25.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 305/51


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2304

tal-24 ta’ Novembru 2022

li jaħtar il-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għad-deni tal-Wied tar-Rift

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 93(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2156 (2) stabbilixxa l-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għad-deni tal-Wied tar-Rift.

(2)

Wara l-istabbiliment tal-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għad-deni tal-Wied tar-Rift, u f’konformità mal-Artikolu 93(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-Kummissjoni segwiet proċess ta’ għażla pubblika għall-ħatra tal-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għad-deni tal-Wied tar-Rift.

(3)

Inħatar kumitat tal-evalwazzjoni u tal-għażla għall-proċess tal-għażla pubblika għall-ħatra tal-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għad-deni tal-Wied tar-Rift. Dak il-kumitat tal-evalwazzjoni u tal-għażla kkonkluda li l-laboratorju Taljan Istituto Zooprofilattico Sperimentale dell’Abruzzo e del Molise ‘G. Caporale’ jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 93(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 u huwa kapaċi jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 94 ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Għelhekk, jenħtieġ li l-laboratorju Taljan Istituto Zooprofilattico Sperimentale dell’Abruzzo e del Molise ‘G. Caporale’ jinħatar bħala l-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għad-deni tal-Wied tar-Rift. Jenħtieġ li l-programm ta’ ħidma tiegħu jiġi stabbilit f’konformità mal-objettivi u mal-prijoritajiet tal-programmi ta’ ħidma rilevanti adottati mill-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(5)

Sabiex jiġi żgurat li jinżammu l-livell xieraq tal-metodi ta’ analiżi, ta’ ttestjar jew ta’ dijanjożi, u l-iżvilupp ta’ metodi vvalidati u li tinżamm l-assistenza kkoordinata tal-laboratorju uffiċjali, u f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, jenħtieġ li l-ħatra bħala laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea tiġi rieżaminata b’mod regolari,

(6)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2023, id-data meta l-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għad-deni tal-Wied tar-Rift jenħtieġ li jibda l-attivitajiet tiegħu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-laboratorju li ġej huwa maħtur bħala l-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għad-deni tal-Wied tar-Rift:

Istituto Zooprofilattico Sperimentale dell’Abruzzo e del Molise ‘G. Caporale’, Via Campo Boario, 64100 Teramo (TE), l-Italja.

Artikolu 2

Il-ħatra fl-Artikolu 1 għandha tiġi rieżaminata b’mod regolari.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2156 tas-17 ta’ Settembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għad-deni tal-Wied tar-Rift (ĠU L 436, 7.12.2021, p. 26).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1).