29.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2329

tat-28 ta’ Novembru 2022

li jemenda l-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-entrati għall-Eġittu u t-Turkija fil-lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti annimali ekwini

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 230(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi, fost l-oħrajn, ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, u japplika mill-21 ta’ April 2021. Wieħed minn dawk ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali huwa li dawk il-konsenji jridu jiġu minn pajjiż terz jew territorju, żona jew kompartiment tiegħu, elenkati f’konformità mal-Artikolu 230(1) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali minn pajjiżi terzi jew minn territorji, żoni, jew kompartimenti tagħhom. Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/692 jipprevedi li konsenji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jistgħu jitħallew jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu ġejjin minn pajjiż terz jew territorju, żona jew kompartiment tiegħu, elenkati għall-ispeċijiet partikolari u għall-kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali, f’konformità mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dak ir-Regolament Delegat.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi jew territorji, jew żoni jew kompartimenti tagħhom, li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ dawk l-ispeċijiet u l-kategoriji ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. Il-listi u ċerti regoli ġenerali li jikkonċernaw il-listi huma stabbiliti fl-Annessi I sa XXII ta’ dak ir-Regolament Delegat.

(4)

L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali ekwini.

(5)

It-Turkija hija elenkata fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, assenjata lill-Grupp Sanitarju E u reġjonalizzata bħala ż-żona TR-1 għal ċerti provinċji tal-Majjistral. F’Diċembru 2020, it-Turkija talbet lill-Kummissjoni testendi ż-żona TR-1 li minna d-dħul fl-Unjoni taż-żwiemel reġistrati huwa awtorizzat mill-provinċji ta’ Bursa, Eskişehir u Kocaeli, u pprovdiet garanziji li jappoġġaw dik it-talba.

(6)

Wara evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni pprovduta mit-Turkija, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-garanziji offruti mill-awtorità kompetenti ċentrali tat-Turkija huma biżżejjed biex jiġi awtorizzat id-dħul fl-Unjoni u t-tranżitu minnha, kif ukoll id-dħul mill-ġdid wara esportazzjoni temporanja taż-żwiemel reġistrati miż-żona l-ġdida TR-1 fit-Turkija.

(7)

L-Eġittu huwa elenkat fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, assenjat lill-Grupp Sanitarju E u reġjonalizzat bħala ż-żona EG-1 għal ċerti provinċji tat-Tramuntana. F’Diċembru 2021, l-Eġittu talab lill-Kummissjoni tawtorizza d-dħul fl-Unjoni taż-żwiemel reġistrati minn żona ġdida u pprovda lill-Kummissjoni b’garanziji fir-rigward tal-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-mard tal-ekwini fil-Kwarantina Veterinarja tal-Pulizija għall-Ekwini fit-triq tad-deżert CAIRO/SWISS fil-periferija tal-Lvant tal-Kajr konnessa permezz tal-Ajruport Internazzjonali tal-Kajr.

(8)

Wara evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-Eġittu, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-garanziji offruti mill-awtorità kompetenti ċentrali tal-Eġittu huma biżżejjed biex jiġi awtorizzat id-dħul fl-Unjoni u t-tranżitu minnha taż-żwiemel reġistrati minn dik iż-żona fl-Eġittu.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jiġi emendat skont dan.

(10)

Billi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 japplika mill-21 ta’ April 2021, fl-interess taċ-ċertezza ġuridika, u għall-faċilitazzjoni tan-negozju, jenħtieġ li l-emendi li jridu jsiru fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 b’dan ir-Regolament isiru effettivi b’urġenza.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali skont ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1).


ANNESS

L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti 1, fl-entrata għall-Eġittu, tiżdied iż-żona EG-2 li ġejja:

EG

L-Eġittu

EG-2

E

Żwiemel reġistrati

EQUI-X,

EQUI-TRANSIT-X”

 

 

 

 

(2)

Il-Parti 2 hija emendata kif ġej:

(a)

fl-entrata għall-Eġittu, tiżdied id-deskrizzjoni taż-żona EG-2 li ġejja:

“L-Eġittu

EG-2

Iż-Żona Ħielsa mill-Mard tal-Ekwini (EDFZ) b’daqs ta’ madwar 7,5 ejkers, stabbilita fil-Kwarantina Veterinarja tal-Pulizija għall-Ekwini fit-triq tad-deżert CAIRO/SWISS fil-kilometru 26, fil-periferija tal-Lvant tal-Kajr, (biċ-ċentru tagħha fi 30°05'21,4"N, 31°28'30,1"E) u l-passaġġ tal-awtostrada ta’ madwar 6 km fuq il-Pont El Rehab u t-Triq Suez u t-Triq tal-Ajruport għall-Ajruport Internazzjonali tal-Kajr.”

(b)

fl-entrata għat-Turkija, id-deskrizzjoni taż-żona TR-1 hija sostitwita b’li ġej:

“It-Turkija

TR-1

Il-provinċji ta’ Ankara, Bursa, Edirne, Eskişehir, Istanbul, Izmir, Kirklareli, Kocaeli u Tekirdag.”