8.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 287/101


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2122

tat-13 ta’ Lulju 2022

li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ formoli, mudelli u proċeduri standard għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti dwar fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv Ewropej għan-negozji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar fornituri Ewropej is-7 ta' Ottubru 2020 ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 31(9) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2020/1503, kull awtorità kompetenti jenħtieġ li taħtar u tikkomunika lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) punt ta’ kuntatt.

(2)

Għal raġunijiet ta’ trasparenza u biex tiġi żgurata kooperazzjoni tajba bejn awtoritajiet kompetenti differenti, huwa importanti li jiġi stabbilit li l-awtoritajiet kompetenti li jirrifjutaw li jaġixxu fuq talba għal informazzjoni jew talba biex jikkooperaw ma’ investigazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2020/1503, jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti rikjedenti b’tali rifjut u jinformaw lil dik l-awtorità kompetenti bir-raġunijiet għal dak ir-rifjut.

(3)

L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkooperaw b’mod effiċjenti meta jwettqu attivitajiet ta’ superviżjoni, investigazzjoni u infurzar għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2020/1503. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri komuni u uniformi f’każ li l-kooperazzjoni mitluba tinvolvi t-teħid ta’ dikjarazzjonijiet. Dawk il-proċeduri jenħtieġ li jistabbilixxu l-elementi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw, f’konformità mal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli, meta jikkooperaw dwar it-teħid ta’ dikjarazzjoni minn kwalunkwe persuna. Dawk l-elementi jenħtieġ li jinkludu d-drittijiet tal-persuna li mingħandha għandha tittieħed id-dikjarazzjoni u l-arranġamenti li jippermettu lill-persunal tal-awtoritajiet kompetenti jipproċedi b’mod effiċjenti bil-kooperazzjoni. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiżguraw il-protezzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u d-dritt għal preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża, minquxa fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Huwa importanti li jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jinvolvu ruħhom b’mod effiċjenti f’talbiet għal kooperazzjoni dwar spezzjoni jew investigazzjoni fuq il-post, inkluż dwar l-adegwatezza li titwettaq spezzjoni jew investigazzjoni konġunta fuq il-post. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri komuni u uniformi li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn, il-konsultazzjonijiet u l-interazzjonijiet bejn l-awtorità kompetenti rikjedenti u l-awtorità kompetenti rikjesta, kif ukoll biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-persuni li huma soġġetti għal spezzjoni jew investigazzjoni fuq il-post.

(5)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(6)

L-ESMA ma għamlet ebda konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards regolatorji li huma l-bażi tar-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali billi dan kien ikun sproporzjonat ħafna fil-konfront tal-fini u tal-impatt ta’ dawk l-istandards, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li prinċipalment dawn jikkonċernaw lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

(7)

L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(8)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ta l-opinjoni tiegħu fl-1 ta’ Ġunju 2022,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-punti ta’ kuntatt

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaħtru punti ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2020/1503.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw id-dettalji tal-punti ta’ kuntatt lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u jinfurmaw lill-ESMA bi kwalunkwe tibdil f’dawk id-dettalji.

3.   L-ESMA għandha żżomm lista aġġornata tal-punti ta’ kuntatt kollha deżinjati mill-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 1 u taġġorna din il-lista kif ikun meħtieġ għall-użu tal-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 2

Talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta’ informazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni bil-miktub, billi jużaw il-formola stabbilita fl-Anness I.

2.   Meta jagħmlu talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti rikjedenti għandhom:

(a)

tispeċifika dettalji tal-informazzjoni li l-awtorità rikjedenti tkun qed titlob mill-awtorità kompetenti rikjesta;

(b)

tidentifika, fejn xieraq, kwistjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tista’ tinkiseb.

3.   F’każijiet urġenti, l-awtorità rikjedenti tista’ tagħmel talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni bil-fomm dment li sussegwentement issir konferma tat-talba bil-miktub fi żmien raġonevoli, billi tintuża l-formola stabbilita fl-Anness I, sakemm l-awtorità rikjesta ma taqbilx mod ieħor.

Artikolu 3

Tweġiba għal talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni

1.   Fi żmien 10 t’ijiem ta’ xogħol minn meta tirċievi talba magħmula skont l-Artikolu 2, l-awtorità kompetenti li ssirilha t-talba għandha tibgħat konferma tar-riċevuta lill-awtorità kompetenti rikjedenti billi tuża l-formola li tinsab fl-Anness II u, fejn possibbli, għandha tindika data ta’ stima għat-tweġiba.

2.   Fejn l-awtorità kompetenti li ssirilha t-talba jkollha xi dubju dwar il-kontenut preċiż tal-kooperazzjoni jew l-iskambju ta’ informazzjoni mitluba, hija għandha titlob aktar kjarifiki malajr kemm jista’ jkun bl-użu ta’ kwalunkwe mezz xieraq, kemm jekk orali kif ukoll jekk bil-miktub.

Artikolu 4

Tweġiba għal talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni

1.   Meta twieġeb għal talba magħmula skont l-Artikolu 2, l-awtorità kompetenti li ssirilha t-talba għandha:

(a)

twieġeb bil-miktub, billi juża l-formola li tinsab fl-Anness III;

(b)

tieħu l-passi raġonevoli kollha fis-setgħa tiegħu biex jipprovdi l-kooperazzjoni jew l-informazzjoni mitluba;

(c)

taġixxi mingħajr dewmien b’mod li jiżgura li kwalunkwe azzjoni regolatorja neċessarja tipproċedi mingħajr dewmien, waqt li tqis il-kumplessità tat-talba u l-ħtieġa li jiġu involuti partijiet terzi jew xi awtorità kompetenti oħra.

2.   F’każijiet urġenti, l-awtorità rikjedenti tista’ tagħmel talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni bil-fomm dment li sussegwentement issir konferma tat-talba bil-miktub fi żmien raġonevoli, billi tintuża l-formola stabbilita fl-Anness III, sakemm l-awtorità kompetenti rikjedenti ma taqbilx mod ieħor.

Artikolu 5

Mezzi ta’ komunikazzjonijiet

1.   Ħlief jekk jiġi ddikjarat mod ieħor f’dan ir-Regolament, kwalunkwe formola li tintuża skont dan ir-Regolament għandha tintbagħat bil-miktub bil-posta, b’faks jew b’mezzi elettroniċi.

2.   Meta jiġu ddeterminati l-mezzi ta’ komunikazzjoni l-aktar xierqa f’każ partikolari, għandhom jitqiesu b’mod dovut il-kunsiderazzjonijiet tal-kunfidenzjalità, iż-żmien neċessarju għall-korrispondenza, il-volum tal-materjal li se jiġi kkomunikat u l-faċilità tal-aċċess għall-informazzjoni mill-awtorità kompetenti rikjedenti.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tas-suġġett tal-informazzjoni tal-iskambju jinżammu matul it-trażmissjoni.

Artikolu 6

Proċeduri għall-ipproċessar u t-twettiq ta’ talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti rikjedenti għandha twieġeb minnufih għal kwalunkwe talba għal kjarifiki kif imsemmi fl-Artikolu 3(2) mill-awtorità kompetenti li ssirilha t-talba.

2.   L-awtorità kompetenti rikjedenti għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti rikjedenti fejn tkun qed tantiċipa dewmien ta’ aktar minn ħamest ijiem tax-xogħol mid-data stmata għat-tweġiba speċifikata fir-rikonoxximent tal-wasla msemmija fl-Artikolu 3(1).

3.   Meta t-talba tkun ġiet ikkwalifikata mill-awtorità kompetenti rikjedenti bħala urġenti, l-awtorità kompetenti rikjesta u l-awtorità rikjedenti għandhom jaqblu dwar il-frekwenza li biha l-awtorità rikjesta se taġġorna lill-awtorità rikjedenti dwar it-trattament tat-talba u dwar id-data li fiha tistenna li tagħti risposta.

4.   L-awtorità kompetenti rikjedenti u l-awtorità kompetenti rikjedenti għandhom jikkooperaw biex isolvu kwalunkwe diffikultà li tista’ tinħoloq fl-eżekuzzjoni ta’ talba.

5.   Fejn xieraq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu feedback lil xulxin dwar l-utilità tal-informazzjoni jew għajnuna oħra rċevuta, dwar l-eżitu tal-każ li fih l-għajnuna ġiet mitluba u kwalunkwe problema li tinqala’ fl-għoti ta’ tali għajnuna jew informazzjoni.

Artikolu 7

Notifika ta’ rifjut li tittieħed azzjoni dwar it-talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta’ informazzjoni

Meta, f’konformità mal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2020/1503, l-awtorità kompetenti li ssirilha t-talba tirrifjuta li taġixxi, b’mod sħiħ jew parzjali, fuq talba kif imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, hija għandha, fi żmien 15-il jum ta’ xogħol minn meta tirċievi t-talba, tinnotifika bil-miktub lill-awtorità kompetenti rikjedenti dwar ir-rifjut tagħha li taġixxi, billi tuża l-formola stabbilita fl-Anness IV.

Artikolu 8

Proċeduri għal talba għal kooperazzjoni dwar it-teħid ta’ dikjarazzjoni

1.   Fejn talba għal kooperazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2 tinkludi t-teħid ta’ dikjarazzjoni minn kwalunkwe persuna, l-awtorità kompetenti rikjedenti u l-awtorità kompetenti rikjesta għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, jivvalutaw u jqisu dan kollu li ġej:

(a)

id-drittijiet tal-persuna li mingħandha għandha tittieħed id-dikjarazzjoni, f’konformità mal-Liġi nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

(b)

id-drittijiet tal-persuna relatati mal-lingwa tad-dikjarazzjoni, u l-iskemi ta’ traduzzjonijiet possibbli;

(c)

ir-rwol tal-persunal tal-awtorità kompetenti rikjedenti u tal-awtorità kompetenti rikjesta fit-teħid tad-dikjarazzjoni;

(d)

jekk il-persuna li mingħandha trid tittieħed d-dikjarazzjoni għandhiex id-dritt li tkun assistita minn rappreżentant legali, u jekk iva, l-ambitu tal-assistenza mir-rappreżentant matul it-teħid tad-dikjarazzjoni, inkluż fir-rigward ta’ kwalunkwe rekord jew rapport tad-dikjarazzjoni;

(e)

jekk id-dikjarazzjoni tkunx se tittieħed fuq bażi volontarja jew imġiegħla;

(f)

jekk, abbażi tal-informazzjoni li tkun disponibbli fiż-żmien tat-talba, il-persuna li mingħandha trid tittieħed id-dikjarazzjoni tkunx xhud jew suġġett ta’ investigazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja;

(g)

jekk, abbażi tal-informazzjoni li tkun disponibbli fiż-żmien tat-talba, id-dikjarazzjoni tkunx tista’ jew hijiex maħsuba biex tintuża fi proċedimenti kriminali;

(h)

ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni u tal-proċeduri applikabbli, inkluż jekk hux ser ikunu kontemporanji jew minuti sommarji miktubin jew reġistrazzjoni awdjo jew awdjoviżiva;

(i)

il-proċeduri dwar iċ-ċertifikazzjoni jew il-konferma tad-dikjarazzjoni mill-persuni li jagħmlu d-dikjarazzjoni, anke jekk dan iseħħ wara li d-dikjarazzjoni tkun ittieħdet;

(j)

il-proċeduri ta’ konsenja tad-dikjarazzjoni lill-awtorità kompetenti rikjedenti, inklużi l-format u l-perjodu ta’ żmien mitluba.

2.   L-awtorità kompetenti rikjesta u l-awtorità kompetenti rikjedenti għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ arranġamenti biex il-persunal tagħhom jipproċedi b’mod effiċjenti u biex il-persunal tagħhom jiftiehem dwar kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa, inklużi dan li ġej:

(a)

l-ippjanar ta’ dati;

(b)

il-lista ta’ mistoqsijiet li għandhom isiru lill-persuna li mingħandha trid tittieħed id-dikjarazzjoni u r-rieżami tagħha;

(c)

l-arranġamenti tal-ivvjaġġar jew ta’ vidjokonferenza, inkluż l-iżgurar li fejn meħtieġ, l-awtoritàjiet kompetenti kkonċernati jkunu jistgħu jiltaqgħu biex jiddiskutu l-kwistjoni qabel ma tittieħed id-dikjarazzjoni;

(d)

l-arranġamenti tat-traduzzjoni.

Artikolu 9

Proċeduri għal talba għal kooperazzjoni għal verifika jew investigazzjoni fuq il-post

1.   Meta talba għal kooperazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2 tikkonċerna t-twettiq ta’ spezzjoni jew investigazzjoni fuq il-post, l-awtorità kompetenti rikjedenti u l-awtorità kompetenti li ssirilha t-talba għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar l-aħjar mod biex jagħtu effett lil dik it-talba, inkluż dwar il-merti tat-twettiq ta’ spezzjoni konġunta fuq il-post jew investigazzjoni konġunta.

2.   Għall-finijiet tal-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu dan kollu li ġej:

(a)

il-kontenut tat-talba, inkluża l-adegwatezza li titwettaq l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni fuq il-post b’mod konġunt;

(b)

jekk l-awtoritajiet kompetenti humiex qed iwettqu l-inkjesti separati dwar kwistjoni b’implikazzjonijiet transfruntiera u jekk din il-kwistjoni tkunx trattata aħjar b’kollaborazzjoni konġunta;

(c)

il-qafas legali u regolatorju applikabbli f’kull waħda mill-ġurisdizzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti, b’mod li jiżguraw li ż-żewġ awtoritajiet ikunu fehmu sew ir-restrizzjonijiet potenzjali u l-limitazzjonijiet legali fuq l-aġir tagħhom u fuq kwalunkwe proċediment li jista’ jsegwi, inkluż kwalunkwe kwistjoni relatata mal-prinċipju ta’ ne bis in idem u l-ħarsien tad-drittijiet tal-persuni soġġetti għal spezzjoni jew investigazzjoni fuq il-post;

(d)

l-immaniġġjar u d-direzzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni jew l-ispezzjoni fuq il-post;

(e)

l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-ħatra tal-persunal inkarigat biex iwettaq investigazzjonijiet jew spezzjonijiet fuq il-post;

(f)

il-possibbiltà li jiġi stabbilit pjan ta’ azzjoni konġunta u l-iskedar tal-ħidma;

(g)

l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu, b’mod konġunt jew b’mod individwali, mill-awtoritajiet kompetenti;

(h)

il-kondiviżjoni reċiproka tal-informazzjoni miġbura u tar-rappurtar dwar ir-riżultati tal-azzjonijiet individwali meħuda;

3.   Meta l-awtorità kompetenti li ssirilha t-talba twettaq l-ispezzjoni jew l-investigazzjoni fuq il-post hija stess kif imsemmi fl-Artikolu 31(4), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2020/1503, hija għandha żżomm lill-awtorità kompetenti rikjedenti infurmata dwar il-progress tal-ispezzjoni jew l-investigazzjoni u għandha tagħti s-sejbiet tagħha fi żmien xieraq.

(a)

L-awtoritajiet kompetenti li jiddeċiedu li jwettqu investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta fuq il-post kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 31(4) tar-Regolament (UE) 2020/1503 għandhom:

(b)

jidħlu fi djalogu kontinwu biex jikkoordinaw il-proċess tal-ġbir tal-informazzjoni u l-konstatazzjoni tal-fatti;

(c)

jaħdmu mill-qrib u jikkooperaw ma’ xulxin meta jwettqu investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post;

(d)

jidentifikaw id-dispożizzjonijiet legali speċifiċi li jkunu s-suġġett tal-investigazzjoni jew tal-ispezzjoni fuq il-post;

(e)

jipprovdu assistenza reċiproka dwar proċedimenti ta’ eżekuzzjoni sussegwenti sa fejn ikun legalment permissibbli, inkluż bil-koordinazzjoni ta’ kwalunkwe proċedimenti jew azzjoni ta’ infurzar relatati mal-eżitu tal-investigazzjoni konġunta jew tal-ispezzjoni konġunta fuq il-post jew, fejn xieraq, il-prospetti ta’ soluzzjoni;

(f)

fejn rilevanti, jaqblu dwar mill-inqas dan li ġej:

(g)

it-tfassil ta’ pjan ta’ azzjoni konġunt li jispeċifika s-sustanza, in-natura u l-iskedar tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu, inkluż l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet fl-implimentazzjoni tal-eżitu tal-ħidma u filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet rispettivi ta’ kull awtorità;

(h)

l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta’ kwalunkwe limitazzjoni jew restrizzjoni legali u kwalunkwe differenzi fil-proċeduri fir-rigward ta’ azzjoni investigattiva jew ta’ infurzar jew kwalunkwe proċediment ieħor, inklużi d-drittijiet ta’ kwalunkwe persuna soġġetta għal investigazzjoni;

(i)

l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-privileġġi professjonali legali speċifiċi li jista’ jkollhom impatt fuq il-proċedimenti ta’ investigazzjoni kif ukoll il-proċedimenti ta’ infurzar, inkluża l-awtoinkriminazzjoni;

(j)

l-istrateġija mal-pubbliku u mal-istampa;

(k)

l-użu maħsub tal-informazzjoni skambjata matul l-investigazzjoni konġunta jew l-ispezzjoni konġunta fuq il-post.

Artikolu 10

Skambju ta’ informazzjoni mhux mitluba

1.   Awtorità kompetenti li jkollha informazzjoni li temmen li tgħin lil awtorità kompetenti oħra fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha skont ir-Regolament (UE) 2020/1503 għandha tittrażmetti dik l-informazzjoni bil-miktub billi tuża l-formola stabbilita fl-Anness III.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, jekk l-awtorità kompetenti li tibgħat l-informazzjoni, taħseb li l-informazzjoni jenħtieġ li tintbagħat b’urġenza, din tista’ inizjalment tikkomunika l-informazzjoni verbalment dment li ssir trasmissjoni sussegwenti tal-informazzjoni bil-miktub fi żmien raġonevoli, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness III sakemm l-awtorità kompetenti li tirċievi l-informazzjoni ma taqbilx mod ieħor.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS I

Formula għal talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta’ informazzjoni

Talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta’ informazzjoni

Numru ta’ referenza: …

Data: …

Informazzjoni ġenerali

MINGĦAND:

L-Istat Membru:

Awtorità Kompetenti rikjedenti:

Indirizz:

(Dettalji tal-punt ta’ kuntatt)

Isem:

Telefon:

Indirizz Elettroniku:

GĦAL:

L-Istat Membru:

Riċevitur:

Indirizz:

(Dettalji tal-punt ta’ kuntatt)

Isem:

Telefon:

Indirizz Elettroniku:

Għażiż/a [daħħal isem xieraq]

F’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) qed jintalab il-kontribut tiegħek dwar il-kwistjoni(jiet) imniżżla f’aktar dettall hawn taħt.

Inkun grat jekk nirċievi tweġiba għat-talba ta’ hawn fuq minn [daħħal data indikattiva ta’ tweġiba u f’każ ta’ talba urġenti daħħal l-iskadenza biex l-informazzjoni tiġi pprovduta minn] jew, jekk dan mhuwiex possibbli, indikazzjoni dwar meta taħseb li tkun f’pożizzjoni li tipprovdi l-assistenza mitluba.

Tip ta’ talba

Jekk jogħġbok immarka l-kaxxa/i adattata/i

Attivitajiet Superviżorji (għoti ta’ informazzjoni, teħid ta’ dikjarazzjoni, oħrajn)

Investigazzjoni jew spezzjonijiet fuq il-post

Infurzar

Proċedura għall-awtorizzazzjoni

Raġuni għat-talba

……

[Daħħal id-dispożizzjoni(jiet) tal-leġiżlazzjoni settorjali li taħtha l-awtorità rikjedenti hija kompetenti biex tittratta l-kwistjoni]

It-talba hija għal [kooperazzjoni] jew għal [skambju ta’ informazzjoni] dwar

[Daħħal deskrizzjoni tas-suġġett tat-talba, il-fini li għalih qed tintalab il-kooperazzjoni jew l-iskambju ta’ informazzjoni, il-fatti li fuqhom hija bbażata l-investigazzjoni li minħabba fiha qed issir it-talba u spjegazzjoni ta’ għalfejn din hija ta’ għajnuna]

Wara …

[Jekk applikabbli, ikteb id-dettalji tat-talba preċedenti sabiex tkun tista’ tiġi identifikata]

Attivitajiet Superviżorji (għoti ta’ informazzjoni, teħid ta’ dikjarazzjoni)

Provvista ta’ informazzjoni

(a)

Jekk jogħġbok ipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-informazzjoni speċifika mitluba bir-raġunijiet l-għala dik l-informazzjoni se tkun ta’ assistenza u, jekk magħruf, lista tal-persuni meqjusa li għandhom l-informazzjoni mitluba jew tal-postijiet minn fejn tista’ tinkiseb din l-informazzjoni.

(b)

Jekk it-talba tikkonċerna l-kooperazzjoni jew l-iskambju ta’ informazzjoni relatata ma’ titolu trasferibbli speċifiku, strument ammess għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv jew self ta’ offerta ta’ finanzjament kollettiv, jekk jogħġbok ipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

ID tal-offerta ta’ finanzjament kollettiv: …

[Daħħal deskrizzjoni preċiża tal-offerta ta’ finanzjament kollettiv, inkluż l-identifikatur imsemmi fl-Artikolu 3 tal-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2119  (2) ]

ID personali: …

[Daħħal l-identità ta’ kwalunkwe persuna konnessa mal-offerta ta’ finanzjament kollettiv u/jew il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv rilevanti]

Data: …

[Daħħal id-data ta’ meta l-offerta ta’ finanzjament kollettiv ġiet ipprovduta fuq il-pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv]

(c)

Jekk it-talba tikkonċerna informazzjoni relatata man-negozju jew mal-attivitajiet ta’ persuna, jekk jogħġbok ipprovdi informazzjoni kemm jista’ jkun preċiża sabiex dik il-persuna tkun tista’ tiġi identifikata.

(d)

Jekk hemm kunsiderazzjonijiet speċjali dwar is-sensittività tal-informazzjoni mitluba (inkluż minħabba kunsiderazzjonijiet investigattivi), jekk jogħġbok ipprovdi indikazzjoni ta’ tali sensittività u kwalunkwe prekawzjoni speċjali li trid tittieħed fil-ġbir tal-informazzjoni.

(e)

Jekk jogħġbok agħti kwalunkwe informazzjoni addizzjonali.

[Jekk l-awtorità rikjedenti kinitx f’kuntatt jew hijiex se tkun f’kuntatt ma’ kwalunkwe awtorità jew aġenzija tal-infurzar tal-liġi oħra fl-Istat Membru tagħna b’rabta mas-suġġett tat-talba jew kwalunkwe awtorità oħra li l-awtorità rikjedenti taf li għandha interess attiv fis-suġġett tat-talba]

(f)

F’każ ta’ talba urġenti u tal-iffissar ta’ xi skadenza, agħti spjegazzjoni sħiħa dwar l-urġenza tat-talba u spjegazzjoni ta’ kwalunkwe skadenza ffissata għall-għoti tal-informazzjoni

Teħid ta’ dikjarazzjoni

Jekk jogħġbok indika:

(a)

Dikjarazzjoni taħt: Ġurament ☐/dikjarazzjoni ☐ fejn permess, l-ebda waħda☐

(b)

Ħtieġa u għan tat-teħid ta’ dikjarazzjoni:

(c)

Isem tal-persuna/i mingħand min trid tittieħed id-dikjarazzjoni:

[Daħħal id-dettalji tal-persuni mingħand min se tittieħed id-dikjarazzjoni sabiex l-awtorità li ssirilha t-talba tkun tista’ tibda l-proċess tat-tħarrik fejn applikabbli]

(d)

Deskrizzjoni ddettaljata tal-informazzjoni mitluba, inkluż lista preliminari ta’ mistoqsijiet (jekk disponibbli fiż-żmien tat-talba):

(e)

Kull informazzjoni oħra li tista’ tkun utli:

[jekk il-persunal tal-awtorità rikjedenti qed jintalab li jipparteċipa fit-teħid tad-dikjarazzjoni, daħħal id-dettalji tal-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti li se jipparteċipaw, fejn ikun xieraq, deskrizzjoni ta’ kwalunkwe rekwiżit legali u proċedurali li jrid jiġi rispettat sabiex tkun żgurata l-ammissibbiltà tad-dikjarazzjoni fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità kompetenti rikjedenti]

Spezzjoni jew investigazzjoni fuq il-post

Jekk it-talba tikkonċerna spezzjoni jew investigazzjoni fuq il-post, ipprovdi informazzjoni li tippermetti lir-riċevitur jivvaluta liema mill-azzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 31(4), it-tieni subparagrafu, il-punti (a) sa (e), tar-Regolament (UE) 2020/1503 jista’ jieħu u jekk jistax ikollu interess li jidħol fi spezzjoni jew investigazzjoni konġunta fuq il-post. Jekk jogħġbok ipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-proposta tal-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba għall-ispezzjoni jew l-investigazzjoni, ir-raġunament tagħha u l-benefiċċji għar-riċevitur.

[Inkludi l-informazzjoni rilevanti kollha biex ir-riċevitur tat-talba jkun jista’ jipprovdi l-assistenza meħtieġa, kif xieraq]

Infurzar

(a)

Jekk jogħġbok ipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-informazzjoni speċifika mitluba bir-raġunijiet għaliex dik l-informazzjoni se tkun ta’ għajnuna.

(b)

Jekk it-talba tikkonċerna l-kooperazzjoni jew l-iskambju ta’ informazzjoni relatata ma’ titolu trasferibbli speċifiku, strument ammess għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv jew self ta’ offerta ta’ finanzjament kollettiv, jekk jogħġbok ipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

ID tal-offerta ta’ finanzjament kollettiv: …

[Daħħal deskrizzjoni preċiża tal-offerta ta’ finanzjament kollettiv, inkluż l-identifikatur imsemmi fl-Artikolu 3 tal-Regolament Delegat (UE) 2022/2119]

ID personali…

[Daħħal l-identità ta’ kwalunkwe persuna konnessa mal-offerta ta’ finanzjament kollettiv u/jew il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv rilevanti]

Data: …

[Daħħal id-data ta’ meta l-offerta ta’ finanzjament kollettiv ġiet ipprovduta fuq il-pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv]

Proċedura għall-awtorizzazzjoni

(a)     Suġġett:

(b)     Informazzjoni dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni

(c)     Informazzjoni dwar awtoritajiet kompetenti oħra involuti

[jekk jogħġbok ipprovdi l-informazzjoni hawn jew inkella agħmel referenza għall-annessi li fihom l-informazzjoni]

(d)     Informazzjoni mfittxija

[jekk jogħġbok daħħal deskrizzjoni dettaljata tal-informazzjoni speċifika mitluba, inkluż kwalunkwe dokumenti rilevanti mitluba, bir-raġunijiet l-għala dik l-informazzjoni hija meħtieġa għall-eżami tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni]

(e)     Kull informazzjoni oħra li tista’ tkun utli:

[Daħħal kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. Jekk ikun hemm konsiderazzjonijiet speċjali dwar is-sensittività tal-informazzjoni mitluba, jekk jogħġbok agħti indikazzjoni tas-sensittività tal-informazzjoni li tinsab fit-talba u ta’ kwalunkwe prekawzjoni speċjali li trid tittieħed fil-ġbir tal-informazzjoni.]

Kwalunkwe data personali pprovduta għandha tiġi pproċessata mill-ESMA f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. B’mod partikolari, kemm l-ESMA kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data f’konformità mat-Taqsima 2 “Informazzjoni u aċċess għad-data personali” tal-KAPITOLU III “Drittijiet tas-suġġett tad-data ” ta’ dawn ir-Regolamenti.

Dejjem tiegħek,

[firma]


(1)  Ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1).

(2)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2119 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-Iskeda tal-Informazzjoni Ewlenija dwar l-Investiment (Ara l-paġna 63 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS II

Formola tal-konferma tar-riċevuta

Konferma tar-riċevuta

Numru ta’ referenza:

Data:

MINGĦAND:

L-Istat Membru:

Riċevitur:

Indirizz:

(Dettalji tal-punt ta’ kuntatt)

Isem:

Telefon:

Indirizz Elettroniku:

GĦAL:

L-Istat Membru:

Awtorità Kompetenti rikjedenti:

Indirizz:

(Dettalji tal-punt ta’ kuntatt)

Isem:

Telefon:

Indirizz Elettroniku:

Għażiż/a [daħħal isem xieraq]

Wara t-talba tiegħek [daħħal ir-referenza tat-talba], ixtiequ ngħarrfuk li rċevejna t-talba tiegħek għal kooperazzjoni jew għal informazzjoni fi [daħħal id-data ta’ meta waslet it-talba għal kooperazzjoni jew talba].

Data mistennija tar-risposta: …

Kwalunkwe data personali pprovduta għandha tiġi pproċessata mill-ESMA f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. B’mod partikolari, kemm l-ESMA kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data f’konformità mat-Taqsima 2 “Informazzjoni u aċċess għad-data personali” tal-KAPITOLU III “Drittijiet tas-suġġett tad-data ” ta’ dawn ir-Regolamenti.

Dejjem tiegħek,

[firma]


ANNESS III

Formola għat-tweġiba għal talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni u għall-iskambju mhux mitlub ta’ informazzjoni

[Tweġiba għal talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni] [Skambju ta’ informazzjoni mhux mitluba]

Numru ta’ referenza:

Data:

Informazzjoni ġenerali

MINGĦAND:

L-Istat Membru:

Awtorità Kompetenti rikjedenti:

Indirizz:

(Dettalji tal-punt ta’ kuntatt)

Isem:

Telefon:

Indirizz Elettroniku:

GĦAL:

L-Istat Membru:

Riċevitur:

Indirizz:

(Dettalji tal-punt ta’ kuntatt)

Isem:

Telefon:

Indirizz Elettroniku:

Għażiż/a [daħħal isem xieraq]

Nikkonfermaw li t-talba tiegħek datata [jj.xx.ssss] bir-referenza [daħħal in-numru ta’ referenza tat-talba] ġiet ipproċessata minna [mhux applikabbli fil-każ ta’ skambju ta’ informazzjoni mhux mitlub].

Informazzjoni miġbura

Informazzjoni miġbura [Jekk l-informazzjoni nġabret, jekk jogħġbok niżżel l-informazzjoni hawnhekk jew spjega kif se tingħata.]

[Fil-każ ta’ skambju ta’ informazzjoni mhux mitlub, jekk jogħġbok niżżel l-informazzjoni li tingħata fuq bażi mhux mitluba].

[L-informazzjoni pprovduta hija kunfidenzjali u qed tiġi żvelata lil [Daħħal isem l-awtorità kompetenti li qed tirċievi l-informazzjoni mhux mitluba] skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u fuq il-bażi li dik l-informazzjoni għandha tibqa’ kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503.] [jew] [L-informazzjoni pprovduta hija permessa li tiġi żvelata skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503.]

Il- [daħħal l-isem tal-awtorità kompetenti rikjedenti jew riċeventi] għandha tosserva r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2020/1503.

Fejn rilevanti, jekk jogħġbok spjega kwalunkwe kjarifika li tkun teħtieġ rigward l-informazzjoni preċiża mitluba:

Jekk jogħġbok ipprovdi, fuq inizjattiva tiegħek stess, kull informazzjoni essenzjali li tista’ tkun ta’ iżjed għajnuna għall-kooperazzjoni jew għall-iskambju tal-informazzjoni għall-finijiet tat-talba:

Kwalunkwe data personali pprovduta għandha tiġi pproċessata mill-ESMA f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. B’mod partikolari, kemm l-ESMA kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data f’konformità mat-Taqsima 2 “Informazzjoni u aċċess għad-data personali” tal-KAPITOLU III “Drittijiet tas-suġġett tad-data ” ta’ dawn ir-Regolamenti.

Dejjem tiegħek,

[firma]


(1)  Ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1).


ANNESS IV

Formola għan-notifika ta’ rifjut

Notifika tar-Rifjut

Numru ta’ referenza:

Data:

MINGĦAND:

L-Istat Membru:

Awtorità Kompetenti rikjedenti:

Indirizz:

(Dettalji tal-punt ta’ kuntatt)

Isem:

Telefon:

Indirizz Elettroniku:

GĦAL:

L-Istat Membru:

Riċevitur:

Indirizz:

(Dettalji tal-punt ta’ kuntatt)

Isem:

Telefon:

Indirizz Elettroniku:

Għażiż/a [daħħal isem xieraq]

Wara t-talba tiegħek [daħħal ir-referenza għat-talba], aħna b’dan ninnotifikawk li aħna nirrifjutaw li naġixxu dwarha minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali f’konformità mal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Qgħadna fuq iċ-ċirkostanza eċċezzjonali li ġejja għal dan ir-rifjut li naġixxu fuq it-talba tiegħek

[Daħħal deskrizzjoni taċ-ċirkostanza rilevanti f’konformità mal-Artikolu 31(2), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2020/1503].

Id-Deċiżjoni tagħna li niċħdu li naġixxu fuq it-talba tiegħek kienet tiddependi fuq ir-raġuni (jiet) li ġejjin

[Daħħal ir-raġunijiet sħaħ għar-rifjut tar-riċevitur li jaġixxi fuq it-talba tal-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba għal kooperazzjoni jew talba għal informazzjoni, b’kont meħud taċ-ċirkostanza eċċezzjonali li fuqha huwa bbażat ir-rifjut]

Kwalunkwe data personali pprovduta għandha tiġi pproċessata mill-ESMA f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. B’mod partikolari, kemm l-ESMA kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data f’konformità mat-Taqsima 2 “Informazzjoni u aċċess għad-data personali” tal-KAPITOLU III “Drittijiet tas-suġġett tad-data ” ta’ dawn ir-Regolamenti.

Dejjem tiegħek,

[firma]


(1)  Ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1).