29.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2328

tas-16 ta’ Awwissu 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw sottostanti eżotiċi u l-istrumenti li jġorru riskji residwi għall-finijiet tal-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għal riskji residwi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 325u(5), ir-raba’ subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

L-ispeċifikazzjoni ta’ strumenti li jirreferenzjaw sottostanti eżotiku prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 325u(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 hija ċara biżżejjed biex tippermetti lill-istituzzjonijiet jidentifikaw x’inhu sottostanti eżotiku għall-finijiet tal-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għal riskji residwi stabbiliti fl-Artikolu 325u. Għalhekk, mhi meħtieġa l-ebda speċifikazzjoni ulterjuri tat-tifsira ta’ sottostanti eżotiku.

(2)

B’mod partikolari, ir-riskju ta’ lonġevità, it-temp, id-diżastri naturali u l-volatilità realizzata futura jissodisfaw l-ispeċifikazzjoni ta’ sottostanti eżotiku, f’konformità mal-indikazzjoni pprovduta fil-qafas internazzjonali rilevanti definit mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS).

(3)

Id-definizzjoni ta’ strumenti li jġorru riskji residwi prevista fil-punt (b) tal-Artikolu 325u(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, mhijiex ċara biżżejjed biex tippermetti lill-istituzzjonijiet jidentifikaw ċerti strumenti li jġorru riskji residwi. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi speċifikata lista ta’ strumenti li jġorru riskji residwi, għalkemm mhux eżawrjenti, biex jiġi żgurat ċertu livell ta’ armonizzazzjoni u konsistenza fit-trattament ta’ strumenti li jġorru dawk ir-riskji madwar l-Unjoni. L-elementi ta’ tali lista jenħtieġ li jintgħażlu b’kunsiderazzjoni tal-qafas internazzjonali rilevanti tal-BCBS. Għal strumenti oħra bi preżunzjoni li jġorru riskji residwi, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jivvalutaw jekk dawk l-istrumenti jissodisfawx id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 325u(2), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Minħabba n-natura mhux standard ta’ ħafna mill-istrumenti li jġorru riskju residwu, jenħtieġ li tiġi speċifikata wkoll lista mhux eżawrjenti ta’ riskji li fihom infushom ma għandhomx jiskattaw l-inklużjoni ta’ strument skont id-definizzjoni ta’ strumenti li jġorru riskji residwi sabiex jipprovdu ċertezza legali u trasparenza akbar. Madankollu, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jivvalutaw jekk strument espost għal dawk ir-riskji jistax jibqa’ jitqies bħala strument espost għal riskju residwu jekk l-istrument jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 325u(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(5)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(6)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Speċifikazzjoni ta’ sottostanti eżotiċi

Ir-riskju ta’ lonġevità, it-temp, id-diżastri naturali u l-volatilità realizzata futura għandhom jitqiesu bħala sottostanti eżotiċi għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 325u(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 2

Speċifikazzjoni ta’ strumenti li jġorru riskji residwi

L-istrumenti elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala strumenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 325u(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u li jikkostitwixxu strumenti li jġorru riskji residwi.

Artikolu 3

Speċifikazzjoni ta’ strumenti mingħajr preżunzjoni li jġorru riskji residwi

Strument ma għandux jitqies li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 325u(2), il-punti (b)(i) u (ii) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 unikament minħabba li jġorr riskju wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

riskju li jirriżulta minn tranżazzjonijiet fejn l-obbligu ta’ konsenja jista’ jiġi ssodisfat fi ħdan firxa ta’ strumenti konsenjabbli u fejn il-kontroparti għandha l-possibbiltà li twassal l-inqas wieħed minn dawk l-istrumenti li huwa ta’ valur;

(b)

riskju ta’ bidla fil-volatilità implikata ta’ strument b’opzjonalità, relattiva għall-volatilità implikata ta’ strumenti oħra b’opzjonalità bl-istess sottostanti u maturità, iżda flus differenti;

(c)

riskju ta’ korrelazzjoni li jirriżulta minn opzjoni ta’ indiċi, fejn l-indiċi jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 325i(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(d)

riskju ta’ korrelazzjoni li jirriżulta minn opzjoni f’impriża ta’ investiment kollettiv li tittraċċa parametru referenzjarju tal-indiċi, meta t-traċċar jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 325j(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-indiċi jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 325i(3) ta’ dak ir-Regolament;

(e)

riskju ta’ dividendi li jirriżulta minn strument derivattiv li s-sottostanti tiegħu ma jikkonsistix biss f’pagamenti ta’ dividendi.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


ANNESS

Lista ta’ strumenti li jġorru riskji residwi msemmija fl-Artikolu 2

L-istrumenti msemmija fl-Artikolu 2 għandhom ikunu kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

1.

opzjonijiet fejn il-ħlas jiddependi fuq il-perkors segwit mill-prezz tal-assi sottostanti u mhux biss il-prezz finali tiegħu fid-data tal-eżerċizzju;

2.

opzjonijiet li jibdew f’data definita minn qabel fil-futur u li l-prezz tal-eżerċitar tagħhom ikun għadu mhuwiex determinat fiż-żmien meta l-opzjoni tkun fil-portafoll tan-negozjar tal-istituzzjoni;

3.

opzjonijiet li s-sottostanti tagħhom hija opzjoni oħra;

4.

opzjonijiet bi ħlas mhux kontinwu;

5.

opzjonijiet li jippermettu lid-detentur jimmodifika l-prezz tal-eżerċitar jew termini oħra tal-kuntratt qabel il-maturità tal-opzjonijiet;

6.

opzjonijiet li jistgħu jiġu eżerċitati f’sett finit ta’ dati predeterminati;

7.

opzjonijiet li s-sottostanti tagħhom huwa denominat f’munita waħda iżda li l-ħlas tagħhom jitħallas f’munita differenti, b’rata tal-kambju predeterminata bejn iż-żewġ muniti;

8.

opzjonijiet b’diversi sottostanti, esklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 3, il-punti (c) u (d);

9.

opzjonijiet soġġetti għal riskju tal-imġiba, biss meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-opzjoni hija ta’ klijent mhux professjonali;

(b)

ammont sinifikanti ta’ dawn l-opzjonijiet jinżammu fil-portafoll tan-negozjar;

(c)

ir-riskju tal-imġiba ta’ dawn l-opzjonijiet huwa vvalutat mill-istituzzjoni bħala materjali.