACCs”) u T.C. Ziraat Bankasi A.S (“Ziraat Bankasi”) jistgħu jagħtu self b’imgħax baxx u self kummerċjali lill-produtturi tas-settur tal-akkwakultura. Il-produtturi tat-trota jistgħu jirċievu skontijiet fuq ir-rati tal-imgħax applikabbli li jvarjaw bejn 10 % u 80 %. Il-limitu massimu tal-kreditu huwa ta’ 10 000 000 TL. Id-Digriet ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(220)

L-ACCs huma entitajiet tal-liġi privata stabbiliti minn produtturi agrikoli (jiġifieri persuni fiżiċi jew entitajiet legali li huma involuti fil-produzzjoni agrikola) fit-Turkija sabiex jappoġġaw il-ħtiġijiet finanzjarji tan-negozju tagħhom.

(221)

Ziraat Bankasi huwa l-Bank Agrikolu tar-Repubblika tat-Turkija, bank li huwa proprjetà tal-Istat. Matul l-investigazzjoni oriġinali, l-ishma tiegħu kienu proprjetà tas-Sottosegretarjat tat-Teżor. Madankollu, mill-2018, il-kapital tiegħu ġie ttrasferit lill-Fond Tork għall-Ġid u kif instab fir-rieżami tal-iskadenza għadu 100 % proprjetà tal-Fond Tork għall-Ġid (30).

(222)

F’konformità mal-Artikolu 2 tad-Digriet nru 6741 dwar l-Istabbiliment ta’ Kumpanija għall-Ġestjoni tal-Fond tat-Turkija għall-Ġid u Emendi f’Ċerti Liġijiet, il-Fond tat-Turkija għall-Ġid huwa istituzzjoni affiljata mal-Presidenza (31).

(223)

Skont l-Artikolu 13(2) tad-Digriet tal-Kunsill tal-Ministri 2016/9429, il-President tal-Bord tad-Diretturi tal-Fond huwa l-President tar-Repubblika. Wieħed mill-Membri tal-Bord jista’ jiġi assenjat bħala d-Deputat President mill-President tar-Repubblika (32).

(224)

Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali (33), Ziraat Bankasi tipprovdi self preferenzjali lis-settur tal-akkwakultura, biex tippromwovi l-produzzjoni agrikola u l-industrija agrikola. F’dan ir-rigward, il-Kunsill tal-Ministri kull sena jistabbilixxi t-tul, il-proċeduri u l-prinċipji tal-programm u t-Teżor jittrasferixxi l-ammont li jifdal tal-ħlas tal-imgħax, li jikkorrispondi għar-rata tal-imgħax skontata, lil Ziraat Bankasi.

(225)

Għalhekk, l-investigazzjoni oriġinali stabbiliet li Ziraat Bankasi ngħatat awtorità governattiva abbażi tad-Digriet 2013/4271, li ġie sostitwit bid-Digriet 2020/2015 fuq l-istess bażi.

(226)

Għalhekk, T.C. Ziraat Bankasi A.S tkompli tingħata l-awtorità governattiva u l-Kummissjoni tkompli tqis, bħal f’investigazzjonijiet preċedenti, li huwa korp pubbliku.

4.9.2.   Sejbiet

(227)

Matul l-RIP, il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw kellhom self b’imgħax baxx pendenti mingħand Ziraat Bankasi.

(228)

Wara d-divulgazzjoni, Gumusdoga kkummentat li jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tqisx is-self agrikolu minn Ziraat Bankasi bħala kumpensabbli, peress li kien marbut max-xiri ta’ polza tal-assigurazzjoni marbuta mal-produzzjoni ta’ prodotti oħra u mhux mal-prodott taħt rieżami.

(229)

Dan l-argument ġie miċħud peress li s-self sar lill-kumpanija u ma kien hemm l-ebda evidenza li self simili kien ġeneralment disponibbli għall-kumpaniji fit-Turkija. Barra minn hekk, is-self ma kienx jiddependi fuq il-produzzjoni ta’ prodotti oħra, iżda biss għax-xiri ta’ polza tal-assigurazzjoni f’azjenda agrikola partikolari.

4.10.   Krediti għall-esportazzjoni

4.10.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(230)

Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali (34) u fir-rieżami ta’ skadenza, (35) Turkija İhracat Kredi Bankası A.Ş (“Eximbank”) inkera mill-GTT fil-21 ta’ Awwissu 1987 bid-Digriet Nru 87/11914, b’segwitu tad-Digriet Nru 3332 (36) dwar il-krediti għall-esportazzjoni, u huwa bank kompletament tal-Istat li jaġixxi bħala l-istrument ta’ inċentiv għall-esportazzjoni tal-GTT fl-istrateġija għall-esportazzjoni tat-Turkija.

(231)

Eximbank ingħata l-mandat mill-gvern biex jappoġġa l-kummerċ barrani u l-kuntratturi/l-investituri Torok li joperaw barra mill-pajjiż, sabiex jiżdiedu l-esportazzjonijiet tan-negozji Torok u tissaħħaħ il-kompetittività internazzjonali tagħhom.

(232)

Il-Kummissjoni tibqa’ tqis lil Eximbank bħala li huwa vestit b’awtorità governattiva u għalhekk jitqies bħala korp pubbliku.

(233)

Il-Liġi Nru 3332, kif ukoll ir-Riżoluzzjoni Nru 2013/4286 (37) dwar l-istabbiliment ta’ Eximbank jikkostitwixxu l-bażi ġuridika għall-krediti għall-esportazzjoni pprovduti permezz ta’ Eximbank.

(234)

Eximbank jipprovdi appoġġ finanzjarju (jew direttament jew permezz ta’ banek tal-aġenti li jaħdmu fuq bażi ta’ kummissjoni), bħal krediti għall-esportazzjoni kontinġenti qabel jew wara l-konsenja u krediti għall-investiment orjentati lejn l-esportazzjoni lill-esportaturi, bl-intenzjoni li tiżdied il-kompetittività tal-esportaturi Torok fi swieq barranin.

(235)

Eximbank juża wkoll krediti għar-riskontar biex jipprovdu avvanzi ta’ flus lill-esportaturi abbażi tal-iskontar tal-kontijiet u tad-dokumenti relatati mal-bejgħ tal-esportazzjoni (38). Il-bażi ġuridika għal dawn il-krediti hija l-“Prinċipji ta’ Implimentazzjoni u ċ-Ċirkolari dwar is-Servizzi ta’ Qligħ mill-Esportazzjoni u mill-Kambju Barrani u Krediti għar-Riskontar (Programm ta’ Riskontar)” (39) u l-Artikolu 45 tal-Liġi tal-Bank Ċentrali.

(236)

Ir-Rapport Annwali tal-2020 tal-Bank Ċentrali tat-Turkija (TCMB) innota li l-għan tal-krediti għar-riskontar “li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-kumpaniji tal-esportazzjoni għal krediti b’kostijiet favorevoli u li jissaħħu r-riżervi tas-CBRT.” (40)

(237)

Il-krediti għar-riskontar huma ffinanzjati mill-Bank Ċentrali tat-Turkija, iżda jgħaddu mill-istituzzjonijiet finanzjarji Torok (banek pubbliċi kif ukoll privati) li jaġixxu bħala aġenti tas-CBRT. Ir-rati tal-imgħax huma stabbiliti mit-TCMB, u l-banek tal-aġenti jiġu remunerati permezz ta’ kummissjoni imposta fuq ir-riċevituri.

4.10.2.   Sejbiet

(238)

Matul l-RIP, il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw kellhom krediti għall-esportazzjoni b’imgħax baxx pendenti pprovduti jew direttament minn Eximbank jew permezz ta’ banek pubbliċi jew privati oħrajn li jaġixxu bħala aġenti ta’ Eximbank. Il-kumpaniji bbenefikaw ukoll minn krediti għar-riskontar ipprovduti minn Eximbank jew banek pubbliċi jew privati oħrajn.

4.11.   Skemi oħrajn ta’ self

4.11.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(239)

Xi produtturi esportaturi fil-kampjun irrappurtaw self ieħor meħud fl-2020. Il-Kummissjoni identifikat tliet skemi użati mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, u talbet informazzjoni mill-Gvern tat-Turkija dwar is-segwenti:

Can Suyu - Life Water

Ise Devam - Continue to Business

IVME Credit - Movement Credit

(240)

L-iskema Can Suyu – Life Water hija programm ta’ self ġenerali li huwa miftuħ għall-intrapriżi kollha bl-impenn li jkomplu bl-operat tagħhom u jżommu (u ma jnaqqsux) in-numru ta’ impjegati rreġistrati mal-Istituzzjoni tas-Sigurtà Soċjali sa mill-aħħar ta’ Frar 2020. Il-programm huwa self għall-kontinwità tal-operat mill-Gvern tat-Turkija lil Kredi Garanti Fonu u lill-ħames banek pubbliċi li għandhom ishma fih.

(241)

L-iskema Ise Devam - Continue to Business hija programm ta’ self ġenerali ieħor marbut mal-operat kontinwu bl-istess mod bħall-iskema Can Suyu – Life Water. Il-programm huwa self għall-kontinwità tal-operat mill-Gvern tat-Turkija lil Kredi Garanti Fonu u lill-ħames banek pubbliċi li għandhom ishma fih.

(242)

L-iskema IVME Credit - Movement Credit hija skema aktar speċifika għal ċerti setturi tal-ekonomija. L-iskema tħabbret bħala parti mill-Pakkett ta’ Finanzjament (ta’ Aċċellerazzjoni) tal-IVME fit-23 ta’ Mejju 2019 mill-Ministeru tat-Teżor u l-Finanzi, flimkien ma’ tliet banek pubbliċi, Ziraat Bankasi, Halkbank u Vakifbank (41). Il-Pakkett ta’ Finanzjament ta’ Aċċellerazzjoni min-naħa tiegħu huwa parti mill-politika ekonomika fit-tul tal-GTT għall-pajjiż, stabbilita fil-Programm tal-Ekonomija l-Ġdida (“Yeni Ekonomi Programi”).

(243)

It-tħabbira uffiċjali tiddikjara li l-programm huwa għal “setturi ta’ appoġġ li għandhom dipendenza għolja mill-importazzjoni; defiċit tal-kummerċ barrani; rata għolja ta’ kontribuzzjoni għall-impjiegi u esportazzjonijiet għoljin jew qligħ mill-muniti”. Skont id-diskors inawgurali tal-Ministru tat-Teżor u l-Finanzi, il-“pakkett ta’ finanzjament” jadotta approċċ ta’ finanzjament orjentat lejn il-prodott. Mhux biss billi jevalwa fuq bażi ta’ settur b’settur, iżda wkoll billi jiffinanzja prodotti bil-potenzjal li jagħtu kontribut pożittiv għad-defiċit tal-kummerċ barrani. B’dan il-mod, se jkun immirat biex iżid il-kompetittività tal-prodotti rilevanti fis-swieq internazzjonali u b’hekk jiġi żvelat il-potenzjal tal-esportazzjoni ta’ prodotti strateġiċi (42).”

(244)

L-attivitajiet ewlenin li għandhom jiġu appoġġati huma “il-manifattura ta’ materja prima u ta’ prodotti intermedji; il-produzzjoni tal-makkinarju u l-agrikoltura”. Fil-qasam tal-materja prima u tal-merkanzija importata, ġew identifikati erba’ setturi ewlenin: il-prodotti kimiċi/mediċi (farmaċewtiċi), il-prodotti tal-plastik u tal-gomma; il-ħjut artifiċjali u sintetiċi; u s-setturi tal-karti u tal-kartun (43).

(245)

Fil-qasam tal-produzzjoni tal-makkinarju, ġiet stabbilita lista ta’ manifatturi tal-magni f’ċerti kodiċijiet tal-NACE. Il-pakkett ta’ finanzjament jinkludi s-self mogħti lill-manifatturi tal-magni domestiċi fil-lista tal-kodiċijiet tal-NACE li jinvestu f’żidiet ġodda fil-produzzjoni jew fil-kapaċità, kif ukoll self lil xerrejja domestiċi li jinvestu f’magni ġodda prodotti mill-istess manifatturi. Il-pakkett huwa mmirat lejn is-setturi li ġejjin:

il-Makkinarju u l-Komponenti Elettriċi, il-Kompjuters, l-Elettronika, il-Prodotti Ottiċi

il-Parts tal-Vetturi bil-Mutur u l-Parts

il-Magna u l-Komponenti

il-Makkinarju u Komponenti Industrijali Ġenerali

it-Tagħmir Elettriku (44)

(246)

L-agrikoltura tinkludi l-“produzzjoni tal-bhejjem u tal-għelejjel tal-għalf” u dan is-self ingħata lil produttur esportatur wieħed inkluż fil-kampjun matul l-RIP għall-akkwakultura. Il-kundizzjonijiet tas-self huma b’mod ċar preferenzjali f’termini tar-rata tal-imgħax offruta.

4.11.2.   Sejbiet

(247)

Għaż-żewġ skemi ġenerali ta’ self Can Suyu – Life Water u Ise Devam - Continue to Business abbażi tal-livell ta’ impjieg fil-kumpaniji fi Frar 2020, il-Kummissjoni ma ssib l-ebda evidenza li dawn l-iskemi ta’ self huma speċifiċi, jew kumpensabbli.

(248)

Madankollu, għall-iskema ta’ kreditu tal-IVME, il-Kummissjoni sabet evidenza li hija limitata għal setturi speċifiċi u għal attivitajiet speċifiċi (kif stabbilit hawn fuq), u li l-pakkett ta’ self huwa konness mal-banek pubbliċi Ziraat Bank, Halkbank u Vakifbank.

(249)

Il-Kummissjoni sabet li l-kumpaniji inklużi fil-kampjun kienu qegħdin jużaw biss self ta’ kreditu tal-IVME pprovdut minn Ziraat Bank u Halkbank. Għalhekk, il-Kummissjoni ma investigatx l-istatus ta’ Vakifbank f’din l-investigazzjoni.

(250)

Fit-Taqsima 4.5.1 ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat li Ziraat Bank huwa korp pubbliku u ngħata awtorità governattiva.

(251)

Il-Kummissjoni qieset lil Türkiye Halk Bankası A.Ş (“Halkbank”) bħala korp pubbliku b’awtorità governattiva abbażi ta’ informazzjoni pubblika u anke fuq l-informazzjoni li l-bank innifsu pprovda bħala parti mit-tweġiba għall-kwestjonarju tal-gvern li kien jinkludi kopji tar-Rapporti Annwali tal-2019 u l-2020.

(252)

Halkbank ġie stabbilit mill-GTT fl-1933. Mustafa Kemal Atatürk, li ddikjara, “Huwa essenzjali ħafna li tinħoloq organizzazzjoni li tipprovdi lis-sidien tan-negozji ż-żgħar u lill-intrapriżi industrijali l-kbar is-self li tant għandhom bżonn, li jkun faċilment disponibbli u bi prezz irħis u li tnaqqas il-kost tal-kreditu f’ċirkostanzi normali” witta t-triq għall-bidu ta’ Halkbank.

(253)

Halkbank huwa 77,9 % proprjetà tal-Gvern permezz tal-Fond Tork għall-Ġid (45). Il-Kummissjoni nnotat li l-Membri kollha tal-korp governattiv tal-Bank huma jew kienu uffiċjali tal-Gvern jew servew f’korpi pubbliċi oħrajn (46).

(254)

Pereżempju, il-Kummissjoni nnotat il-preżenza fil-Bord ta’ Maksut Serim, li fl-2020 kien Konsulent Għoli għall-President tar-Repubblika tat-Turkija, wara li kien Kap Konsulent għall-Prim Ministru tar-Repubblika tat-Turkija mill-2003 sal-2016.

(255)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll il-preżenza fil-Bord ta’ Sezai Uçarmak, li fl-2020 kien Viċi Ministru fil-Ministeru tal-Kummerċ.

(256)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ Halkbank jiddikjaraw b’mod ċar l-objettiv speċifiku tal-Bank fornitur ta’ aċċess irħas għall-finanzjament lill-SMEs, lin-negozjanti u lill-artiġjani (l-Artikolu 4(4)) bl-involviment tal-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika tat-Turkija.

(257)

L-Artikolu 4(5) jittratta l-possibbiltà li anqas minn 50 % tal-ishma tal-Bank jinżammu pubblikament: “F’każ li l-perċentwal ta’ ishma miżmuma pubblikament tal-Bank jinżel taħt il-50 %, l-attivitajiet tal-Bank rigward l-offerta ta’ faċilitajiet ta’ kreditu lill-kummerċjanti u lin-negozjanti kif ukoll lill-intrapriżi industrijali żgħar u ta’ daqs medju għandhom jissoktaw f’konformità mal-metodi u mal-prinċipji li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill tal-Ministri” (47).

(258)

Il-bank ġie stabbilit mill-Gvern tat-Turkija u għandu bħala prijorità l-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”), tan-negozjanti u tal-artiġjani.

(259)

Kif jgħid Halkbank innifsu, “Peress li l-prijorità ta’ Halkbank dejjem kienet li jipprovdi lil din l-udjenza fil-mira b’self offrut bl-aktar kundizzjonijiet favorevoli, il-bank jixraqlu l-post prominenti li kiseb fil-qlub tan-negozjanti, l-artiġjani, u l-SMEs.” (48) Fir-Rapporti Annwali tiegħu tal-2020 u l-2021, Halkbank jirreferi wkoll f’diversi okkażjonijiet għar-rwol tiegħu bħala bank ta’ politika pubblika li jwettaq il-prijoritajiet tal-gvern.

(260)

Skont id-dikjarazzjoni uffiċjali tal-Missjoni ta’ Halkbank fir-Rapporti Annwali tiegħu, ir-rwol tal-bank huwa li ” jappoġġa l-iżvilupp u t-tkabbir tat-Turkija b’sensibilizzazzjoni għar-responsabbiltà soċjali; u li jkun bank tan-nies li joħloq valur miżjud kbir għall-partijiet ikkonċernati kollha”.

(261)

Din il-missjoni titwettaq fil-prattika kif ġej: “Hekk kif indirizzajna r-riżorsi tagħna għall-prijoritajiet tal-ekonomija tat-Turkija bħala parti mill-missjoni tagħna ta’ “Aħna n-Nies l-Ewwel, u Mbagħad Bank,” aħna ffukajna fuq it-tmexxija tan-negozju tagħna f’approċċ li jirrispetta n-nies, is-soċjetà u l-ambjent” .

(262)

Pereżempju fil-paġna 52 tar-Rapport tal-2021 “il-Bank … alloka TRY 12,1-il biljun f’self sussidjat b’imgħax tal-Ministeru tat-Teżor u l-Finanzi għal 500 elf negozjant u artiġjan. Barra minn hekk, Halkbank kompla jipposponi l-pagamenti ta’ self tan-negozjanti u tal-artiġjani li n-negozji tagħhom ġarrbu telf xprunat mill-pandemija skont Digriet Presidenzjali.” (49)

(263)

Fir-rigward tas-self tal-IVME b’mod aktar speċifiku, il-Maniġer Ġenerali Osman Arslan faħħar “l-armonija u l-koordinazzjoni b’saħħitha bejn l-istituzzjonijiet relatati mal-ġestjoni ekonomika biex jinkisbu riżultati ta’ suċċess”, filwaqt li żied jgħid li “Bid-determinazzjoni tagħna li jintlaħqu l-miri fil-Programm tal-Ekonomija l-Ġdid, se nqattgħu din is-sena b’mod intensiv fil-qasam u se nagħmlu sforzi kbar biex noffru l-aktar soluzzjonijiet xierqa għad-domandi tal-klijenti tagħna. L-iżborżi tas-self tagħna fil-prodotti innovattivi tagħna bħall-Pakkett ta’ Finanzjament ta’ Aċċellerazzjoni, is-Self għan-Negozju Orjentat Lejn l-Impjieg, is-Self għall-Valur tal-Ekonomija, is-Self għall-Kampanja għall-Akkomodazzjoni, is-Self għas-Self Indiċizzat tat-TLREF u s-Self għall-Vetturi ta’ Produzzjoni Domestika laħqu t-TL 30 biljun fl-2019 (50)”.

(264)

Il-kundizzjonijiet tal-kreditu tal-IVME jinvolvu perjodu ta’ konċessjoni, kif ukoll rata preferenzjali li hija stabbilita bħala ħlas addizzjonali perċentwali (1-3 %, abbażi tad-durata tas-self) għat-titoli ta’ dejn domestiku tal-Istat b’riskju baxx (DIBS).

(265)

Ir-rata tal-imgħax għas-self tal-IVME hija stabbilita fl-istruzzjonijiet tal-gvern lill-banek, u hija stabbilita irrispettivament mill-istruttura tal-kost kapitali tal-bank, miċ-ċirkostanzi tal-mutwatarju, jew mill-affidabbiltà kreditizja tagħhom. Il-banek huma għalhekk ikkunsidrati li qed jaġixxu f’isem il-gvern u li qed iwettqu l-istruzzjonijiet tal-gvern.

(266)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-iskema ta’ kreditu tal-IVME hija kumpensabbli.

4.12.   Self - Konklużjoni

(267)

Kif ikkonfermat fl-investigazzjoni oriġinali (51) u fir-rieżami ta’ skadenza, (52) il-finanzjament preferenzjali jitqies bħala sussidju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(i) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku.

(268)

Abbażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni attwali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskemi ta’ finanzjament preferenzjali jagħtu benefiċċji lir-riċevituri, peress li tali finanzjament jingħata taħt ir-rati tas-suq, jiġifieri taħt kundizzjonijiet li ma jirriflettux il-kundizzjonijiet tas-suq għall-finanzjament b’maturità komparabbli.

(269)

Dawn l-iskemi ta’ finanzjament preferenzjali huma speċifiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku f’dak li għandu x’jaqsam mas-self agrikolu, peress li l-awtoritajiet awtorizzanti jew il-leġiżlazzjoni li skontha joperaw l-awtoritajiet awtorizzanti tillimita b’mod espliċitu l-aċċess għal ċerti intrapriżi.

(270)

Il-krediti relatati mal-esportazzjonijiet huma speċifiċi skont l-Artikolu 4(4)(a) tar-Regolament bażiku peress li huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni.

(271)

Wara d-divulgazzjoni, il-GTT u Gumusdoga kkontestaw il-kumpens tal-benefiċċju kkalkulat għall-krediti relatati mal-esportazzjoni, kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni, fejn is-self ġie pprovdut minn bank privat.

(272)

Dan l-argument sar ukoll fil-kuntest tar-rieżami ta’ skadenza preċedenti, fil-premessa 87 u l-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni fil-premessi 88 u 89 (53).

(273)

Il-Kummissjoni analizzat id-dokumentazzjoni pprovduta mill-kumpanija bir-reqqa għal kwalunkwe evidenza li dan is-self kien ġie pprovdut minn bank privat mingħajr ebda interferenza minn Eximbank jew minn korpi pubbliċi oħra, peress li l-kumpanija kienet issellfet dawn il-fondi għall-esportazzjoni tal-prodott taħt rieżami b’rati ferm aktar baxxi minn dawk ippubblikati għal self f’euro mit-TCMB.

(274)

Id-dokumentazzjoni li l-kumpanija pprovdiet ma kinitx tinkludi ftehim ta’ self mill-bank ikkonċernat jew kwalunkwe evidenza li turi li l-bank ikkonċernat kien offra lill-kumpanija rata tal-imgħax partikolari għal raġuni partikolari.

(275)

Għalhekk ma nstabet l-ebda evidenza li turi li dan is-self ġie pprovdut fuq bażi tas-suq u l-argument ġie miċħud.

(276)

Barra minn hekk, il-kumpanija Gumusdoga argumentat li l-Kummissjoni kienet inkonsistenti fil-metodoloġija użata biex tikkalkula l-benefiċċju fuq self relatat mal-esportazzjoni peress li xi wħud ma kinux inklużi fil-kalkolu tal-benefiċċju totali.

(277)

Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni. L-unika raġuni li għaliha ċertu self kontinġenti fuq l-esportazzjoni maħruġ minn banek privati ma kienx inkluż fil-kalkolu tal-benefiċċju totali hija minħabba li dak is-self inħareġ fil-Lira Torka.

(278)

Gumusdoga sostniet li, minħabba l-affidabbiltà kreditizja għolja tagħha, hija tista’ tirċievi rati tal-imgħax baxxi b’mod favorevoli għas-self kontinġenti fuq l-esportazzjoni tagħha maħruġ minn banek privati u għalhekk jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tinkludix il-benefiċċju derivat minn tali self għall-kalkoli tagħha.

(279)

Il-Kummissjoni ċaħdet dan l-argument, peress li r-rati tal-imgħax normattivi użati għall-kalkolu tal-benefiċċju jikkorrispondu għar-rata medja tal-imgħax tas-self Tork kollu pprovdut f’ċertu perjodu ta’ żmien u f’ċerta munita. Din il-medja kienet tinkludi t-tipi kollha ta’ affidabbiltà kreditizja.

(280)

Din il-pretensjoni minn Gumusdoga, li xi self kontinġenti fuq l-esportazzjoni ġie stabbilit b’rati tal-imgħax baxxi minħabba l-kundizzjonijiet speċifiċi tagħhom stess, saret ukoll fir-rieżami ta’ skadenza u ġiet miċħuda għall-istess raġunijiet bħal hawn fuq. Gumusdoga ma setgħetx turi li rċeviet xi self kontinġenti fuq l-esportazzjoni b’rata tal-imgħax baxxa bbażata fuq il-klassifikazzjoni tal-kreditu tagħhom, jew abbażi ta’ negozjati ma’ bank.

(281)

Il-Kummissjoni qieset li ma hemm l-ebda rabta bejn il-kumpens ta’ self u l-livell ta’ affidabbiltà kreditizja ta’ kumpanija. Ir-rati tal-imgħax normattivi ntużaw biss biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-benefiċċju li jirriżulta mis-self u mhux biex jiġi ddeterminat jekk self jistax jitqies bħala kumpensabbli jew le.

(282)

Għalhekk, l-iskemi ta’ finanzjament preferenzjali kollha jitqiesu bħala sussidji kumpensabbli.

4.12.1.   Kalkolu tal-ammont ta’ sussidju

(283)

F’konformità mal-Artikolu 6(b) tar-Regolament bażiku, il-benefiċċju fuq il-finanzjament preferenzjali ġie kkalkolat bħala d-differenza bejn l-ammont tal-imgħax imħallas u l-ammont li jkollu jitħallas għal self kummerċjali komparabbli. Bħala punt ta’ riferiment, il-Kummissjoni għal darb’oħra applikat ir-rata medja ponderata tal-imgħax tas-self kummerċjali fis-suq domestiku Tork, abbażi ta’ data miksuba mit-TCMB (54). Dan huwa l-istess parametru referenzjarju użat fl-investigazzjoni oriġinali, u r-rieżamijiet preċedenti kollha. Il-Kummissjoni allokat il-benefiċċju relatat mal-krediti għall-esportazzjoni fuq il-bejgħ tal-esportazzjoni filwaqt li s-self agrikolu ġie allokat fuq il-bejgħ totali.

(284)

Wara d-divulgazzjoni, Gumusdoga staqsiet dwar il-metodoloġija użata għall-attribuzzjoni tal-benefiċċju għal self kontinġenti fuq l-esportazzjoni. Fid-divulgazzjoni, il-Kummissjoni allokat il-benefiċċju kif ġej:

(a)

Is-self kontinġenti fuq l-esportazzjoni rrapportat bħala “mhux relatat mal-prodott taħt rieżami” ma kellu l-ebda benefiċċju allokat għall-prodott taħt rieżami.

(b)

Is-self kontinġenti fuq l-esportazzjoni fejn ma kien hemm l-ebda rapport bħal dan kellu l-benefiċċju kollu tiegħu allokat għall-fatturat mill-esportazzjoni tal-prodott taħt rieżami.

(285)

Wara d-divulgazzjoni, Gumusdoga ddikjarat li s-self kollu li jaqa’ taħt l-intestatura (b) għandu fil-fatt jiġi allokat għall-fatturat totali tal-esportazzjoni, peress li dan is-self kollu kien ukoll kontinġenti fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti oħra. Din l-affermazzjoni hija relatata mal-istess talba li saret mill-istess produttur esportatur fir-Regolament dwar ir-rieżami ta’ skadenza (55), il-premessa 92.

(286)

Fir-rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni setgħet talloka l-benefiċċju minn xi self kontinġenti fuq l-esportazzjoni għall-fatturat totali tal-esportazzjoni, fejn kien hemm evidenza li tappoġġa dan (56). Minħabba li xi wħud minn dawn is-selfiet baqgħu kurrenti f’din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni setgħet tasal għall-istess konklużjoni.

(287)

Għal dak is-self li ma ġiex eżaminat fir-rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni analizzat id-dokumentazzjoni li Gumusdoga pprovdiet mat-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju u s-sottomissjonijiet sussegwenti.

(288)

Fejn dik id-dokumentazzjoni wriet li s-self kien kontinġenti fuq l-esportazzjoni tal-prodotti kollha, il-benefiċċju ġie allokat fuq il-fatturat totali tal-esportazzjoni tal-grupp. Inkella l-benefiċċju baqa’ allokat fuq il-fatturat mill-esportazzjoni tal-prodott taħt rieżami. Id-dokumentazzjoni pprovduta minn Gumusdoga wara d-divulgazzjoni li ma setgħetx tiġi vverifikata ma ġietx ikkunsidrata.

(289)

Wara d-divulgazzjoni, żewġ produtturi esportaturi fil-kampjun innotaw żbalji klerikali fil-kalkolu tal-benefiċċju, u dawn ġew ikkoreġuti. Il-Kummissjoni żgurat ukoll li minħabba li r-rata normattiva ġiet ippubblikata kull nhar ta’ Ġimgħa, ir-rata normattiva tapplika għal self li jibda fil-ġimgħa sussegwenti, kif kien applikat ukoll fir-Regolament dwar ir-rieżami ta’ skadenza, il-premessa 93.

(290)

L-ammonti ta’ sussidju kkalkolati għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fir-rigward tas-self preferenzjali huma kif ġej:

Tabella 7

Kumpanija

ta’ Finanzjament

Ammont ta’ sussidju

Fishark

0,00  %

Gumusdoga

0,49  %

Ozpekler

0,36  %

Selina Balik

0,19  %

4.13.   Ammont finali ta’ sussidji kumpensabbli

(291)

Il-Kummissjoni sabet li l-ammont aggregat ta’ sussidji kumpensabbli f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku kien kif ġej:

Tabella 8

Sussidju totali misjub

Kumpanija

Ammont ta’ sussidju

Fishark

3,47  %

Gumusdoga

4,46  %

Ozpekler

3,19  %

Selina Balik

2,81  %

5.   IN-NATURA DEJJIEMA TAĊ-ĊIRKOSTANZI MIBDULA

(292)

L-investigazzjoni kkonfermat il-bidliet sinifikanti fl-istruttura u fit-termini tal-implimentazzjoni tas-sussidji diretti mogħtija mill-GTT lill-produtturi tat-trota meta mqabbla mal-investigazzjoni oriġinali. B’mod partikolari, kif diġà ġie stabbilit fir-rieżamijiet preċedenti msemmija fil-premessi 2 u 3, il-GTT introduċa bidla leġiżlattiva bid-Digriet Nru 2016/8791 (57) dwar l-appoġġ agrikolu li għandu jiġi pprovdut fl-2016. Il-Komunikat Nru 2016/33 (58) dwar l-appoġġ għall-akkwakultura pprovda dettalji tal-kundizzjonijiet tas-sussidji li għandhom jingħataw.

(293)

Essenzjalment u f’kuntrast mal-investigazzjoni oriġinali, fil-każ li produttur tat-trota jkollu aktar minn liċenzja ta’ produzzjoni waħda (jew “unità ta’ trobbija tal-ħut”) fl-istess żona potenzjali fil-baħar, kif iddefinit mill-Ministeru, fl-istess riżerva (diga), jew fl-istess riżervi li jinsabu fl-istess reġjuni, li jappartjenu għall-istess persuna jew għall-istess intrapriża/kumpanija, dawk il-liċenzji jew l-unitajiet ta’ trobbija tal-ħut jitqiesu bħala liċenzja jew unità waħda li tappartjeni għal dik il-kumpanija, u s-sussidju dirett jkollu jitħallas skont dik l-interpretazzjoni.

(294)

Din il-bidla leġiżlattiva nżammet fid-digrieti tas-snin ta’ wara kif ukoll fid-Digriet 3190 għall-RIP imsemmi fil-premessa 57. Dan jissuġġerixxi li l-bidla fl-istruttura u fl-implimentazzjoni tas-sussidji diretti mogħtija mill-GTT baqgħet stabbilita għal diversi snin u ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-GTT beħsiebu jagħmel aktar bidliet.

(295)

Barra minn hekk, emenda fl-2019 (59) fl-iskema ta’ sussidju dirett, illimitat il-kwantità eliġibbli għal sussidji diretti għal 350 miljun tunnellata, jiġifieri naqqset il-limitu massimu meta mqabbla mal-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. L-istess limitu massimu nżamm fl-2020 bid-Digriet 3190. kif imsemmi hawn fuq, l-investigazzjoni ma wriet l-ebda indikazzjoni li din il-prattika ma kinitx se tkompli.

(296)

L-investigazzjoni żvelat ukoll kif stabbilit fil-Premessi 57 sa 72, li l-GTT kien qed jissussidja dejjem aktar lill-bdiewa tat-troti billi jaqsam ir-rati ta’ appoġġ. Il-kumpaniji li jrabbu t-troti ta’ kull daqs taħt l-istess liċenzja tal-biedja rċevew benefiċċji kemm taħt ir-rati ta’ sussidju tat-“troti” kif ukoll dawk ta’ “trota ta’ aktar minn kilogramma”.

(297)

Il-mossa tal-GTT mis-sussidjar tat-troti kollha b’rata waħda ta’ sussidju għas-sussidjar kemm tat-trota kollha kif ukoll tat-“trota ta’ aktar minn kilogramma” titqies li hija ta’ natura dejjiema. Ix-xejra kienet qiegħda tiżdied b’mod rapidu matul l-aħħar snin, u l-GTT ma ta l-ebda indikazzjoni li dan ma kienx se jkompli. Din iż-żieda fil-benefiċċji permezz tal-iżborżi li saru skont ir-rati ta’ appoġġ ta’ “trota ta’ aktar minn kilogramma” kkumpensat parzjalment għat-tnaqqis fil-benefiċċji riċevuti għal “troti”. B’mod ġenerali, il-bdiewa tat-troti għadhom jirċievu appoġġ dirett mill-GTT.

(298)

Il-Kummissjoni nnotat li l-livell ġenerali ta’ sussidju tal-prodott taħt rieżami fil-Lira Torka għal kull kilogramma ta’ esportazzjonijiet lejn l-UE ma kienx naqas bl-istess mod bħad-dazji kompensatorji kkalkolati matul l-RIP. Dan huwa dovut għat-tnaqqis fil-valur tal-Lira Torka meta mqabbla mal-Euro mill-investigazzjoni oriġinali, u li d-dazju huwa kkalkolat abbażi tas-sussidju fil-Lira Torka għal kull kilo diviż bil-valur CIF fil-Lira Torka.

(299)

Madankollu, il-Kummissjoni nnotat ukoll li b’mod parallel mat-tnaqqis fil-valur tal-Lira Torka kontra l-Euro, it-Turkija kellha wkoll perjodi ta’ inflazzjoni għolja. Għalhekk, il-valur tal-Lira Torka fil-pajjiż naqas ukoll, u l-ammonti ta’ sussidju mħallsa, li baqgħu kostanti fil-Lira Torka, naqsu f’termini reali. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset it-tnaqqis tad-dazju kompensatorju mill-investigazzjoni oriġinali bħala bidla dejjiema fiċ-ċirkostanzi.

(300)

Fis-sottomissjoni tagħha tal-11 ta’ Novembru 2021, id-DAO kkummentat li hemm bidliet kostanti u regolari fl-iskemi ta’ sussidju fit-Turkija u għalhekk kwalunkwe bidla fl-ammonti tas-sussidju ma tistax titqies bħala dejjiema. L-esportazzjonijiet tat-trota mit-Turkija xorta waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u għadhom jikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, ir-rieżami attwali jenħtieġ li jintemm u jenħtieġ li jinżamm il-livell tal-miżuri fis-seħħ.

(301)

L-argumenti tad-DAO ma kkunsidrawx il-bidliet sinifikanti fl-istruttura u fl-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ sussidju dirett kif stabbilit matul din l-investigazzjoni. Il-varjazzjonijiet annwali possibbli fir-rati tas-sussidju ma kellhomx impatt fuq il-konklużjonijiet li ċ-ċirkostanzi fl-investigazzjoni oriġinali kienu sostanzjalment differenti u li l-bidliet li saru kienu ta’ natura dejjiema. Għalhekk, l-argumenti tal-DAO f’dan ir-rigward ġew miċħudin.

(302)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li kien hemm bidla fiċ-ċirkostanzi u li dawn il-bidliet huma dejjiema. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment dwar dan wara d-divulgazzjoni.

6.   MIŻURI KOMPENSATORJI

(303)

Abbażi tal-konklużjonijiet li laħqet il-Kummissjoni, il-miżuri kompensatorji fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija jenħtieġ li jiġu emendati biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi mibdula.

(304)

Il-miżuri kompensatorji ġew ikkalkolati bħala perċentwal tal-valur CIF tal-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni Ewropea matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(305)

Wara divulgazzjoni addizzjonali, Gumusdoga talbet lill-Kummissjoni tirrevedi l-kalkolu tal-fatturat totali tal-grupp ta’ kumpaniji investigati biex jinkludi l-fatturat lil kumpaniji relatati — barra minn dan il-grupp ta’ ħames kumpaniji li għandhom rabta diretta mal-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-prodott taħt rieżami — iżda li kienu parti mill-grupp Gumusdoga.

(306)

Din it-talba ġiet aċċettata u l-fatturat lill-kumpaniji kkonċernati ġie miżjud mal-fatturat totali tal-grupp.

(307)

Wara d-divulgazzjoni, it-tliet produtturi esportaturi fil-kampjun iddikjaraw li l-Kummissjoni kienet ikkalkulat b’mod skorrett il-valur CIF tal-bejgħ tal-esportazzjoni tal-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni. Huma sostnew li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-valuri tal-fattura DAP bħala l-valur CIF ta’ dak il-bejgħ, u sostnew li l-Kummissjoni kienet għamlet dan f’investigazzjonijiet preċedenti.

(308)

Il-Kummissjoni ċaħdet dawn it-talbiet. Il-valur CIF tal-bejgħ li sar lill-Unjoni ntuża (kif stabbilit fil-premessa 297 hawn fuq) biex jiġi ddeterminat il-perċentwal li bih il-prezz tal-importazzjoni għandu jiżdied biex jiġi eliminat l-effett tas-sussidjar. Dan jeħtieġ il-valur CIF peress li dan huwa l-valur iddikjarat lill-awtoritajiet doganali mal-importazzjoni fl-UE.

(309)

Kif inhi l-prattika standard tal-Kummissjoni, fejn dan il-valur CIF ma jkunx ġie rrappurtat, jew meta l-konsenja tkun fil-fruntiera CIF tal-Unjoni, il-valur tal-fattura huwa l-bażi għad-determinazzjoni tal-valur CIF. Meta l-valur tal-fattura jinkludi l-kostijiet wara l-importazzjoni (pereżempju għall-bejgħ fuq il-bażi tad-DAP u tad-DDP), il-Kummissjoni stmat il-valur CIF ta’ dawk it-tranżazzjonijiet billi użat l-evidenza disponibbli. Għall-bejgħ tad-DDP u xi bejgħ tad-DAP il-valur CIF kien magħruf, u ġie rrappurtat separatament fit-tweġibiet għall-kwestjonarju, u għalhekk intuża. Il-valuri CIF kollha użati ġew inklużi fl-informazzjoni sottomessa mill-partijiet u ġew ivverifikati matul l-RCC.

(310)

Minħabba l-livell għoli ta’ kooperazzjoni f’din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni qieset li jkun xieraq li jiġi stabbilit dazju għall-pajjiż kollu fil-livell tal-ogħla dazju individwali tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

(311)

Ir-rati tad-dazju kompensatorju tal-kumpanija individwali speċifikati f’dan ir-Regolament huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġina mit-Turkija u li jiġi manifatturat mill-entitajiet legali msemmija.

(312)

L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Dawn jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal xi rati individwali ta’ dazju kompensatorju.

(313)

Kumpanija tista’ titlob li jiġu applikati dawn ir-rati tad-dazju kompensatorju individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni. It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla tal-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, il-bidla tal-isem se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(314)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (60), meta ammont ikun irid jiġi rrimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jrid jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(315)

Il-miżuri previsti f’dan ir-regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2016/1037.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823 it-test wara l-kliem “li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet” huwa sostitwit b’dan li ġej:

ex 0301 91 90, ex 0302 11 80, ex 0303 14 90, ex 0304 42 90, ex 0304 82 90, ex 0305 43 00 u ex 1604 19 10 (kodiċijiet TARIC 0301919011, 0302118011, 0303149011, 0304429010, 0304829010, 0305430011 u 1604191011) u li joriġinaw fit-Turkija.

2.   It-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823 hija sostitwita bit-tabella ta’ hawn taħt:

Kumpanija

Dazju kompensatorju (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

Fishark Su Ürünleri Üretim ve Sanayi Ticaret A.Ş.

3,4

B985

Gümüşdoga Su Ürünleri Üretim Ihracat Ithalat AŞ

4,4

B964

Özpekler İnşaat Taahhüd Dayanıklı Tüketim Malları Su Ürünleri Sanayi ve Ticaret Limited Şirketi

3,1

B966

Kumpaniji elenkati fl-Anness

4,0

 

Selina Balık İşleme Tesisi İthalat İhracat Ticaret Anonim Şirketi

2,8

C889

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

4,4

B999

3.   L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823 huwa sostitwit bl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

4.   Il-kodiċi addizzjonali TARIC B968 li preċedentement kien attribwit lil Lezita Balik A.S. għandu japplika għal Abalıoglu Balik ve Gıda Ürünleri Anonim Şirketi mis-7 ta’ Lulju 2020 (id-data li fiha l-kumpanija bidlet isimha). Kwalunkwe dazju definittiv imħallas fuq importazzjonijiet ta’ prodotti mmanifatturati minn Abalıoglu Balik ve Gıda Ürünleri Anonim Şirketi li jaqbeż id-dazju kompensatorju stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823 fir-rigward ta’ Lezita Balik A.S. għandu jiġi rrimborżat jew jinħafer f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/309 tas-26 ta' Frar 2015 li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 56, 27.2.2015, p. 12).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/823 tal-4 ta' Ġunju 2018 li jtemm ir-rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti troti qawsalla li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija (ĠU L 139, 5.6.2018, p. 14).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/658 tal-15 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/309 li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija wara rieżami interim skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 155, 18.5.2020, p. 3).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/823 tal-20 ta’ Mejju 2021 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 183, 25.5.2021, p. 5).

(6)   ĠU C 380, 20.9.2021, p. 15.

(7)   ĠU C 40, 5.2.2021, p. 12.

(8)   ĠU L 83, 10.3.2022, p. 60.

(9)   ĠU C 176, 22.5.2019, p. 24.

(10)   ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6.

(11)  Il-bidla fl-isem ġiet ippubblikata fil-Ġurnal tar-Reġistru Kummerċjali bid-data 7 ta’ Lulju 2020 bin-numru 10113.

(12)  Id-Digriet Presidenzjali Nru 3190, “Digriet dwar l-Appoġġ Agrikolu li għandu Jingħata fl-2020”, ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 31295 datat il-5 ta’ Novembru 2020

(13)  Il-Komunikat 2020/39, ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 31321 datat l-1 ta’ Diċembru 2020

(14)  Komunikat 2020/39, Artikolu 4(f): Trota ta’ Aktar Minn Kilogramma: trota li tiżen 1,25 kg (kilogramma u mitejn u ħamsin gramma) u aktar għal kull biċċa meta mrobbija

(15)  Il-premessa 41 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823.

(16)  Il-Premessi minn 61 sa 63 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1195/2014 tad-29 ta’ Ottubru 2014 li jimponi dazju kompensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 319, 6.11.2014, p. 1).

(17)  Il-Premessa 39 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823.

(18)  Ippubblikat fid-19 ta’ Ġunju 2012, il-Gazzetta Uffiċjali Nru 28328

(19)  Ippubblikat fl-20 ta’ Ġunju 2012, il-Gazzetta Uffiċjali Nru 28329

(20)  Il-produzzjoni tal-akkwakultura hija elenkata b’mod espliċitu fl-Anness 2/A tad-Digriet Nru 2012/3305 fost is-setturi li jistgħu jibbenefikaw minn inċentivi bħall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), l-eżenzjoni mid-dazju doganali, it-tnaqqis tat-taxxa, il-kontribuzzjonijiet għall-investiment, l-appoġġ għall-primjum tas-sigurtà soċjali (il-kontribuzzjoni tal-impjegaturi, l-allokazzjoni tal-art, l-appoġġ għar-rata tal-imgħax, l-appoġġ għat-taxxa fuq l-introjtu u l-appoġġ għall-primjum tas-sigurtà soċjali (il-kontribuzzjoni tal-impjegati).

(21)  Il-Premessi 45 sa 48 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1195/2014.

(22)  Il-Premessi 63 sa 65 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823.

(23)  Decision Memorandum for the Preliminary Affirmative Determination in the Countervailing Duty Investigation of Common Alloy Aluminium Sheet from the Republic of Turkey Case number C-489-840 ippubblikat fis-7 ta’ Awwissu 2020.

(24)  L-Artikoli 12 u 13, Gazzetta Uffiċjali Nru 25852 tal-21 ta’ Ġunju 2005.

(25)  Gazzetta Uffiċjali Nru 30608 tas-27 ta’ Novembru 2018.

(26)  Il-Premessi 88 sa 89 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1195/2014 ikkonfermati mill-Premessa 42 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/309.

(27)  Il-Premessa 70 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823.

(28)  http://yuksekgerilim.com.tr/tr/ihracat-yuklemelerinde-devlet-navlun-destegi-hk/ (aċċessat fit-22 ta’ Awwissu 2022)

(29)  Ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali 04/09/2014 numru 29109

(30)  https://www.ziraatbank.me/en/ziraat-bank-turkey-today (aċċessat fl-24 ta’ Ġunju 2022).

(31)  https://www.tvf.com.tr/uploads/file/law-no-6741.pdf (aċċessat fl-24 ta’ Ġunju 2022).

(32)  https://www.tvf.com.tr/uploads/file/decree.pdf (aċċessat fl-24 ta’ Ġunju 2022).

(33)  Il-Premessa 67 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1195/2014.

(34)  Il-Premessa 69 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1195/2014.

(35)  Il-Premessa 79 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823.

(36)  Ippubblikat fil-31 ta’ Marzu 1987 fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 19417 (a).

(37)  Ippubblikat fit-23 ta’ Frar 2013 fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 28568.

(38)  https://www.eximbank.gov.tr/en/product-and-services/credits/short-term-export-credits/rediscount-credit-program (aċċessat fl-24 ta’ Ġunju 2022)

(39)  Maħruġa fl-4 ta’ Ottubru 2016 mid-Direttorat Ġenerali tal-Istituzzjonijiet Bankarji u Finanzjarji, u d-Direttorat tal-Leġiżlazzjoni dwar il-Munita Barranija tas-CBRT

(40)  https://www3.tcmb.gov.tr/yillikrapor/2020/en/m-2-2.html section 2.2.4 (aċċessat fl-1 ta’ Lulju 2022)

(41)  https://ms.hmb.gov.tr/uploads/2019/05/ivme-sunum.pdf (aċċessat fil-11 ta’ Lulju 2022)

(42)  https://www.sondakika.com/ekonomi/haber-ivme-finansman-paketi-12078612/

(43)  https://www.sondakika.com/ekonomi/haber-ivme-finansman-paketi-12078612/

(44)  http://www.satso.org.tr/duyuru/5605/ivme-finansman-paketi.aspx

(45)  https://www.halkbank.com.tr/en/investor-relations/corporate-information/ownership-structure.html (aċċessat fit-8 ta’ Awwissu 2022)

(46)  https://www.halkbank.com.tr/en/investor-relations/financial-information/annual-reports.html (aċċessat fit-8 ta’ Awwissu 2022)

(47)  https://www.halkbank.com.tr/en/investor-relations/corporate-governance/articles-of-association.html (aċċessat fis-17 ta’ Awwissu 2022)

(48)  https://www.halkbank.com.tr/en/about-halkbank/discover/we-are-turkiyes-sme-and-tradesman-bank.html (aċċessat fis-16 ta’ Awwissu 2022)

(49)  https://www.halkbank.com.tr/en/investor-relations/financial-information/annual-reports.html (aċċessat fit-8 ta’ Awwissu 2022)

(50)  https://www.hurriyet.com.tr/ekonomi/halkbanktan-1-7-milyar-lira-kar-41447902

(51)  Il-Premessi 75 sa 78 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1195/2014.

(52)  Il-Premessa 83 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823.

(53)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823.

(54)  https://evds2.tcmb.gov.tr/index.php?/evds/portlet/K24NEG9DQ1s%3D/en (aċċessat fl-1 ta’ Lulju 2022) Ir-rata tal-imgħax għal self kummerċjali fit-TL (Minbarra l-Kont ta’ Overdraft Korporattiv u l-Karti ta’ Kreditu Korporattivi) għas-self riċevut fit-TL u r-rata tal-imgħax għal self kummerċjali f’EUR għas-self riċevut f’EUR.

(55)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823.

(56)  Il-Premessi 91 u 92 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823.

(57)  Id-Digriet Tork Nru 2016/8791 dwar is-sussidji agrikoli fl-2016, datat il-25 ta’ April 2016 (implimentat b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2016)

(58)  Il-Komunikat bl-isem “Komunikat dwar l-Appoġġ għall-Akkwakultura” innumerat 2016/33 dwar l-implimentazzjoni tad-Digriet Nru 2016/8791 ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fit-3 ta’ Awwissu 2016.

(59)  Id-Digriet Presidenzjali 2019/1691 dwar is-sussidji agrikoli fl-2019, datat it-23 ta’ Ottubru 2019 (implimentat b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2019), ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 30928/24.10.2019

(60)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1)


ANNESS

Produtturi esportaturi Torok li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:

Isem

Kodiċi addizzjonali tat-TARIC

Abalıoğlu Balık ve Gıda Ürünleri A.Ş.

B968

Alima Su Ürünleri ve Gıda Sanayi Ticaret A.Ș.

B974

Bağcı Balık Gıda ve Enerji Üretimi San ve Tic. A.Ș.

B977

Baypa Bayhan Su Urunleri San. Ve Tic. A.S.

C890

Ertug Balik Uretim Tesisi A.S. u More Su Urunleri A.S.

C891

Kemal Balıkçılık Ihracat Ltd Ști.

B981

Kılıç Deniz Ürünleri Üretimi İhracat İthalat ve Ticaret A.Ş.

B965

Lazsom Su Urunleri Gida Uretim Pazarlama Sanayi Ve Ticaret Limited Sirketi

C892

Liman Entegre Balıkçılık San ve Tic. Ltd Şti.

B982

Ömer Yavuz Balikcilik Su Ürünleri San. Tic. Ltd Sti.

B984

Premier Kultur Balikciligi Yatirim Ve Pazarlama A.S

C893

Uluturhan Balikçilik Turizm Ticaret Limited Şirketi

C894

Yavuzlar Otomotiv Balikcilik San.Tic.Ltd Sti.

C895