3.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 311/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2368

tat-3 ta’ Diċembru 2022

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2369 tat-3 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1),

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 833/2014 (2).

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK (3).

(3)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/1909 tas-6 ta’ Ottubru 2022 introduċiet eżenzjoni mill-projbizzjoni tal-forniment ta’ trasport marittimu u mill-projbizzjoni tal-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew finanzjament jew assistenza finanzjarja, fil-każ tat-trasport marittimu lejn pajjiżi terzi ta’ żejt mhux maħdum jew prodotti tal-petroleum li joriġinaw mir-Russja jew li jiġu esportati mir-Russja, mixtrija bi prezz ekwivalenti għall-prezz massimu, jew orħos minnu, stabbilit minn qabel, miftiehem mill-Koalizzjoni għal-Limitu Massimu tal-Prezzijiet. Dik l-eżenzjoni għandha ttaffi l-konsegwenzi negattivi fuq il-provvista tal-enerġija lil pajjiżi terzi u tnaqqas iż-żieda fil-prezzijiet xprunata minn kundizzjonijiet straordinarji tas-suq, filwaqt li tillimita d-dħul Russu miż-żejt.

(4)

Fit-3 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill emenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK biex jintroduċi l-limitu massimu tal-prezz fl-Anness XI tagħha, jiġifieri l-prezz għal kull barmil li meta żejt mhux maħdum jinbiegħ bih, jew b’anqas minnu, ikun eżentat mill-projbizzjoni li jiġi pprovdut trasport marittimu u mill-projbizzjoni li tingħata assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew finanzjament jew assistenza finanzjarja, relatata mat-trasport marittimu lejn pajjiżi terzi.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XXVIII tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 jiġi emendat skont dan.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XXVIII tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 311 I, 3.12.2022.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).


ANNESS

Fl-Anness XXVIII għar-Regolament (UE) Nru 833/2014, qed tiddaħħal it-tabella li ġejja:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Prezz għal kull barmil (USD)

Data ta’ applikazzjoni

2709 00

Żjut minerali (petroleum) u żjut miksubin minn minerali bituminużi, mhux raffinati

60

Il-5 ta’ Diċembru 2022