|
28.11.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 307/31 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2311
tal-21 ta’ Ottubru 2022
li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 153/2013 fir-rigward ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza dwar ir-rekwiżiti kollaterali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 46(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 153/2013 (2) jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti għall-kontropartijiet ċentrali (central counterparties, CCPs) biex jaċċettaw kollateral likwidu ħafna b’riskju minimu ta’ kreditu u tas-suq. |
|
(2) |
L-iżviluppi politiċi u tas-suq riċenti wasslu għal żidiet sinifikanti fil-prezzijiet u fil-volatilità fis-swieq tal-enerġija, li wasslu għal żidiet sostanzjali fil-marġni minn kontropartijiet ċentrali (CCPs) biex ikopru l-iskoperturi relatati. Dawk iż-żidiet fil-marġni ħolqu pressjoni ta’ likwidità fuq kontropartijiet mhux finanzjarji, li tipikament ikollhom inqas assi likwidi biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-marġini. B’konsegwenza ta’ dan, dawk il-kontropartijiet mhux finanzjarji ġew imġiegħla jnaqqsu l-pożizzjonijiet tagħhom jew iħalluhom mhux iħħeġġjati kif suppost, u dan jesponihom għal aktar varjazzjonijiet fil-prezzijiet. |
|
(3) |
Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji u tal-enerġija tal-Unjoni fiċ-ċirkustanzi attwali u sabiex tittaffa l-pressjoni tal-likwidità fuq kontropartijiet mhux finanzjarji attivi fis-swieq regolati tal-gass u tal-elettriku kklerjati f’CCPs stabbiliti fl-Unjoni, jenħtieġ li l-aggregazzjoni ta’ kollateral eliġibbli disponibbli għall-membri tal-ikklerjar mhux finanzjarji tiġi estiża temporanjament biex tinkludi garanziji bankarji mhux kollateralizzati. |
|
(4) |
Sabiex jitrażżnu l-piżijiet tal-likwidità osservati fis-swieq tad-derivattivi tal-enerġija, jenħtieġ li l-garanziji maħruġa jew sostnuti minn entitajiet pubbliċi jitqiesu wkoll bħala kollateral eliġibbli għal kontropartijiet finanzjarji u mhux finanzjarji mis-CCP, minħabba li dawk il-garanziji għandhom riskju baxx ta’ kreditu tal-kontroparti u huma irrevokabbli, inkondizzjonati u jistgħu jiġu onorati fil-perjodu tal-likwidazzjoni tal-portafoll tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti, u għalhekk iġorru riskju limitat ta’ likwidità. |
|
(5) |
Ir-riskji relatati ma’ espansjoni ta’ kollateral eliġibbli għal garanziji bankarji mhux kollateralizzati u garanziji pubbliċi huma mistennija li jibqgħu limitati, billi l-espansjoni tkun soġġetta għas-salvagwardji tal-ġestjoni tar-riskju tas-CCP u r-rekwiżiti applikabbli l-oħra kollha, kif stabbiliti fir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 153/2013, ikomplu japplikaw. |
|
(6) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 153/2013 jiġi emendat skont dan. |
|
(7) |
Sabiex jiġu limitati aktar ir-riskji assoċjati mal-aċċettazzjoni ta’ garanziji bankarji mhux kollateralizzati għal membri tal-ikklerjar mhux finanzjarji u garanziji pubbliċi għal membri tal-ikklerjar finanzjarji u mhux finanzjarji bħala kollateral, jenħtieġ li dawk il-miżuri jkunu ta’ natura temporanja u jingħataw għal perjodu ta’ 12-il xahar, filwaqt li jipprovdu solliev lill-parteċipanti fis-suq u jinċentivawhom biex jirritornaw fis-swieq. |
|
(8) |
Fid-dawl tal-iżviluppi riċenti tas-suq, huwa meħtieġ li l-aggregazzjoni ta’ kollateral eliġibbli disponibbli għall-membri tal-ikklerjar mhux finanzjarji tiġi estiża malajr kemm jista’ jkun. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza. |
|
(9) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), wara konsultazzjoni mal-Awtorità Bankarja Ewropea, mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u mas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali. |
|
(10) |
L-ESMA ma għamlet ebda konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li huma l-bażi tar-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali billi dan kien ikun sproporzjonat fil-konfront tal-fini u tal-impatt tal-emendi li għandhom jiġu adottati, b’kunsiderazzjoni tan-natura urġenti u l-ambitu limitat tal-bidliet proposti. Minħabba l-urġenza, l-ESMA talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Il-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq se jiġi infurmat b’dan skont dik id-dispożizzjoni, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 153/2013 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
Fl-Artikolu 39, jiżdied it-tieni paragrafu li ġej: “Sad-29 ta’ Novembru 2023, għall-finijiet tal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-garanziji pubbliċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I għandhom jitqiesu bħala kollateral likwidu ħafna.”; |
|
(2) |
Fl-Artikolu 62, it-tieni paragrafu, tiżdied is-sentenza li ġejja: “Madankollu, it-Taqsima 2, il-paragrafu 1, il-punt (h), tal-Anness I ma għandux japplika fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet fuq derivattivi, kif imsemmi fl-Artikolu 2(4), il-punti (b) u (d), tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 mid-29 ta’ Novembru 2022 sad-29 ta’ Novembru 2023.”; |
|
(3) |
L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 153/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti għall-kontropartijiet ċentrali (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 41).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
ANNESS
Fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) Nru 153/2013, tiddaħħal it-Taqsima 2a li ġejja:
“ TAQSIMA 2a
Garanziji Pubbliċi
Sad-29 ta’ Novembru 2023, garanzija pubblika li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għal garanzija tal-bank ċentrali stabbiliti fit-Taqsima 2, il-paragrafu 2, għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin biex tiġi aċċettata bħala kollateral skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012:
|
(a) |
din tinħareġ jew tiġi garantita b’mod espliċitu minn kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
|
|
(b) |
is-CCP tista’ turi li għandha riskju ta’ kreditu baxx ibbażat fuq valutazzjoni interna mis-CCP; |
|
(c) |
hija denominata f’waħda mill-muniti li ġejjin:
|
|
(d) |
hija irrevokabbli, mhix kondizzjonata u l-entitajiet emittenti u garanti ma jistgħu jinvokaw l-ebda eżenzjoni jew difiża ġuridika jew kuntrattwali li topponi l-pagament tal-garanzija; |
|
(e) |
tista’ tiġi onorata fil-perjodu ta’ likwidazzjoni tal-portafoll tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti li jipprovdiha mingħajr ebda restrizzjoni regolatorja, ġuridika jew operazzjonali jew mingħajr pretensjoni ta’ parti terza għaliha. |
Għall-finijiet tal-punt (b), is-CCP għandha tuża, fit-twettiq tal-valutazzjoni msemmija f’dak il-punt, metodoloġija definita u oġġettiva li ma għandhiex tiddependi bis-sħiħ fuq opinjonijiet esterni.
(*1) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).” ”