|
16.11.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 295/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2246
tal-15 ta’ Novembru 2022
li jemenda l-Annessi VIII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-marda tat-tnewwin kroniku fiċ-ċervidi ħajjin
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23a, il-punti (j) u (m) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, għall-kontroll u għall-eradikazzjoni tal-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu fl-Unjoni. Dan japplika għall-produzzjoni u għat-tqegħid fis-suq tal-annimali ħajjin u tal-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u, f’ċerti każijiet speċifiċi, għall-esportazzjonijiet tagħhom. L-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipula r-regoli għall-kummerċ intra-Unjoni u l-Anness IX ta’ dak ir-Regolament jistipula r-regoli relatati mal-importazzjonijiet ġewwa l-Unjoni. Jipprovdi wkoll, inter alia, għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja fil-każ tat-tifqigħat tat-TSEs. |
|
(2) |
Il-marda tat-tnewwin kroniku hija enċefalopatija sponġiformi trażmissibbli taċ-ċervidi u hija infettiva, u għalhekk tista’ tikkawża xkiel għall-kummerċ fl-Unjoni, għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. |
|
(3) |
Fl-1 ta’ April 2016, in-Norveġja għarrfet lill-Kummissjoni bl-ewwel każ tal-marda tat-tnewwin kroniku kkonfermat fit-territorju tagħha, f’renna selvaġġa. Dik kienet l-ewwel darba li ġiet identifikata l-marda tat-tnewwin kroniku fl-Ewropa u dan kien l-ewwel każ naturali f’renna fid-dinja. Minn dan l-ewwel każ sa Ottubru 2021, in-Norveġja kkonfermat tal-inqas każ wieħed kull sena, b’total ta’ wieħed u tletin każ: 20 f’renni selvaġġi, tnejn fi ċriev ħomor u disgħa f’moose. |
|
(4) |
Fil-11 ta’ Lulju 2016, in-Norveġja adottat miżura biex tipprojbixxi l-esportazzjoni min-Norveġja taċ-ċervidi ħajjin, mingħajr preġudizzju għal derogi speċifiċi. |
|
(5) |
Peress li l-marda tat-tnewwin kroniku hija marda infettiva, hemm ir-riskju li tista’ tinfirex għal popolazzjonijiet oħra taċ-ċervidi u lejn reġjuni oħra fl-Unjoni u fl-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles. Għalhekk ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1918 (2). Id-Deċiżjoni ċaħdet iċ-ċaqliq taċ-ċervidi ħajjin min-Norveġja fl-Unjoni u pprevediet derogi speċifiċi. |
|
(6) |
Fit-2 ta’ Diċembru 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni xjentifika dwar il-marda ta’ tnewwin kroniku fiċ-ċervidi (l-opinjoni tal-EFSA tal-2016) (3). Din l-opinjoni tirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ sorveljanza ta’ tliet snin għall-marda tat-tnewwin kroniku fiċ-ċervidi fl-Estonja, fil-Finlandja, fl-Iżlanda, fil-Latvja, fil-Litwanja, fin-Norveġja, fil-Polonja u fl-Iżvezja, li huma l-Istati Membri u l-Istati tal-EFTA b’popolazzjoni tar-renni jew tal-moose, jew bit-tnejn li huma, sabiex jiġu identifikati u stmati l-prevalenza u t-tixrid ġeografiku tal-marda tat-tnewwin kroniku. L-Opinjoni tal-EFSA tal-2016 ikkonkludiet ukoll li s-sors għall-introduzzjoni u għat-tixrid tal-marda tat-tnewwin kroniku x’aktarx kien iċ-ċaqliq taċ-ċervidi ħajjin u l-opinjoni enfasizzat li l-użu tal-lixkiet għall-kaċċa abbażi tal-awrina taċ-ċervidi żied il-probabbiltà tal-introduzzjoni tal-marda tat-tnewwin kroniku. Għalhekk, l-Opinjoni rrakkomandat li ċ-ċaqliq taċ-ċervidi ħajjin jixxejjen u t-twaqqif tal-użu tal-lixkiet għall-kaċċa abbażi tal-awrina taċ-ċervidi. |
|
(7) |
Wara l-adozzjoni tal-Opinjoni tal-EFSA tal-2016, l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1972 (4) sabiex jipprevedi programm ta’ monitoraġġ ta’ tliet snin għall-marda ta’ tnewwin kroniku fiċ-ċervidi, filwaqt li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2181 (5) tawlet il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1918 sal-aħħar tal-2020 biex tippermetti li l-miżuri ta’ salvagwardja jibqgħu applikabbli sa tmiem dak il-programm ta’ monitoraġġ ta’ tliet snin. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2181 żiedet ukoll projbizzjonijiet u restrizzjonijiet rigward il-lixkiet għall-kaċċa abbażi tal-awrina taċ-ċervidi mal-miżuri ta’ salvagwardja. |
|
(8) |
Fl-2018, il-Finlandja identifikat l-ewwel każ tal-marda tat-tnewwin kroniku fl-Unjoni u każ ieħor f’Novembru 2020. L-Iżvezja identifikat tliet każijiet tal-marda tat-tnewwin kroniku fl-2019 u każ ieħor f’Settembru 2020. Il-każijiet kollha tal-marda ta’ tnewwin kroniku identifikati fil-Finlandja u fl-Iżvezja ġew ikkonfermati fil-kuntest tal-programm ta’ monitoraġġ ta’ tliet snin għall-marda ta’ tnewwin kroniku fiċ-ċervidi u nstabu fil-moose selvaġġi. |
|
(9) |
Fil-11 ta’ Novembru 2019, l-EFSA ppubblikat l-Opinjoni Xjentifika “Update on chronic wasting disease (CWD) III” (6) (l-Opinjoni tal-EFSA tal-2019) b’rakkomandazzjonijiet varji lill-Kummissjoni, inkluż fir-rigward tal-fatturi ta’ riskju li jistgħu jħaffu t-tixrid tal-marda tat-tnewwin kroniku fl-Unjoni. |
|
(10) |
Filwaqt li titqies l-identifikazzjoni ta’ każijiet ġodda tal-marda tat-tnewwin kroniku fin-Norveġja, fil-Finlandja u fl-Iżvezja, sakemm issir il-valutazzjoni xjentifika tar-riżultati tal-programm ta’ monitoraġġ, u filwaqt li jitqies li kien meħtieġ aktar żmien ta’ riflessjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni tal-EFSA tal-2019, il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1918 reġa’ ttawwal bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2167 (7), sal-31 ta’ Diċembru 2022, sabiex jiġu riflessi l-konfermi riċenti tal-marda tat-tnewwin kroniku fil-Finlandja u fl-Iżvezja. |
|
(11) |
Peress li l-miżuri ta’ salvagwardja tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1918 ilhom jiġu applikati mill-2016, li s-sitwazzjoni epidemjoloġika riċenti fir-rigward tal-marda ta’ tnewwin kroniku ma tippermettix li tiġi prevista l-eradikazzjoni tagħha fi żmien qrib, li ma jkunx legalment xieraq li terġa’ tittawwal l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, u li jenħtieġ li dawk il-miżuri madankollu jibqgħu applikabbli biex jissoktaw jipprevjenu l-marda tat-tnewwin kroniku milli tinxtered aktar fl-Unjoni u fl-Istati tal-EFTA, jenħtieġ li l-Annessi VIII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiġu emendati biex jinkludu l-miżuri attwalment stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1918, aġġustati kif meħtieġ biex titqies il-konferma tal-marda tat-tnewwin kroniku fil-Finlandja u fl-Iżvezja. |
|
(12) |
Għaldaqstant, abbażi tal-konklużjonijiet tal-opinjonijiet tal-EFSA tal-2016 u tal-2019, jeħtieġ li tinżamm il-projbizzjoni taċ-ċaqliq taċ-ċervidi ħajjin min-Norveġja lejn l-Unjoni. Għal raġunijiet prattiċi, jenħtieġ li dik il-projbizzjoni tissokta tapplika għaċ-ċervidi ħajjin imċaqalqa flimkien ma’ attività tal-bniedem, iżda mhux għaċ-ċaqliq taċ-ċervidi selvaġġi li jaqsmu l-fruntiera tan-Norveġja mingħajr ebda intervent tal-bniedem. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti derogi speċifiċi minn dik il-projbizzjoni biex jippermettu ċertu ċaqliq taċ-ċervidi ħajjin min-Norveġja lejn l-Unjoni, inkluż ir-ragħa staġjonali transfruntier tar-renni semidomestikati, u ċ-ċaqliq tar-renni semidomestikati biex jintużaw f’avvenimenti kulturali jew sportivi fl-Iżvezja. Madankollu, minħabba r-riskju għas-saħħa tal-annimali li jirrappreżenta ċ-ċaqliq permess minn dawk id-derogi, b’mod partikolari f’termini ta’ kontaminazzjoni ambjentali bil-prijuni tal-marda tat-tnewwin kroniku fiż-żoni ta’ destinazzjoni, jenħtieġ li ċaqliq bħal dan jibqa’ ristrett għal żoni definiti fil-Finlandja u fl-Iżvezja, u jenħtieġ li ċ-ċaqliq taċ-ċervidi ħajjin minn dawk iż-żoni jibqa’ pprojbit, mingħajr preġudizzju għal derogi speċifiċi. |
|
(13) |
Peress li l-marda tat-tnewwin kroniku issa ġiet ikkonfermata f’żewġ Stati Membri, u abbażi tal-konklużjonijiet tal-opinjonijiet tal-EFSA tal-2016 u tal-2019 dwar il-fatturi ta’ riskju li jistgħu jħaffu t-tixrid tal-marda ta’ tnewwin kroniku fl-Unjoni, jeħtieġ li tiġi prevista projbizzjoni taċ-ċaqliq taċ-ċervidi ħajjin minn Stat Membru kkonċernat b’dik il-marda lejn il-bqija tal-Unjoni. Għal raġunijiet prattiċi, jenħtieġ li dik il-projbizzjoni tapplika għaċ-ċervidi ħajjin imċaqalqa flimkien ma’ attività tal-bniedem, iżda mhux għal ċaqliq taċ-ċervidi selvaġġi mingħajr ebda intervent tal-bniedem. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti derogi speċifiċi għal dik il-projbizzjoni biex jippermettu ċertu ċaqliq taċ-ċervidi ħajjin mill-Istati Membri kkonċernati bil-marda tat-tnewwin kroniku, inkluż bil-għan li jiġi żgurat aċċess sikur għal riżorsi ġenetiċi ta’ valur taċ-ċervidi bejn l-Istati Membri kkonċernati. |
|
(14) |
Jenħtieġ li tinżamm il-projbizzjoni tal-importazzjoni tal-lixkiet għall-kaċċa tal-awrina dderivata miċ-ċervidi u l-projbizzjoni taċ-ċaqliq tal-lixkiet għall-kaċċa tal-awrina dderivata miċ-ċervidi li joriġinaw min-Norveġja. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi pprojbit iċ-ċaqliq tal-lixkiet għall-kaċċa abbażi tal-awrina dderivata miċ-ċervidi li joriġinaw fi Stati Membri fejn ġew ikkonfermati każijiet tal-marda tat-tnewwin kroniku. |
|
(15) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Annessi VIII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiġu emendati skont dan. |
|
(16) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi VIII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1918 tat-28 ta’ Ottubru 2016 rigward ċerti miżuri ta’ salvagwardja b’konnessjoni mal-marda tat-tnewwin kroniku (ĠU L 296, 1.11.2016, p. 21).
(3) EFSA Journal 2017;15(1):4667.
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1972 tat-30 ta’ Ottubru 2017 li jemenda l-Annessi I u III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ programm ta’ monitoraġġ għall-marda ta’ tnewwin kroniku fiċ-ċriev fl-Estonja, fil-Finlandja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja u fl-Iżvezja u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/182/KE (ĠU L 281, 31.10.2017, p. 14).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2181 tal-21 ta’ Novembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1918 rigward ċerti miżuri ta’ salvagwardja b’konnessjoni mal-marda tat-tnewwin kroniku (ĠU L 307, 23.11.2017, p. 58).
(6) EFSA Journal 2019;17(11)5863.
(7) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2167 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1918 rigward ċerti miżuri ta’ salvagwardja b’konnessjoni mal-marda tat-tnewwin kroniku billi jiġi estiż il-perjodu tal-applikazzjoni tagħha (ĠU L 431, 21.12.2020, p. 70).
ANNESS
L-Annessi VIII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati kif ġej:
|
1. |
L-Anness VIII huwa emendat kif ġej:
|
|
2. |
fl-Anness IX, fil-Kapitolu F, jiżdied il-punt 3 li ġej:
|
(*1) Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).”