8.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 287/22


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2113

tat-13 ta’ Lulju 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, superviżjoni u infurzar fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv Ewropej għan-negozji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31(8), it-tielet subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

L-informazzjoni li għandha tiġi skambjata mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503 jenħtieġ li tippermetti lil dawk l-awtoritajiet iwettqu b’mod effettiv l-attivitajiet tagħhom ta’ investigazzjoni, superviżjoni u infurzar skont dak ir-Regolament. Konsegwentement, jenħtieġ li tiġi speċifikata l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw sabiex ikunu jistgħu jwettqu dawk il-kompiti.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jimmonitorjaw b’mod effettiv il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw informazzjoni ġenerali ta’ sfond u d-dokumenti kostitwenti, inklużi dokumenti ta’ inkorporazzjoni nazzjonali, jew dokumenti oħra li jipprovdu għarfien dwar l-istruttura u l-attivitajiet operazzjonali tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw ukoll informazzjoni dwar il-proċess ta’ awtorizzazzjoni u l-korpi ta’ ġestjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, inkluż informazzjoni dwar l-adegwatezza għall-ġestjoni ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv u r-reputazzjoni tal-membri tal-korp maniġerjali, u informazzjoni dwar l-azzjonisti, il-penali imposti u l-miżuri amministrattivi, l-azzjonijiet ta’ infurzar u l-istorja rilevanti tal-kondotta u tal-konformità tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv.

(3)

Sabiex jaqdu d-dmirijiet superviżorji tagħhom b’mod komprensiv, jenħtieġ ukoll li l-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw informazzjoni rilevanti dwar persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra u partijiet terzi relatati mal-finanzjament kollettiv li huma ta’ rilevanza għall-forniment tas-servizzi pprovduti mill-fornituri tas-servizzi tal-finanzjament kollettiv, inkluża l-informazzjoni. fuq partijiet terzi nominati biex iwettqu funzjonijiet operazzjonali b’rabta mal-provvista ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv.

(4)

L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti se jkun l-aktar utli fiċ-ċirkostanzi fejn jistgħu jinqalgħu kwistjonijiet ta’ tħassib regolatorju relatati mal-entitajiet soġġetti għar-Regolament (UE) 2020/1503, inkluża informazzjoni dwar l-applikazzjoni inizjali għall-awtorizzazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, is-superviżjoni kontinwa tal-konformità ta’ entità ma’ dak ir-Regolament, u azzjonijiet superviżorji u ta’ infurzar li jista’ jkollhom impatt fuq l-operazzjonijiet ta’ entità f’ġurisdizzjoni oħra.

(5)

L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, superviżjoni u infurzar jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni kkonċernati, kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 8, rispettivament, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jrid jikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Markets Authority).

(7)

L-ESMA ma għamlet ebda konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li huma l-bażi tar-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali billi dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward tal-ambitu u l-impatt ta’ dawk l-istandards, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li dawk l-istandards prinċipalment jikkonċernaw lill-awtoritajiet kompetenti.

(8)

L-ESMA talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(9)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta opinjoni fl-1 ta’ Ġunju 2022,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Informazzjoni dwar il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li għandha tiġi skambjata

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni li ġejja dwar fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv:

(a)

informazzjoni ġenerali u dokumenti relatati mal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv:

(i)

l-isem tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, l-indirizz tal-uffiċċju prinċipali jew reġistrat tiegħu, id-dettalji ta’ kuntatt, il-kodiċi ISO 17442 tiegħu tal-identifikatur ta’ entità ġuridika (LEI) u siltiet rilevanti minn reġistri miżmuma nazzjonalment;

(ii)

informazzjoni dwar dokumenti kostituzzjonali li l-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv huwa meħtieġ li jkollu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli;

(b)

informazzjoni dwar il-persuni fiżiċi responsabbli għall-ġestjoni tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li ġiet ipprovduta bħala parti mill-proċess ta’ awtorizzazzjoni, inkluż:

(i)

l-isem u n-numru ta’ identifikazzjoni personali, meta dan tal-aħħar ikun disponibbli fl-Istat Membru rilevanti;

(ii)

informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet li tali persuni jkollhom fi ħdan il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv;

(c)

informazzjoni meħtieġa biex jiġu vvalutati r-reputazzjoni tajba u l-adegwatezza tal-persuni fiżiċi responsabbli għall-ġestjoni tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, inkluż, fejn disponibbli:

(i)

informazzjoni dwar l-esperjenza tax-xogħol tagħhom;

(ii)

l-informazzjoni li ġejja dwar ir-reputazzjoni tagħhom:

(1)

informazzjoni dwar rekords kriminali, jew sanzjonijiet amministrattivi jew ċivili u informazzjoni dwar investigazzjonijiet kriminali miftuħa kontra tali persuni fir-rigward ta’ ksur ta’ regoli nazzjonali fl-oqsma tal-liġi kummerċjali, il-liġi dwar l-insolvenza, il-liġi dwar is-servizzi finanzjarji, il-liġi kontra l-ħasil tal-flus, il-liġi dwar il-frodi jew l-obbligi ta’ responsabbiltà professjonali, permezz ta’ ċertifikat uffiċjali, jew dokument ekwivalenti ieħor f’konformità mal-liġi nazzjonali, u deskrizzjoni dettaljata ta’ kwalunkwe sanzjoni ċivili jew amministrattiva imposta;

(2)

informazzjoni dwar investigazzjonijiet jew proċedimenti li jkunu għaddejjin għajr dawk stabbiliti fil-punt (c)(ii)(1);

(3)

informazzjoni dwar kwalunkwe rifjut ta’ reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja biex jitwettaq negozju jew professjoni, u informazzjoni dwar l-irtirar, revoka jew terminazzjoni ta’ tali reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja, jew esklużjoni minn korp regolatorju jew governattiv jew minn korp jew assoċjazzjoni professjonali;

(4)

informazzjoni dwar kwalunkwe tkeċċija mill-impjieg relatata ma’ pożizzjonijiet u kompiti li jikkonċernaw il-ġestjoni ta’ fondi jew relazzjonijiet fiduċjarji simili u deskrizzjoni tar-raġunijiet għal tali tkeċċija;

(d)

informazzjoni dwar l-azzjonisti li għandhom 20 % jew aktar tal-kapital azzjonarju jew tad-drittijiet tal-vot tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, inkluża informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ rekords kriminali jew sanzjonijiet amministrattivi jew ċivili u informazzjoni dwar investigazzjonijiet kriminali miftuħa kontra tali azzjonisti, fir-rigward ta’ ksur tar-regoli nazzjonali fl-oqsma tal-liġi kummerċjali, il-liġi dwar l-insolvenza, il-liġi dwar is-servizzi finanzjarji, il-liġi kontra l-ħasil tal-flus, il-liġi dwar il-frodi jew l-obbligi ta’ responsabbiltà professjonali u deskrizzjoni dettaljata ta’ kwalunkwe sanzjoni ċivili jew amministrattiva imposta;

(e)

informazzjoni dwar l-istruttura organizzazzjonali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, il-kundizzjonijiet operattivi u l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2020/1503, li ġiet ipprovduta bħala parti mill-proċess ta’ awtorizzazzjoni u kif aġġornata permezz tal-attivitajiet superviżorji tal-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għal informazzjoni, inkluż iżda mhux limitat għal:

(i)

informazzjoni dwar l-arranġamenti ta’ governanza u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern li jiżguraw il-konformità mar-Regolament (UE) 2020/1503, inklużi l-ġestjoni tar-riskju u l-proċeduri tal-kontabilità;

(ii)

programm ta’ operazzjonijiet li jistabbilixxi t-tipi ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ipprovduti mill-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv f’konformità mar-Regolament (UE) 2020/1503;

(iii)

rekords ta’ konformità tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, inkluża informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti;

(iv)

informazzjoni li tista’ tintalab mill-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv fir-rigward tal-attivitajiet u r-rekwiżiti speċifikati fl-Artikoli 3 sa 11 tar-Regolament (UE) 2020/1503;

(f)

informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni bħala fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikoli 12, 13 u 17 tar-Regolament (UE) 2020/1503;

(g)

informazzjoni dwar kwalunkwe penali, inklużi penali kriminali, miżuri amministrattivi jew azzjonijiet ta’ infurzar, imposti fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv;

(h)

kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa għall-kooperazzjoni fl-attivitajiet ta’ investigazzjoni, superviżjoni u infurzar skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503.

Artikolu 2

Informazzjoni dwar persuni oħra u entitajiet mhux inkorporati li għandha tiġi skambjata

1.   Fir-rigward ta’ partijiet terzi relatati mal-finanzjament kollettiv li huma ta’ rilevanza għall-forniment tas-servizzi pprovduti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv u li huma persuni fiżiċi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw l-isem, id-data u l-post tat-twelid tal-persuna, in-numru ta’ identifikazzjoni personali, fejn disponibbli fl-Istat Membru kkonċernat, u l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt.

2.   Fir-rigward ta’ partijiet terzi relatati mal-finanzjament kollettiv li huma ta’ rilevanza għall-forniment tas-servizzi pprovduti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv u li huma persuni ġuridiċi, awtorità kompetenti tista’ titlob ukoll dokumenti li jiċċertifikaw:

(a)

l-isem tan-negozju tal-persuna ġuridika;

(b)

l-indirizz tal-kap jew tal-uffiċċju reġistrat tal-persuna ġuridika, u l-indirizz postali fejn dan ikun differenti;

(c)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna ġuridika, u n-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali jew il-kodiċi LEI fejn disponibbli;

(d)

ir-reġistrazzjoni tal-forma legali tal-persuna ġuridika, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli;

(e)

lista sħiħa ta’ persuni li effettivament jidderieġu n-negozju tal-persuna ġuridika, inklużi isimhom, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta’ kuntatt, u n-numru ta’ identifikazzjoni personali tagħhom fejn disponibbli fl-Istat Membru kkonċernat.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa għall-kooperazzjoni fl-attivitajiet ta’ investigazzjoni, superviżjoni u infurzar skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).