|
9.11.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 288/7 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2181
tad-29 ta’ Ġunju 2022
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura fir-rigward tad-dati tal-bidu u tat-tul tal-perjodi ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Applikazzjoni għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (il-FEMSA) li jissottometti operatur tkun inammissibbli għal perjodu ta’ żmien identifikat jekk l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat li seħħew is-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament (UE) 2021/1139. |
|
(2) |
Sabiex tiġi żgurata n-natura kondizzjonali tal-appoġġ tal-FEMSA, jixraq li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet neċessarji li jiżguraw li l-operaturi li japplikaw għall-appoġġ mill-FEMSA jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà għall-appoġġ tal-FEMSA fir-rigward tal-bastimenti kollha tas-sajd taħt il-kontroll effettiv tagħhom. |
|
(3) |
L-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2021/1139 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta l-atti delegati li jidentifikaw il-livell limitu għall-iskattar tal-inammissibbiltà, u l-perjodu tal-inammissibbiltà, li jenħtieġ li jkun proporzjonat man-natura, mal-gravità, mat-tul ta’ żmien u mar-repetizzjoni tal-infrazzjonijiet, tar-reati jew tal-frodi li jkunu twettqu, u jenħtieġ li jdum mill-inqas sena. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tissorvelja r-regoli dwar l-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ stabbiliti f’dan l-att biex tiżgura li jkunu koperti s-sitwazzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament (UE) 2021/1139. |
|
(4) |
Għalhekk jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli dwar kif jiġi kkalkulat dan il-perjodu dwar kif jiġu identifikati d-dati rilevanti tal-bidu u tat-tmiem tal-perjodu ta’ inammissibbiltà, kif ukoll il-kundizzjonijiet biex dak il-perjodu jiżdied jew jitnaqqas. Jixraq ukoll li jiġu stabbiliti r-regoli għar-rieżami tal-perjodu ta’ inammissibbiltà f’każijiet meta l-operatur iwettaq ksur serju waqt il-perjodu ta’ inammissibbiltà. |
|
(5) |
Jeħtieġ ukoll skattar awtomatiku tal-inammissibbiltà għall-finanzjament mill-FEMSA fil-każ ta’ ċerti każijiet ta’ ksur serju li jagħmlu ħsara partikolari minħabba n-natura u s-serjetà tagħhom. |
|
(6) |
Jixraq ukoll li jiġu stabbiliti r-regoli għall-iskattar tal-inammissibbiltà u għall-kalkolu tat-tul tal-perjodu tal-inammissibbiltà f’każijiet meta operatur wieħed ikun is-sid jew ikollu l-kontroll ta’ aktar minn bastiment tas-sajd wieħed. Jenħtieġ li dawn ir-regoli jiżguraw li l-appoġġ tal-FEMSA għall-bastimenti l-oħrajn tal-operatur ma jkunx ta’ benefiċċju indirett għall-bastimenti tas-sajd li jkunu ntużaw biex jitwettaq ksur serju. |
|
(7) |
F’konformità mal-Artikolu 92(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (2), jekk ma jitwettaqx ksur serju ieħor fi żmien tliet snin mid-data tal-aħħar ksur serju, jenħtieġ li jitħassru l-punti kollha. Għaldaqstant, il-punti għall-ksur jibqgħu fuq il-liċenzja tal-operatur għal mill-inqas tliet snin. Biex żgur ikun hemm kontinwità mas-sistema fis-seħħ kif ukoll proporzjonalità u ċertezza ġuridika, jenħtieġ li jitqies biss il-ksur serju li jkun twettaq mill-1 ta’ Jannar 2013 f’konformità mal-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u li l-punti assenjati minħabba fih ma jkunux tħassru mil-liċenzja tal-operatur meta jiġi kkalkulat il-perjodu ta’ inammissibbiltà. |
|
(8) |
F’konformità mal-Artikolu 47 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (3), meta jitwettaq ksur serju għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika minn xi persuna fiżika li taġixxi waħedha jew bħala parti minn korp tal-persuna ġuridika, dik il-persuna ġuridika għandha tinżamm responsabbli. |
|
(9) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli biex jiġi żgurat it-trattament ġust tal-operaturi li jsiru sidien ġodda ta’ bastimenti tas-sajd wara li jkun sar bejgħ jew kull tip ieħor ta’ trasferiment tas-sjieda, filwaqt li fl-istess ħin ma tiġix imminata s-sistema tal-Unjoni għall-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 dwar il-kontroll tas-sajd, li hija neċessarja biex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS. Jekk liċenzja tas-sajd ta’ operatur tiġi rtirata b’mod permanenti minħabba l-frekwenza u l-gravità ta’ ksur li jitwettaq, jenħtieġ li jkun irrifjutat l-aċċess għall-appoġġ tal-FEMSA sa tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa għal kontribuzzjoni tal-FEMSA stabbilit fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-kontribwenti tagħha. Jenħtieġ li din l-inammissibbiltà tapplika, anki jekk, skont il-metodu tal-kalkolu stabbilit f’dan ir-Regolament, il-perjodu ta’ inammissibbiltà jintemm qabel jintemm il-perjodu ta’ eliġibbiltà. |
|
(10) |
L-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2021/1139 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati dwar l-arranġamenti għall-irkupru tal-għajnuna mogħtija jekk ikun hemm ksur serju jew reati ambjentali matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 11(2) ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti għall-irkupru tal-għajnuna mogħtija. |
|
(11) |
Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament u minħabba l-importanza li jiġi żgurat it-trattament armonizzat u ugwali tal-operaturi fl-Istati Membri kollha mill-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu u li japplika mill-ewwel jum tal-perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa għal kontribuzzjoni tal-FEMSA, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2021, Tali applikazzjoni retroattiva ma taffettwax il-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament japplika għall-applikazzjonijiet għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (il-FEMSA) u jispeċifika l-perjodu ta’ żmien li matulu tali applikazzjonijiet sottomessi minn operaturi li jkunu wettqu xi waħda mill-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(1) jew fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2021/1139 għandhom ikunu inammissibbli.
Artikolu 2
Definizzjoni
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Barra minn hekk, għandha tapplika d-definizzjoni ta’ hawn taħt:
“punti għall-ksur” tfisser il-punti assenjati lil operatur għal bastiment tas-sajd tal-Unjoni fil-kuntest tas-sistema ta’ punti għal ksur serju stabbilit fl-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
KAPITOLU II
IL-LIVELL LIMITU GĦALL-INAMMISSIBBILTÀ U T-TUL FIŻ-ŻMIEN TAGĦHA
Artikolu 3
Inammissibbiltà ta’ applikazzjonijiet sottomessi minn operaturi li jkunu wettqu ksur serju jew li jinżammu responsabbli ta’ ksur serju skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008, jew l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009
1. Applikazzjoni għall-appoġġ sottomessa minn operatur għandha tkun inammissibbli għal perjodu stabbilit skont l-Anness I meta l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat f’deċiżjoni li l-operatur li jissottometti l-applikazzjoni jkun wettaq ksur serju, jew qed jinżamm responsabbli ta’ ksur serju skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, jew l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
2. Bil-għan li tiġi skattata l-inammissibbiltà u li jiġi kkalkulat it-tul tal-perjodu ta’ inammissibbiltà, għandu jitqies biss il-ksur serju li jkun twettaq mill-1 ta’ Jannar 2013 u li ttieħdet deċiżjoni dwaru fit-tifsira tal-paragrafu 1.
3. Minkejja l-paragrafu 2, għall-finijiet tal-paragrafu 1 għandu jitqies biss ksur serju li l-punti li ngħataw minħabba fih ma jkunux tħassru skont l-Artikolu 92(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
4. Id-data tal-bidu tal-perjodu ta’ inammissibbiltà għandha tkun id-data tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti fit-tifsira tal-paragrafu 1.
Artikolu 4
Inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet sottomessi mill-operaturi li l-bastimenti tagħhom ikunu fil-lista tal-bastimenti IUU tal-Unjoni, jew li l-bastiment tagħhom itajjar il-bandiera ta’ pajjiż terz li ma jikkooperax
1. Applikazzjoni għall-appoġġ sottomessa minn operatur għandha tkun inammissibbli għal żmien stabbilit skont l-Anness II jekk l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat f’deċiżjoni li:
|
(a) |
dak l-operatur kien involut fit-tħaddim, fil-ġestjoni jew fis-sjieda ta’ bastiment tas-sajd elenkat fil-lista tal-bastimenti IUU tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008; |
|
(b) |
dak l-operatur kien involut fit-tħaddim, fil-ġestjoni jew fis-sjieda ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ pajjiż elenkat fil-lista tal-pajjiżi terzi li ma jikkooperawx prevista fl-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008. |
2. Id-data tal-bidu tal-perjodu ta’ inammissibbiltà għandha tkun id-data tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti fit-tifsira tal-paragrafu 1.
Artikolu 5
Inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet sottomessi minn operaturi fis-settur tal-akkwakultura li jkunu wettqu jew li jinżammu responsabbli ta’ reati ambjentali
1. Jekk awtorità kompetenti tkun iddeterminat f’deċiżjoni li operatur ikun wettaq, jew jinżamm responsabbli li wettaq wieħed mir-reati stabbiliti fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-applikazzjonijiet għall-appoġġ mill-FEMSA li jkun ressaq dak l-operatur skont ir-Regolament (UE) 2021/1139, l-Artikolu 27, għandhom ikunu inammissibbli skont l-Anness III.
2. Id-data tal-bidu tal-perjodu ta’ inammissibbiltà għandha tkun id-data tad-deċiżjoni minn awtorità kompetenti li tiddetermina li jkun sar reat previst fl-Artikolu 3 jew fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/99/KE.
3. Għall-finijiet tal-iskattar tal-inammissibbiltà u tal-kalkolu tat-tul tal-perjodu tal-inammissibbiltà, għandhom jitqiesu biss ir-reati li jkunu twettqu wara l-1 ta’ Jannar 2013 u li dwarhom tkun ġiet adottata deċiżjoni skont it-tifsira tal-paragrafu 1.
Artikolu 6
Inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet sottomessi mill-operaturi li jkunu wettqu frodi jew li jinżammu responsabbli ta’ frodi fil-kuntest tal-FEMS jew tal-FEMSA
1. Jekk awtorità kompetenti tiddetermina li operatur ikun wettaq frodi jew li jinżamm responsabbli ta’ frodi fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (il-FEMS) jew fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (il-FEMSA), l-applikazzjonijiet kollha għall-appoġġ mill-FEMSA li jissottometti dak l-operatur għandhom ikunu inammissibbli skont l-Anness IV.
2. Il-perjodu tal-inammissibbiltà għandu jibda mid-data tad-deċiżjoni finali li tiddetermina li tkun twettqet frodi skont kif iddefinit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI
Artikolu 7
Determinazzjoni tal-livell limitu li jiskatta l-inammissibbiltà u tat-tul tal-inammissibbiltà
1. Jekk operatur ikun wettaq xi azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4, 5 u 6, jew jinżamm responsabbli tagħhom, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddetermina jekk ikunx intlaħaq il-livell limitu li jiskatta l-inammissibbiltà. L-Istat Membru għandu jagħmel dan skont il-kolonna (a) tal-Annessi I, II, III jew IV ta’ dan ir-Regolament.
2. Jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina, skont il-paragrafu 1, li l-livell limitu li jiskatta l-inammissibbiltà jkun intlaħaq, imbagħad għandu jiddetermina t-tul taż-żmien li jikkorrispondi mal-inammissabbiltà skont:
|
(a) |
il-kolonna (b) tal-Annessi I, II, III jew IV ta’ dan ir-Regolament; u |
|
(b) |
fejn japplika, il-kolonni (c) u (d) tal-Annessi I jew III ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 8
Determinazzjoni tal-perjodu ta’ inammissibbiltà jekk l-operatur ikun is-sid jew ikollu l-kontroll ta’ aktar minn bastiment wieħed tas-sajd
1. Jekk operatur ikun is-sid, jew jikkontrolla iktar minn bastiment wieħed tas-sajd, il-perjodu ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni għall-appoġġ sottomessa minn dak l-operatur għandu jiġi ddeterminat separatament għal kull wieħed minn dawk il-bastimenti tas-sajd, f’konformità mal-Artikolu 3 jew mal-Artikolu 4.
2. Barra minn hekk, l-applikazzjonijiet għall-appoġġ sottomessi minn dak l-operatur għandhom ikunu inammissibbli wkoll:
|
(a) |
jekk l-applikazzjonijiet għal aktar minn nofs il-bastimenti tas-sajd li huma l-proprjetà ta’ dak l-operatur jew li huma kkontrollati minnu jkunu inammissibbli għall-appoġġ skont l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4, jew |
|
(b) |
meta l-punti għall-ksur ikunu ġew assenjati għal ksur serju skont l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, jew skont l-Artikolu 90(1)(a) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, jekk l-għadd medju ta’ punti għall-ksur assenjat għal kull bastiment tas-sajd imħaddem mill-operatur jew proprjetà tiegħu, ikun ta’ seba’ punti jew iktar. |
Artikolu 9
Trasferiment tas-sjieda
1. Fil-każ ta’ bejgħ jew trasferiment ta’ sjieda, jekk operatur ikun suġġett għal perjodu ta’ inammissibbiltà skont l-Artikoli 3, 4 u 6 minħabba ksur serju li jkun wettaq qabel il-bidla fis-sjieda, dan il-perjodu ta’ inammissibbiltà ma għandux jiġi ttrasferit għall-operatur il-ġdid.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, meta, f’konformità mas-sistema tal-punti stabbilita mill-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, jiġu assenjati l-punti għall-ksur serju skont l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jew l-Artikolu 90(1)(a) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 qabel il-bidla fis-sjieda tal-bastiment tas-sajd, dawk il-punti għall-ksur għandhom jitqiesu għall-finijiet tal-iskattar tal-inammissibbiltà u tal-kalkolu tat-tul tal-perjodu ta’ inammissibbiltà tal-operatur il-ġdid skont l-Artikolu 3 u l-Artikolu 8(2) f’dawk il-każijiet biss meta, wara li tinbidel is-sjieda għal fuqu, dak l-operatur iwettaq ksur serju skont l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jew skont l-Artikolu 90(1)(a) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
Artikolu 10
Irtirar permanenti tal-liċenzja tas-sajd
L-applikazzjonijiet għall-appoġġ sottomessi minn operatur li l-liċenzja tas-sajd tiegħu tkun ġiet irtirata b’mod permanenti għal xi wieħed mill-bastimenti tas-sajd li jħaddem jew li huwa s-sid tiegħu, għandhom ikunu inammissibbli mid-data tal-irtirar tal-liċenzja tas-sajd sa tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa għal kontribuzzjoni tal-FEMSA msemmija fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060, jekk dik il-liċenzja tas-sajd tkun ġiet irtirata:
|
(a) |
f’konformità mal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u mal-Artikolu 129(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (8); jew, jekk japplika, |
|
(b) |
b’riżultat ta’ sanzjonijiet għal ksur serju imposti mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008. |
Artikolu 11
Arranġamenti għall-irkupru tal-għajnuna
1. Jekk isseħħ xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2021/1139 bejn id-data ta’ meta l-operatur ikun issottometta l-applikazzjoni u ħames snin wara l-pagament finali, l-appoġġ li jkun tħallas mill-FEMSA relatat ma’ dik l-applikazzjoni għandu jkun soġġett għal korrezzjoni finanzjarja mill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2021/1139 u mal-Artikolu 103(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060.
2. L-ammont li jrid jiġi rkuprat għandu jkun proporzjonat man-natura, mal-gravità, mat-tul ta’ żmien u mar-repetizzjoni tas-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2021/1139.
Artikolu 12
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-perjodi ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ tal-FEMS skont ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/288 (9).
Artikolu 13
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 247, 13.7.2021, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(6) Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).
(7) Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
(8) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112 30.4.2011, p. 1).
(9) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/288 tas-17 ta’ Diċembru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-perjodu ta’ żmien u d-dati għall-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet (ĠU L 51, 24.2.2015, p. 1).
ANNESS I
Livell limitu li jiskatta l-inammissibbiltà u t-tul tal-perjodu ta’ applikazzjoni għall-operaturi li jkunu wettqu ksur serju skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jew skont l-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009
|
Kategoriji ta’ ksur serju |
(a) Livell limitu li jiskatta l-inammissibbiltà |
(b) Tul tal-perjodu tal-inammissibbiltà |
(c) Kundizzjonijiet biex jittawwal il-perjodu tal-inammissibbiltà |
(d) Kundizzjonijiet biex jitnaqqas il-perjodu tal-inammissibbiltà |
|
Ksur serju tal-kategoriji 1 u 2 kif imsemmi fl-Anness XXX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 (*1) |
Total ta’ 9 punti għall-ksur, ikun xi jkun l-għadd ta’ okkorrenzi ta’ ksur serju |
12-il xahar |
xahar ta’ inammissibbiltà miżjud għal kull punt għall-ksur ’il fuq mil-livell limitu |
Jekk jitnaqqsu żewġ punti għall-ksur skont l-Artikolu 133(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011, il-perjodu tal-inammissibbiltà jitnaqqas b’erba’ xhur |
|
Il-każijiet kollha ta’ ksur serju kif iddefiniti fl-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 u fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, bl-eċċezzjoni tal-ksur serju tal-kategoriji 1 u 2 kif imsemmi fl-Anness XXX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 |
Ksur serju wieħed |
12-il xahar għal kull ksur serju |
xahrejn ta’ inammissibbiltà miżjuda għal kull ksur serju tal-kategoriji 7, 9, 10, 11 jew 12 kif imsemmi fl-Anness XXX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011. Jekk l-operatur iwettaq ksur serju tal-kategoriji 1 jew 2 kif imsemmija fl-Anness XXX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 waqt il-perjodu tal-inammissibbiltà, jew jinżamm responsabbli tiegħu, il-perjodu tal-inammissibbiltà jittawwal b’xahar għal kull punt għall-ksur assenjat għal dawk l-okkorrenzi ta’ ksur serju. |
(*1) Din ir-ringiela tapplika biss jekk ikun twettaq ksur serju tal-kategoriji 1 jew 2. Jekk ikun twettaq ksur serju qabel, fl-istess żmien, jew wara t-twettiq tal-ksur serju tal-kategoriji 1 jew 2, u waqt l-istess perjodu ta’ inammissibbiltà, il-każijiet ta’ ksur serju tal-kategoriji 1 jew 2 għandhom jitqiesu biss għall-fini tal-kolonni (c) u (d) tat-tieni ringiela.
ANNESS II
Livell limitu li jiskatta l-inammissibbiltà u t-tul tal-perjodu tal-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet sottomessi mill-operaturi li l-bastiment tagħhom ikun elenkat fil-lista tal-bastimenti IUU tal-Unjoni jew li l-bastiment tagħhom itajjar il-bandiera ta’ pajjiż terz li ma jikkooperax
|
Tip ta’ ksur |
(a) Livell limitu li jiskatta l-inammissibbiltà |
(b) Tul tal-perjodu tal-inammissibbiltà |
|
L-operatur kien involut fit-tħaddim, fil-ġestjoni jew fis-sjieda ta’ bastiment tas-sajd elenkat fil-lista tal-bastimenti IUU tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 |
ksur 1 |
Il-perjodu kollu li matulu l-bastiment tas-sajd ikun fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Unjoni u, fi kwalunkwe każ, mhux inqas minn 24 xahar. |
|
L-operatur kien involut fit-tħaddim fil-ġestjoni jew fis-sjieda ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ pajjiż elenkat fil-lista tal-pajjiżi terzi li ma jikkooperawx prevista fl-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 |
ksur 1 |
Il-perjodu kollu li matulu dak il-pajjiż ikun fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx u, fi kwalunkwe każ, mhux inqas minn 12-il xahar. |
ANNESS III
Il-livell limitu li jiskatta l-inammissibbiltà u t-tul tal-perjodu tal-inammissibbiltà għall-operaturi li jkunu wettqu r-reati ambjentali stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2008/99/KE
|
Reat ambjentali |
(a) Livell limitu li jiskatta l-inammissibbiltà |
(b) Tul tal-perjodu tal-inammissibbiltà |
(c) Kundizzjonijiet biex jittawwal il-perjodu tal-inammissibbiltà |
(d) Kundizzjonijiet biex jitnaqqas il-perjodu tal-inammissibbiltà |
|
Ir-reati stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/99/KE li dwarhom l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat li r-reat twettaq b’negliġenza serja |
reat 1 |
12-il xahar għal kull reat |
żieda ta’ 6 xhur jekk l-awtorità kompetenti tkun irreferiet espliċitament għall-preżenza ta’ ċirkostanzi aggravanti, jew tkun iddeterminat li l-operatur ikun wettaq reat tul perjodu ta’ aktar minn sena. |
Dment li l-perjodu ta’ inammissibbiltà idum tal-anqas 12-il xahar b’kollox, dan għandu jitnaqqas b’6 xhur jekk l-awtorità kompetenti tkun irreferiet espliċitament għall-preżenza ta’ ċirkostanzi mitiganti. |
|
Ir-reati stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/99/KE li dwarhom l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat li r-reat twettaq b’intenzjoni |
reat 1 |
24 xahar għal kull reat |
||
|
Reati stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/99/KE |
reat 1 |
24 xahar għal kull reat |
ANNESS IV
Livell limitu li jiskatta l-inammissibbiltà u t-tul tal-perjodu tal-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet mill-operaturi li jkunu wettqu frodi fil-kuntest tal-FEMS jew tal-FEMSA
|
(a) Livell limitu li jiskatta l-inammissibbiltà |
(b) Tul tal-perjodu tal-inammissibbiltà |
|
Kull frodi li jkun wettaq l-operatur fil-kuntest tal-FEMS jew tal-FEMSA |
Mid-data tad-deċiżjoni finali li tiddetermina li jkun twettqet frodi, kif iddefinita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2017/1371, sa tmiem il-perjodu tal-eliġibbiltà tan-nefqa għal kontribuzzjoni mill-FEMSA imsemmija fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060. |