23.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2288

tas-16 ta’ Awwissu 2022

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2066 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-eżenzjoni marbuta mal-kapaċità għolja ta’ sopravivenza għall-obbligu ta’ ħatt l-art għall-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.), għall-arzelli tal-pellegrini (Pecten jacobaeus) u għall-vongole (Venerupis spp.) fil-Punent tal-Baħar Mediterran

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2066 (2) jipprevedi l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd demersali fil-Punent tal-Baħar Mediterran, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(2)

Fid-9 ta’ Mejju 2022, Spanja, Franza u l-Italja (il-“Grupp ta’ Livell Għoli Pescamed”), ippreżentaw lill-Kummissjoni rakkomandazzjoni konġunta li tipproponi l-estensjoni ta’ ċerti eżenzjonijiet tal-obbligu ta’ ħatt l-art għas-sajd demersali fil-Punent tal-Baħar Mediterran, li qiesu l-fehmiet tal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Mediterran.

(3)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”) evalwa r-rakkomandazzjoni konġunta bejn is-16 u l-20 ta’ Mejju 2022 (3).

(4)

Fit-8 ta’ Lulju 2022, il-Grupp ta’ Livell Għoli Pescamed ippreżenta rakkomandazzjoni konġunta aġġornata, li l-STECF evalwa wkoll.

(5)

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni qieset ir-rakkomandazzjoni konġunta tat-8 ta’ Lulju 2022 fid-dawl tal-valutazzjoni tal-STECF biex tiżgura li din tkun kompatibbli mal-miżuri ta’ konservazzjoni rilevanti, inkluż l-obbligu ta’ ħatt l-art.

(6)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata tat-8 ta’ Lulju 2022 tipproponi li jiġu estiżi l-eżenzjonijiet marbuta mal-kapaċità għolja ta’ sopravivenza, kif previst fl-Artikolu 15(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, stabbiliti għall-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.), għall-arzelli tal-pellegrini (Pecten jacobaeus) u għall-vongole (Venerupis spp.) li jinqabdu bil-gangmi mekkanizzati.

(7)

Fir-rigward tal-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.), l-STECF ikkonkluda li l-informazzjoni ta’ appoġġ tipprovdi stimi robusti ta’ kapaċità għolja ta’ sopravivenza. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li jenħtieġ li l-eżenzjoni tiġi estiża.

(8)

Rigward l-arzelli tal-pellegrini (Pecten jacobaeus) u l-vongole (Venerupis spp.), l-STECF enfasizza li ġiet ippreżentata evidenza addizzjonali fir-rigward tal-arzelli tal-pellegrini (Pecten jacobaeus). Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ studji u pubblikazzjonijiet xjentifiċi fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ speċijiet u ta’ speċijiet bivalvi simili oħra li jinqabdu bil-gangmi mekkanizzati f’baċiri tal-baħar oħrajn u li fil-passat ġew ivvalutati mill-STECF. Fir-rigward tas-similaritajiet mal-arzelli tal-pellegrini tal-Punent tal-Mediterran (Pecten jacobaeus) u l-vongole (Venerupis spp.), il-kapaċità għolja ta’ sopravivenza probabbli ta’ dawk l-ispeċijiet għandha tiġi kkunsidrata fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ speċijiet filwaqt li l-Istati Membri jintalbu jiżviluppaw studji fil-Punent tal-Mediterran.

(9)

Peress li l-evidenza dwar ir-rati ta’ sopravivenza tal-arzelli tal-pellegrini (Pecten jacobaeus) u l-vongole (Venerupis spp.) mhijiex konklużiva u l-STECF ikkonkluda li jeħtieġ li tiġi pprovduta aktar evidenza xjentifika dwar il-kapaċità ta’ sopravivenza għal dawk l-ispeċijiet bivalvi fil-Punent tal-Baħar Mediterran, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi estiża biss għal perjodu qasir. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jippreżentaw l-evidenza xjentifika rilevanti biex l-STECF jevalwaha.

(10)

L-Istati Membri konċernati ġeddew l-impenn tagħhom fir-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata tat-8 ta’ Lulju 2022 biex iżidu s-selettività tal-irkaptu tas-sajd f’konformità mar-riżultati tal-programmi ta’ riċerka attwali sabiex inaqqsu u jillimitaw il-qabdiet mhux mixtieqa u partikolarment il-qabdiet b’daqsijiet iżgħar mid-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni.

(11)

Barra minn hekk, fir-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata tat-8 ta’ Lulju 2022 l-Istati Membri impenjaw ruħhom ukoll li jidentifikaw aktar żoni ta’ għeluq sabiex inaqqsu l-mortalità tal-ħut li għadu qed jikber, fejn ikun hemm evidenza ta’ konċentrazzjoni għolja ta’ ħut li għadu qed jikber.

(12)

Il-miżuri proposti fir-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata tat-8 ta’ Lulju 2022 huma konformi mal-Artikolu 15(4), mal-Artikolu 15(5), il-punt (b), u mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2021/2066 jiġi emendat skont dan.

(13)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Madankollu jenħtieġ li japplika minn data aktar tard,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2066 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b) u (c) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(a)

għall-arzelli tal-pellegrini (Pecten jacobaeus) li jinqabdu bil-gangmi mekkanizzati (HMD) sal-31 ta’ Diċembru 2023;

(b)

għall-vongole (Venerupis spp.) li jinqabdu bil-gangmi mekkanizzati (HMD) sal-31 ta’ Diċembru 2023;

(c)

għall-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.) li jinqabdu bil-gangmi mekkanizzati (HMD) sal-31 ta’ Diċembru 2024;”

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Sal-1 ta’ Mejju tal-2022 u tal-2023, l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fil-Baħar Mediterran għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni data addizzjonali dwar l-iskartar u kwalunkwe informazzjoni xjentifika rilevanti oħra li jappoġġaw l-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b). L-STECF għandu jivvaluta d-data u l-informazzjoni ppreżentati sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2066 tal-25 ta’ Awwissu 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċerti stokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran għall-perjodu 2022-2024 (ĠU L 421, 26.11.2021, p. 17).

(3)  Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) – Evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Konġunti dwar l-obbligu ta’ ħatt l-art u dwar ir-Regolament dwar il-Miżuri Tekniċi (STECF-22-05).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).