23.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2287

tat-12 ta’ Awwissu 2022

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2065 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed fir-rigward tal-estensjoni tal-eżenzjoni b’rata għolja ta’ sopravivenza għall-obbligu ta’ ħatt l-art għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistabbilixxi obbligu ta’ ħatt l-art għall-qabdiet tal-ispeċijiet kollha li huma soġġetti għal-limiti fuq il-qbid. Skont l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta’ ħatt l-art għandu japplika għall-ispeċijiet li jiddefinixxu s-sajd sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2017. Il-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed huwa wieħed minn dawk l-ispeċijiet.

(2)

Fl-20 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/87 (2) li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed, li ppreveda eżenzjoni tas-sopravivenza tal-barbun imperjali li jinqabad bl-għeżula tal-qiegħ. Dan kien japplika mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2019. Fil-25 ta’ Awwissu 2021, ġie adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2065 (3) li jistabbilixxi pjan ta’ skartar għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed, li japplika mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(3)

Il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom interess ta’ ġestjoni dirett tas-sajd fl-isfruttar tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed. Fit-12 ta’ Frar 2021, dawk l-Istati Membri ressqu rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni, fejn talbu t-tiġdid tal-pjan għall-iskartar u għall-eżenzjoni tas-sopravivenza tal-barbun imperjali li jinqabad bl-għeżula tal-qiegħ fil-Baħar l-Iswed. Fil-15 ta’ Lulju 2021, dawk l-Istati Membri ressqu rakkomandazzjoni konġunta aġġornata. F’konformità mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2065, fid-29 ta’ April 2022 u fl-10 ta’ Mejju 2022 dawk l-Istati Membri ressqu data addizzjonali dwar l-istimi tas-sopravivenza relatati mas-sajd bl-għeżula għall-barbun imperjali li jinqabad bl-għeżula tal-qiegħ fil-Baħar l-Iswed.

(4)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (4) (“STECF”) ivvaluta r-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata mressqa u laqa’ l-isforzi li saru biex jitwettaq studju dwar is-sopravivenza tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed li ħares lejn il-vitalità tal-individwi maqbuda. L-STECF irrikonoxxa wkoll li d-data pprovduta hija siewja għall-valutazzjoni tas-sopravivenza tal-barbun imperjali. L-istudju li sar fl-ilmijiet Bulgari u Rumeni wera rata għolja ta’ vitalità (aktar minn 80 %) ta’ barbun imperjali maqbud f’għeżula tal-monofilamenti. F’dan il-kuntest, l-STECF ikkonkluda li s-sopravivenza hija għolja.

(5)

Fis-7 ta’ Lulju 2022, il-Bulgarija u r-Rumanija ressqu rakkomandazzjoni konġunta aġġornata dwar l-estensjoni tal-eżenzjoni ta’ sopravivenza għolja għall-barbun imperjali mill-obbligu ta’ ħatt l-art fil-Baħar l-Iswed għal sentejn.

(6)

Il-Kummissjoni tqis li l-evidenza ta’ sopravivenza murija fl-istudju msemmi hija għolja biżżejjed. Għalhekk, jenħtieġ li l-eżenzjoni skont l-Artikolu 15(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tiġi estiża. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2021/2065 jiġi emendat skont dan.

(7)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-ippjanar ta’ dan l-istaġun tas-sajd, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara li jiġi ppubblikat. F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet konġunti u meta jitqies il-qafas ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika f’data aktar tard;

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/2065 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art skont il-punt (b) tal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċijiet li dwarhom l-evidenza xjentifika turi rati għolja ta’ sopravivenza, għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024 għall-barbun imperjali (Scophthalmus maximus) li jinqabad bl-għeżula tal-qiegħ (GNS) fil-Baħar l-Iswed.”

(2)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 3 jitħassar.

(3)

Fl-Artikolu 4, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/87 tal-20 ta’ Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan ta’ skartar għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed (ĠU L 14, 18.1.2017, p. 9).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2065, fil-25 ta’ Awwissu 2021 li jistabbilixxi pjan ta’ skartar għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed (ĠU L 421, 26.11.2021, p. 14).

(4)  Evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Konġunti dwar l-obbligu ta’ ħatt l-art u dwar ir-Regolament dwar il-Miżuri Tekniċi (STECF-22-05).