28.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 307/29


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2310

tat-18 ta’ Ottubru 2022

li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) Nru 149/2013 fir-rigward tal-valur tal-limitu minimu għall-ikklerjar għal pożizzjonijiet miżmuma f’kuntratti tad-derivattivi tal-komoditajiet OTC u kuntratti tad-derivattivi OTC oħrajn

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 (2) jispeċifika, fost l-oħrajn, il-valuri tal-limiti massimi għall-ikklerjar għall-fini tal-obbligu tal-ikklerjar.

(2)

Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA) għandha tirrevedi perjodikament il-valuri ta’ dawk il-limiti minimi għall-ikklerjar u tipproponi standards tekniċi regolatorji biex temendahom. Dak ir-rieżami għandu jkun preċedut minn konsultazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u awtoritajiet rilevanti oħra u għandu jqis, fejn meħtieġ, l-interkonnettività tal-kontropartijiet finanzjarji.

(3)

Għal xi ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi, għadha ma ġiet adottata l-ebda deċiżjoni ta’ ekwivalenza kif imsemmi fl-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. B’riżultat ta’ dan, il-kuntratti eżegwiti fis-swieq f’dawk il-ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi jitqiesu bħala OTC u, għalkemm jiġu kklerjati minn CCPs rikonoxxuti, jgħoddu għal-limiti minimi għall-ikklerjar. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-komoditajiet reċentement żdiedu, aggravati b’mod sinifikanti mill-aggressjoni militari Russa mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna. Dawk ir-raġunijiet jitolbu aġġustament korrispondenti tal-limitu minimu attwali għad-derivattivi tal-komoditajiet. Il-valur limitu minimu tal-ikklerjar għal pożizzjonijiet miżmuma f’derivattivi ta’ komoditajiet OTC jenħtieġ għalhekk li jiżdied minn EUR 3 biljun għal EUR 4 biljun.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 149/2013 jiġi emendat skont dan.

(5)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq rapport u l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(6)

L-ESMA wettqet konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar il-limiti minimi għall-ikklerjar għal klassijiet differenti ta’ assi u b’mod partikolari dwar il-limiti minimi għall-ikklerjar għall-klassijiet ta’ assi derivattivi tal-komoditajiet. Minħabba l-ambitu limitat tal-emenda u l-urġenza tagħha fid-dawl tal-prezzijiet tal-komoditajiet li qed jiżdiedu malajr, ikun sproporzjonat ħafna għall-ESMA li twettaq konsultazzjoni pubblika miftuħa addizzjonali dwar dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji. L-ESMA kkonsultat lill-BERS skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(7)

Minħabba ż-żieda reċenti fil-prezzijiet tal-komoditajiet u l-effett tagħha fuq kontropartijiet mhux finanzjarji li jieħdu pożizzjonijiet f’kuntratti tad-derivattivi tal-komoditajiet OTC, huwa meħtieġ li l-valur limitu minimu għall-ikklerjar jiġi aġġustat kemm jista’ jkun malajr għal pożizzjonijiet miżmuma minn kontropartijiet mhux finanzjarji f’derivattivi ta’ komoditajiet OTC. Fid-dawl tal-kriżi attwali tal-enerġija u l-inflazzjoni, l-ESMA għandha tivvaluta l-impatt tal-limitu minimu rivedut u tressaq emendi jekk jitqies meħtieġ u xieraq. Għaldaqstant jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda fir-Regolament Delegat (UE) Nru 149/2013

Fl-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 149/2013, il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

EUR 4 biljuni f’valur gross nozzjonali għal kuntratti tad-derivattivi tal-komoditajiet OTC u kuntratti tad-derivattivi OTC oħrajn mhux previsti fil-punti (a) sa (d).”.

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Regolamenti ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, u tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivati OTC mhux ikklerjati minn CCP (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 11).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).