30.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 309/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2334

tad-29 ta’ Novembru 2022

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 fir-rigward tal-applikazzjoni tal-monitoraġġ ta’ deċiżjonijiet marbuta ma’ informazzjoni vinkolanti u l-introduzzjoni ta’ flessibbiltà fil-proċeduri għall-ħruġ tal-provi tal-oriġini jew għat-tfassil tagħhom

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 25 u 66 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (2) jistabbilixxi li meta l-formalitajiet doganali jkunu qed jiġu ssodisfati mid-detentur ta’ deċiżjoni b’Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (Binding Tariff Information, BTI) jew minn xi ħadd f’ismu fir-rigward ta’ merkanzija koperta mid-deċiżjoni dwar il-BTI, dan għandu jiġi indikat fid-dikjarazzjoni doganali u billi jiġi ddikjarat in-numru ta’ referenza tad-deċiżjoni dwar il-BTI. L-obbligu li jiġi indikat in-numru ta’ referenza tad-Deċiżjoni dwar l-Informazzjoni Vinkolanti dwar l-Oriġini fid-dikjarazzjoni doganali huwa stipulat biss fl-Anness B tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (3) bħala nota għall-element tad-data 12 12 001 000.

(2)

Sabiex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jwettqu monitoraġġ xieraq tal-użu ta’ deċiżjoni marbuta ma’ informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini mid-detentur tagħha, u tal-konformità mal-obbligi li jirriżultaw minn dik id-deċiżjoni, jenħtieġ li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 biex jiġi indikat in-numru ta’ referenza tad-deċiżjoni fid-dikjarazzjoni doganali, japplika għad-deċiżjonijiet kollha relatati mal-informazzjoni vinkolanti.

(3)

Matul l-ewwel laqgħa teknika dwar ir-regoli tranżizzjonali tal-oriġini li saret fi Brussell fil-5 ta’ Frar 2020, l-Unjoni u 20 Parti Kontraenti oħra tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (il-Konvenzjoni PEM) (4) qablu li jimplimentaw ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni PEM (5) (“ir-regoli tranżizzjonali tal-oriġini”) b’mod parallel mar-regoli tal-Konvenzjoni PEM, fuq bażi tranżizzjonali mill-1 ta’ Settembru 2021, sakemm jiġu adottati r-regoli riveduti tal-Konvenzjoni PEM.

(4)

Mill-1 ta’ Settembru 2021, diġà daħlu fis-seħħ 13-il protokoll bilaterali dwar ir-regoli tal-oriġini bejn l-Unjoni u l-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni PEM u b’hekk ir-regoli tranżizzjonali saru applikabbli (6). Il-proċess ta’ implimentazzjoni tar-regoli tranżizzjonali mal-kumplament tal-Partijiet Kontraenti miexi ’l quddiem, soġġett li l-partijiet ilestu l-proċeduri ta’ adozzjoni.

(5)

L-objettiv tar-regoli tranżizzjonali tal-oriġini huwa li jiġu introdotti regoli aktar laxki sabiex tiġi ffaċilitata l-kwalifika tal-istatus oriġinarju preferenzjali għall-merkanzija. Peress li r-regoli tranżizzjonali tal-oriġini huma ġeneralment aktar laxki minn dawk tal-Konvenzjoni PEM, il-merkanzija li tissodisfa dawn tal-aħħar tista’ tikkwalifika wkoll bħala li toriġina fil-qafas tar-regoli tranżizzjonali tal-oriġini, bl-eċċezzjoni ta’ xi prodotti agrikoli kklassifikati fil-qafas tal-Kapitoli 2, 4 sa 15, 16 (għajr għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u 17 sa 24, fejn ir-regoli tranżizzjonali tal-oriġini mhumiex aktar laxki mir-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikoli 61 u 62 jiġu emendati biex jintroduċu l-possibbiltà li l-esportaturi tal-UE japplikaw għall-ħruġ ta’ ċertifikat tal-moviment jew li jfasslu dikjarazzjoni tal-oriġini msejsa fuq id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur li saru fil-kuntest tal-Konvenzjoni PEM.

(6)

Ir-regoli tranżizzjonali tal-oriġini huma applikabbli b’mod parallel mar-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM u b’hekk joħolqu żewġ żoni distintivi ta’ akkumulazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li fid-dikjarazzjoni tiegħu, il-fornitur jindika l-qafas legali użat għad-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija peress li dan jippermetti lill-esportatur jiddetermina l-istatus oriġinarju tal-merkanzija skont il-qafas korrett għal dawk il-materjali li jissodisfaw iż-żewġ settijiet ta’ regoli tal-oriġini.

(7)

Id-dikjarazzjoni tal-fornitur fl-Annessi 22-17 u 22-18 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 tintuża għall-prodotti li ma jkollhomx status oriġinarju preferenzjali. Meta jitqies li l-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti tista’ ssir biss bl-użu ta’ materjali mhux oriġinarji, jenħtieġ li t-tieni punt tad-dikjarazzjoni jimtela b’mod fakultattiv. Għalhekk, jenħtieġ li n-noti 4 u 5 f’qiegħ il-paġna tal-Anness 22-17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 u n-noti 5 u 6 f’qiegħ il-paġna tal-Anness 22-18 jiġu emendati skont dan.

(8)

Skont l-Artikolu 61(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 il-fornituri jistgħu jipprovdu d-dikjarazzjonijiet tagħhom fi kwalunkwe ħin, anki wara li l-prodotti jkunu ġew ikkonsenjati u skont l-Artikolu 62(2)(b) ta’ dak ir-Regolament, id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur għal perjodu ta’ żmien twil għandhom isiru għal kunsinni mibgħuta matul perjodu ta’ żmien li ma jistax ikun aktar minn 12-il xahar qabel jew aktar minn 6 xhur wara d-data tal-ħruġ tad-dikjarazzjoni tal-fornitur għal perjodu ta’ żmien twil. Sabiex jintużaw id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur maħruġa qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju għall-istokkijiet tal-materjali kostitwiti wara l-1 ta’ Settembru 2021, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Settembru 2021, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli tranżizzjonali tal-oriġini bejn l-Unjoni u diversi Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni PEM.

(9)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 20 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 20

Monitoraġġ ta’ deċiżjonijiet marbuta ma’ informazzjoni vinkolanti

(l-Artikolu 23(5) tal-Kodiċi)

Meta l-formalitajiet doganali jkunu qed jiġu ssodisfati mid-detentur ta’ deċiżjoni marbuta ma’ informazzjoni vinkolanti jew minn xi ħadd f’ismu, fir-rigward ta’ merkanzija koperta minn dik id-deċiżjoni, dan għandu jiġi indikat fid-dikjarazzjoni doganali billi jiġi ddikjarat in-numru ta’ referenza tad-deċiżjoni.”;

(2)

fl-Artikolu 61, jiddaħħlu l-paragrafi 1a u 1b li ġejjin:

“1a.   Fil-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (*1) (“il-Konvenzjoni PEM”), fejn japplikaw żewġ settijiet ta’ regoli tal-oriġini jew aktar, l-oriġini preferenzjali tal-merkanzija tista’ tiġi ddeterminata skont sett wieħed ta’ regoli tal-oriġini jew aktar.

Il-fornituri għandhom jispeċifikaw il-qafas legali użat biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija. Meta ma jkunx speċifikat tali qafas legali b’mod awtomatiku, id-dikjarazzjoni tal-fornitur għandha titqies li tiddikjara li ntużat il-Konvenzjoni PEM biex tiddetermina l-oriġini tal-merkanzija.

1b.   Għall-fini ta’ kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni PEM, l-esportatur jista’ juża d-dikjarazzjonijiet tal-fornitur bħala dokumenti ta’ sostenn biex japplika għall-ħruġ ta’ ċertifikat tal-moviment jew biex ifassal dikjarazzjoni tal-oriġini f’konformità mar-regoli tranżizzjonali tal-oriġini (*2) applikabbli b’mod parallel mar-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM, meta:

(a)

id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur jiddikjaraw l-istatus oriġinarju f’konformità mar-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM għall-prodotti kklassifikati fil-qafas tal-Kapitoli 1, 3 u 16 (għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata; kif ukoll

(b)

ma jkun hemm l-ebda applikazzjoni ta’ akkumulazzjoni mal-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni PEM li qed japplikaw il-Konvenzjoni PEM biss.

L-esportatur għandu jieħu l-passi neċessarji kollha biex jiżgura li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-prova tal-oriġini jew għat-tfassil tagħha jiġu ssodisfati skont sett speċifiku ta’ regoli tal-oriġini.

(*1)   ĠU L 54, 26.2.2013, p. 1."

(*2)  Ir-regoli tranżizzjonali tal-oriġini huma r-regoli riveduti tal-Konvenzjoni PEM (ĠU L 339, 30.12.2019, p. 1) applikabbli b’mod parallel mar-regoli attwali tal-Konvenzjoni PEM fuq bażi tranżizzjonali sakemm jiġu adottati r-regoli riveduti tal-Konvenzjoni PEM.”;"

(3)

fl-Artikolu 62, jiddaħħlu l-paragrafi 1a u 1b li ġejjin:

“1a.   Fil-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni PEM, fejn japplikaw żewġ settijiet ta’ regoli tal-oriġini jew aktar, l-oriġini preferenzjali tal-merkanzija tista’ tiġi ddeterminata skont sett wieħed ta’ regoli tal-oriġini jew aktar.

Il-fornituri għandhom jispeċifikaw, il-qafas legali użat biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija. Meta ma jkunx speċifikat tali qafas legali b’mod awtomatiku, id-dikjarazzjoni tal-fornitur għandha titqies li tiddikjara li ntużat il-Konvenzjoni PEM biex tiddetermina l-oriġini tal-merkanzija.

1b.   Għall-fini ta’ kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni PEM, l-esportatur jista’ juża d-dikjarazzjonijiet tal-fornitur bħala dokumenti ta’ sostenn biex japplika għall-ħruġ ta’ ċertifikat tal-moviment jew biex ifassal dikjarazzjoni tal-oriġini f’konformità mar-regoli tranżizzjonali tal-oriġini applikabbli b’mod parallel mar-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM, meta:

(a)

id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur jiddikjaraw l-istatus oriġinarju f’konformità mar-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM għall-prodotti kklassifikati fil-qafas tal-Kapitoli 1, 3 u 16 (għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata; kif ukoll

(b)

ma jkun hemm l-ebda applikazzjoni ta’ akkumulazzjoni mal-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni PEM li qed japplikaw il-Konvenzjoni PEM biss.

L-esportatur għandu jieħu l-passi neċessarji kollha biex jiżgura li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-prova tal-oriġini jew għat-tfassil tagħha jiġu ssodisfati skont sett speċifiku ta’ regoli tal-oriġini.”;

(4)

fl-Anness 22-15, in-nota (3) f’qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

“(3)

Il-pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju kkonċernat. Meta l-oriġini preferenzjali ta’ prodott minn pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju tista’ tinkiseb f’konformità ma’ aktar minn regola tal-oriġini waħda, il-fornituri għandhom jispeċifikaw il-qafas legali użat biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija (jiġifieri l-Konvenzjoni PEM u/jew ir-regoli tranżizzjonali tal-oriġini).

Meta pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju jkun Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni PEM, u meta ma jkunx speċifikat qafas legali b’mod awtomatiku, id-dikjarazzjoni tal-fornitur għandha titqies li tiddikjara li ntużat il-Konvenzjoni PEM biex tiddetermina l-oriġini tal-merkanzija.”.

(5)

fl-Anness 22-16, in-nota (5) f’qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

“(5)

Il-pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju kkonċernat. Meta l-oriġini preferenzjali ta’ prodott minn pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju tista’ tinkiseb f’konformità ma’ aktar minn regola tal-oriġini waħda, il-fornituri għandhom jispeċifikaw il-qafas legali użat biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija (jiġifieri l-Konvenzjoni PEM u/jew ir-regoli tranżizzjonali tal-oriġini).

Meta pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju jkun Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni PEM, u meta ma jkunx speċifikat qafas legali b’mod awtomatiku, id-dikjarazzjoni tal-fornitur għandha titqies li tiddikjara li ntużat il-Konvenzjoni PEM biex tiddetermina l-oriġini tal-merkanzija.”.

(6)

fl-Anness 22-17, in-nota 4 f’qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

“(4)

Għandha timtela biss jekk hija rilevanti. L-Unjoni, il-pajjiż, il-grupp ta’ pajjiżi jew it-territorju minn fejn joriġinaw il-materjali.”;

(7)

fl-Anness 22-17, in-nota (5) f’qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

“(5)

Għandha timtela biss jekk hija rilevanti. Il-pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju kkonċernat. Meta l-oriġini preferenzjali ta’ prodott minn pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju tista’ tinkiseb f’konformità ma’ aktar minn regola tal-oriġini waħda, il-fornituri għandhom jispeċifikaw il-qafas legali użat biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija (jiġifieri l-Konvenzjoni PEM u/jew ir-regoli tranżizzjonali tal-oriġini).

Meta pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju jkun Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni PEM, u meta ma jkunx speċifikat qafas legali b’mod awtomatiku, id-dikjarazzjoni tal-fornitur titqies li qed tfisser li ntużat il-Konvenzjoni PEM biex tiddetermina l-oriġini tal-merkanzija.”.

(8)

fl-Anness 22-18, in-nota (5) f’qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

“(5)

Għandha timtela biss jekk hija rilevanti. L-Unjoni, il-pajjiż, il-grupp ta’ pajjiżi jew it-territorju minn fejn joriġinaw il-materjali.”;

(9)

fl-Anness 22-18, in-nota (6) f’qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

“(6)

Għandha timtela biss jekk hija rilevanti. Il-pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju kkonċernat. Meta l-oriġini preferenzjali ta’ prodott minn pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju tista’ tinkiseb f’konformità ma’ aktar minn regola tal-oriġini waħda, il-fornituri għandhom jispeċifikaw il-qafas legali użat biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija (jiġifieri l-Konvenzjoni PEM u/jew ir-regoli tranżizzjonali tal-oriġini).

Meta pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju jkun Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni PEM, u meta ma jkunx speċifikat qafas legali b’mod awtomatiku, id-dikjarazzjoni tal-fornitur għandha titqies li tiddikjara li ntużat il-Konvenzjoni PEM biex tiddetermina l-oriġini tal-merkanzija.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1, il-punti (2) sa (9) għandhom japplikaw mill-1 ta’ Settembru 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(4)   ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

(5)   ĠU L 339, 30.12.2019, p. 1.

(6)   ĠU C 202, 19.5.2022, p. 1.