4.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/23


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2105

tad-29 ta’ Lulju 2022

li jistabbilixxi regoli dwar il-kontrolli tal-konformità tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa u metodi ta’ analiżi tal-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 90a(6), il-punti (b) u (c), u l-Artikolu 91, il-punti (b), (d) u (g), tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (2). Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi regoli dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni f’dak ir-rigward. Biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa fil-qafas legali l-ġdid, iridu jiġu adottati ċerti regoli permezz ta’ tali atti.

(2)

L-esperjenza miksuba matul l-aħħar għaxar snin mill-implimentazzjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni għaż-żejt taż-żebbuġa u mill-implimentazzjoni tal-kontrolli tal-konformità turi li l-qafas regolatorju jeħtieġ li jiġi ssimplifikat u ċċarat. Jenħtieġ li jiġu riveduti rekwiżiti simili u komplementari biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u l-inkonsistenzi potenzjali.

(3)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu kontrolli tal-konformità bl-għan li jivverifikaw jekk il-prodotti msemmija fil-Parti VII tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jikkonformawx mar-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2104 (3), u b’mod partikolari dwar il-konformità tat-tikketta mal-kontenut tal-kontenitur. Jenħtieġ li l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi ta’ kontroll għall-Istati Membri kollha tgħin ukoll fil-ġlieda kontra l-frodi. Filwaqt li l-Istati Membri jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw u jiddeċiedu liema awtoritajiet jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni b’tali awtoritajiet kompetenti, biex jiżguraw komunikazzjoni xierqa mal-awtoritajiet rispettivi tal-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni.

(4)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu meħtieġa jippreżentaw rapport annwali lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kontrolli tal-konformità mwettqa matul is-sena preċedenti, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Sabiex jiġu ffaċilitati l-ġbir u t-trażmissjoni ta’ data komparabbli, il-kompilazzjoni sussegwenti ta’ tali data fi statistika għall-Unjoni kollha u t-tħejjija ta’ rapporti mill-Kummissjoni dwar il-kontrolli tal-konformità madwar l-Unjoni, jenħtieġ li jiġi pprovdut mudell standard ta’ formola għar-rapporti annwali.

(5)

Sabiex jiġi vverifikat li ż-żejt taż-żebbuġa jikkonforma mar-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2022/2104 u tiġi mmassimizzata l-protezzjoni tal-konsumaturi, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jwettqu kontrolli tal-konformità abbażi ta’ analiżi tar-riskju.

(6)

Billi l-kontrolli fuq l-operaturi responsabbli għall-produzzjoni jew għat-tqegħid fis-suq għall-ewwel darba taż-żejt taż-żebbuġa jridu jsiru fl-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti, jenħtieġ li jkun hemm proċedura għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fejn iż-żejt jiġi prodott u kkumerċjalizzat.

(7)

Fil-qafas tal-kontrolli, l-Istati Membri jenħtieġ li jispeċifikaw l-evidenza li għandha tiġi pprovduta għat-termini differenti li jistgħu jintużaw fuq it-tikketta. Tali evidenza jenħtieġ li tinkludi fatti stabbiliti, riżultati ta’ analiżijiet jew reġistrazzjonijiet affidabbli, u informazzjoni amministrattiva jew kontabilistika.

(8)

L-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew japprovaw impjanti tal-imballaġġ li jinsabu fit-territorju tagħhom, sabiex jiffaċilitaw il-kontroll tal-konformità tal-prodott mad-dettalji obbligatorji u fakultattivi miktuba fuq it-tikketta, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104.

(9)

Il-karatteristiċi tat-tipi differenti ta’ żejt taż-żebbuġa jenħtieġ li jiġu ddeterminati b’mod uniformi madwar l-Unjoni. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tispeċifika liema metodi ta’ analiżi kimika u evalwazzjoni organolettika jenħtieġ li jintużaw. Peress li l-Unjoni hija membru tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“IOC”), il-metodi li jridu jintużaw meta jitwettqu l-kontrolli tal-konformità jenħtieġ li jkunu dawk stabbiliti mill-IOC.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-uniformità fil-kampjunar għall-kontrolli tal-konformità, jenħtieġ li jiġi stabbilit il-metodu ta’ kampjunar taż-żejt taż-żebbuġa. Sabiex jiġi żgurat li l-analiżijiet jitwettqu fil-kundizzjonijiet korretti u fid-dawl tad-distanzi bejn ir-reġjuni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien differenti biex jintbagħtu l-kampjuni lil-laboratorju wara t-teħid tal-kampjuni.

(11)

L-Istati Membri jenħtieġ li jivverifikaw il-konformità taż-żejt taż-żebbuġa mqiegħed fis-suq tal-Unjoni mal-karatteristiċi stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2022/2104. Fir-rigward tal-klassifikazzjoni taż-żjut, ir-riżultati tat-test jenħtieġ li jitqabblu mal-limiti stabbiliti f’dak ir-Regolament, li jqisu r-repetibbiltà u r-riproduċibbiltà tal-metodi ta’ analiżi użati.

(12)

Il-metodu tal-IOC għall-evalwazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa verġni jinkludi l-istabbiliment ta’ bords tad-dewwieqa magħżula u mħarrġa. Sabiex tiġi żgurata l-uniformità fl-implimentazzjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-approvazzjoni tal-bords. Fid-dawl tad-diffikultajiet li xi Stati Membri jiltaqgħu magħhom fl-istabbiliment ta’ bords tad-dewwieqa, l-użu ta’ bords fi Stati Membri oħra jenħtieġ li jiġi awtorizzat.

(13)

L-użu tal-metodu tal-IOC għall-evalwazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa verġni jirrikjedi li tkun disponibbli proċedura biex jiġu ttrattati każijiet ta’ diskrepanza bejn il-kategorija ddikjarata u dik assenjata mill-bord tad-dewwieqa.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li s-sistema ta’ imposti applikabbli għall-importazzjonijiet tal-pasta taż-żrieragħ żejtnin u tar-residwi tiffunzjona kif suppost, jenħtieġ li jiġi stabbilit metodu uniku għad-determinazzjoni tal-kontenut ta’ żejt ta’ dawn il-prodotti.

(15)

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu penali għan-nuqqasijiet ta’ konformità li jinsabu fil-livell nazzjonali mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa. Dawk il-penali jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(16)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar:

(a)

il-kontrolli tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għaż-żjut taż-żebbuġa msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104 u l-implimentazzjoni tagħhom mill-operaturi;

(b)

il-kooperazzjoni u l-assistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kontrolli tal-konformità msemmija fil-punt (a);

(c)

ir-rekords li jridu jinżammu mill-operaturi li jipproduċu jew li jkollhom iż-żejt taż-żebbuġa u l-approvazzjoni tal-impjanti tal-imballaġġ;

(d)

il-metodi ta’ analiżi għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa.

Artikolu 2

Obbligi tal-Istati Membri dwar il-kontrolli tal-konformità

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli tal-konformità fuq iż-żejt taż-żebbuġa biex jivverifikaw l-implimentazzjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2022/2104 abbażi ta’ analiżi tar-riskju msemmija fl-Artikolu 3.

2.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-operaturi jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5(1).

3.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 (4) l-isem u l-indirizz tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu kontrolli tal-konformità f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra u, fuq talba, lil kwalunkwe parti interessata ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla li sseħħ.

Artikolu 3

Frekwenza tal-kontrolli tal-konformità u tal-analiżi tar-riskju

1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “żejt taż-żebbuġa kummerċjalizzat” tfisser il-kwantità totali ta’ żejt taż-żebbuġa disponibbli fis-suq fi Stat Membru u li jiġi esportat minn dak l-Istat Membru.

2.   L-Istati Membri għandhom iwettqu mill-inqas kontroll tal-konformità wieħed fis-sena għal kull elf tunnellata ta’ żejt taż-żebbuġa kummerċjalizzati fit-territorju tagħhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontrolli tal-konformità jitwettqu b’mod selettiv, abbażi ta’ analiżi tar-riskju, u bil-frekwenza x-xierqa, sabiex jivverifikaw li ż-żejt taż-żebbuġa kumerċjalizzat jikkorrispondi mal-kategorija ddikjarata.

4.   Il-kriterji għall-valutazzjoni tar-riskju huma b’mod partikolari:

(a)

il-kategorija taż-żejt taż-żebbuġa skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104, il-perjodu tal-produzzjoni, il-prezz tiegħu meta mqabbel ma’ żjut veġetali oħrajn, l-operazzjonijiet ta’ taħlit u ppakkjar, il-faċilitajiet u l-kundizzjonijiet tal-ħżin, il-pajjiż tal-oriġini, il-pajjiż tad-destinazzjoni, il-mezz tat-trasport jew il-volum tal-lott;

(b)

il-pożizzjoni tal-operaturi fil-katina tal-kummerċjalizzazzjoni, il-volum u l-valur kumerċjalizzat minnhom, il-firxa tal-kategoriji taż-żejt li jqiegħdu fis-suq, it-tip ta’ negozju li jsir bħat-tħin, il-ħżin, ir-raffinar, it-taħlit, l-imballaġġ jew il-bejgħ bl-imnut;

(c)

is-sejbiet li saru waqt kontrolli preċedenti inklużi l-għadd u t-tip ta’ difetti misjuba, il-kwalità tas-soltu taż-żejt taż-żebbuġa kummerċjalizzat, il-prestazzjoni tat-tagħmir tekniku użat;

(d)

l-affidabbiltà tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità jew tas-sistemi tal-awtokontroll tal-operaturi relatati mal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni;

(e)

il-post fejn ikun sar il-kontroll tal-konformità, b’mod partikolari jekk ikun l-ewwel punt ta’ dħul fl-Unjoni, l-aħħar punt ta’ ħruġ mill-Unjoni jew il-post fejn iż-żjut jiġu prodotti, ippakkjati, mgħobbija jew mibjugħa lill-konsumatur finali;

(f)

kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ tindika riskju ta’ nuqqas ta’ konformità.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu minn qabel:

(a)

il-kriterji biex jiġi vvalutat ir-riskju tan-nuqqas ta’ konformità tal-lottijiet;

(b)

abbażi tal-analiżi tar-riskju għal kull kategorija ta’ riskju, l-għadd minimu ta’ operaturi jew lottijiet u kwantitajiet li se jkunu soġġetti għall-kontroll tal-konformità.

6.   Meta l-kontrolli juru irregolaritajiet sinifikanti, l-Istati Membri għandhom iżidu l-frekwenza tal-kontrolli b’rabta mal-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni, il-kategorija taż-żejt, l-oriġini jew kriterji oħra.

Artikolu 4

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kontrolli tal-konformità

1.   Jekk tinstab xi irregolarità u l-operatur muri fuq it-tikketta jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħmel talba għal verifika f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 (5) lill-Istat Membru li fih ikun stabbilit l-operatur li jidher fuq it-tikketta.

2.   Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715, it-talba msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni kollha meħtieġa għall-verifika, u b’mod partikolari:

(a)

id-data tal-kampjunar jew tax-xiri taż-żejt taż-żebbuġa inkwistjoni;

(b)

l-isem jew l-isem kummerċjali u l-indirizz tal-operatur fejn ikun ittieħed il-kampjun jew fejn kien inxtara ż-żejt taż-żebbuġa konċernat;

(c)

in-numru tal-lottijiet konċernati;

(d)

kopja tat-tikketti kollha li jidhru fuq l-imballaġġ taż-żejt taż-żebbuġa konċernat;

(e)

ir-riżultati tal-analiżi jew tal-opinjonijiet komparattivi l-oħra tal-esperti li jindikaw il-metodi użati u l-isem u l-indirizz tal-laboratorju jew tal-espert;

(f)

fejn applikabbli, l-isem tal-fornitur taż-żejt taż-żebbuġa inkwistjoni kif iddikjarat mis-suq tal-kummerċjalizzazzjoni.

3.   Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715, l-Istat Membru li t-talba tkun indirizzata lilu, għandu jieħu kampjuni mhux aktar tard minn tmiem ix-xahar wara dak tat-talba u jivverifika l-indikazzjonijiet dwar it-tikkettar konċernat. Dan għandu jwieġeb fi żmien tliet xhur mid-data tat-talba.

Artikolu 5

Obbligi tal-operaturi

1.   Għall-finijiet tal-kontrolli tal-konformità, l-operaturi mill-mitħna u sal-istadju tal-ibbottiljar għandhom iżommu reġistri tad-dħul u tal-irtirar għal kull kategorija ta’ żejt taż-żebbuġa li jkollhom.

2.   Fuq talba tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit l-operatur li jidher fuq it-tikketta, l-operatur għandu jipprovdi dokumentazzjoni fir-rigward tal-issodisfar tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 6, 8 u 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104 abbażi ta’ wieħed jew aktar mill-elementi li ġejjin:

(a)

l-elementi fattwali jew il-fatti stabbiliti b’mod xjentifiku;

(b)

ir-riżultati tal-analiżijiet jew tar-reġistrazzjonijiet awtomatiċi meħudin fuq kampjuni rappreżentattivi;

(c)

l-informazzjoni amministrattiva jew kontabilistika miżmuma f’konformità mar-regoli tal-Unjoni u nazzjonali.

Artikolu 6

Approvazzjoni fakultattiva tal-impjanti tal-imballaġġ fil-livell nazzjonali

1.   L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li japprovaw impjanti tal-imballaġġ li jinsabu fit-territorju tagħhom.

2.   Meta jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-approvazzjoni u jallokaw l-identifikazzjoni alfanumerika lil kwalunkwe impjant tal-imballaġġ li jitlob dan, li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikollu faċilitajiet tal-imballaġġ;

(b)

jimpenja ruħu li jiġbor u jżomm id-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5;

(c)

ikollu sistema ta’ ħżin li tagħmilha possibbli li tiġi vverifikata l-provenjenza taż-żjut taż-żebbuġa li għalihom it-tikkettar tal-post ta’ oriġini huwa obbligatorju f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104.

3.   Meta jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-arranġamenti rilevanti f’konformità mad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

Artikolu 7

Metodi ta’ analiżi użati għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa

Il-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104 għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mal-metodi ta’ analiżi stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Kampjunar għall-kontrolli tal-konformità

1.   Il-kampjuni għall-kontrolli tal-konformità għandhom jittieħdu f’konformità mal-istandards internazzjonali EN ISO 661 dwar it-tħejjija tal-kampjuni tat-test u EN ISO 5555 dwar il-kampjunar. Madankollu, għal-lottijiet ta’ żejt taż-żebbuġa imballat, il-kampjunar għandu jsir f’konformità mal-Anness II. Fil-każ ta’ żjut bl-ingrossa li l-kampjunar tagħhom ma jistax isir f’konformità mal-istandard EN ISO 5555, il-kampjunar għandu jsir f’konformità mal-istruzzjonijiet ipprovduti mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-istandard EN ISO 5555 u għall-Kapitolu 6 tal-istandard EN ISO 661, il-kampjuni meħudin għandhom jitpoġġew kemm jista’ jkun malajr f’post fid-dlam, ’il bogħod mis-sħana u għandhom jintbagħtu lil-laboratorju għall-analiżi mhux aktar tard mill-ħames jum tax-xogħol wara li jittieħdu, inkella l-kampjuni għandhom jinżammu b’tali mod li ma jiġux degradati jew danneġġati waqt it-trasport jew il-ħżin qabel ma jintbagħtu lil-laboratorju.

Artikolu 9

Verifika tal-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa

1.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-konformità taż-żjut taż-żebbuġa mal-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104:

(a)

fi kwalunkwe ordni; jew

(b)

billi jsegwu l-ordni stabbilita fid-dijagramma sekwenzjali fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament, sakemm tintlaħaq waħda mid-deċiżjonijiet li jidhru fid-dijagramma sekwenzjali.

2.   Għall-fini tal-verifika prevista fil-paragrafu 1, l-analiżijiet għad-determinazzjoni tal-livell ta’ aċidità, il-valur tal-perossidu K232, K268 jew K270, ΔΚ, l-esteri etiliċi tal-aċidi grassi, ix-xama’ u l-karatteristiċi organolettiċi, fejn applikabbli, kwalunkwe kontroanaliżi meħtieġa skont il-liġi nazzjonali għandha ssir qabel id-data minima ta’ durabbiltà fil-każ ta’ żejt taż-żebbuġa imballat. Fil-każ tat-teħid ta’ kampjuni taż-żjut bl-ingrossa, dawn l-analiżijiet għandhom isiru mhux aktar tard minn sitt xhur wara x-xahar li fih ikun ittieħed il-kampjun.

3.   L-ebda limitu ta’ żmien ma għandu japplika għall-verifika ta’ karatteristiċi oħra taż-żejt taż-żebbuġa stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104.

4.   Għaż-żejt taż-żebbuġa ppakkjat, sakemm il-kampjun ma jkunx ittieħed inqas minn xahrejn qabel id-data minima tad-durabbiltà, jekk ir-riżultati tal-analiżijiet ma jaqblux mal-karatteristiċi tal-kategorija taż-żejt taż-żebbuġa dikjarata, l-operatur li minnu jkun ittieħed il-kampjun għandu jiġi nnotifikat mhux aktar tard minn xahar qabel id-data minima tad-durabbiltà.

5.   Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa bil-metodi stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, ir-riżultati tal-analiżijiet għandhom jitqabblu direttament mal-limiti stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104, li jqisu r-repetibbiltà u r-riproduċibbiltà tal-metodi ta’ analiżi użati.

6.   Ir-regoli ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal kull kampjun ewlieni li jittieħed f’konformità mal-Anness II.

Artikolu 10

Bords tad-dewwieqa

1.   Għall-finijiet ta’ kontrolli tal-konformità, il-bords tad-dewwieqa, approvati mill-Istati Membri fit-territorju tagħhom, għandhom jivvalutaw il-karatteristiċi organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa verġni stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104 u għandhom jirrapportaw dwar dawk il-karatteristiċi u dwar il-kategorija.

2.   It-termini tal-approvazzjoni tal-bords tad-dewwieqa għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri u jiżguraw li:

(a)

jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-metodu msemmi fil-punt 5 tal-Anness I għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi taż-żejt taż-żebbuġa verġni;

(b)

il-mexxej tal-bord jingħata taħriġ rikonoxxut għal dan il-għan mill-Istat Membru;

(c)

l-approvazzjoni kontinwa tiddependi mill-prestazzjoni f’rieżami annwali tal-bord tad-dewwieqa mill-Istat Membru.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2017/1183, bil-lista tal-bords tad-dewwieqa approvati fit-territorju tagħhom u jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla f’dik il-lista mingħajr dewmien.

4.   Meta l-ebda bord tad-dewwieqa fit-territorju ta’ Stat Membru ma jissodisfa t-termini tal-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru għandu jistieden bord tad-dewwieqa approvat fi Stat Membru ieħor.

Artikolu 11

Verifika tal-karatteristiċi organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa verġni

1.   Il-karatteristiċi organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa verġni stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104 għandhom jitqiesu bħala konsistenti mal-kategorija ddikjarata jekk bord tad-dewwieqa approvat minn Stat Membru jikkonferma l-kategorija.

2.   Meta l-bord tad-dewwieqa ma jikkonfermax il-kategorija dikjarata fir-rigward tal-karatteristiċi organolettiċi, fuq talba tal-operatur soġġett għall-kontroll, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom żewġ kontrovalutazzjonijiet li jsiru minn bords tad-dewwieqa oħra approvati mingħajr dewmien. Mill-inqas wieħed mill-bords tad-dewwieqa għandu jkun bord approvat mill-Istat Membru li fih ikun ġie prodott iż-żejt taż-żebbuġa. Il-karatteristiċi konċernati għandhom jitqiesu bħala konsistenti mal-karatteristiċi dikjarati jekk iż-żewġ kontrovalutazzjonijiet jikkonfermaw il-kategorija dikjarata. Jekk dan ma jkunx il-każ, irrispettivament mit-tip ta’ difetti determinati matul il-kontrovalutazzjonijiet, il-kategorija dikjarata għandha tiġi ddikjarata bħala inkonsistenti mal-karatteristiċi u l-operatur soġġett għall-kontroll għandu jġarrab il-kostijiet tal-kontrovalutazzjonijiet.

3.   Meta ż-żejt jiġi prodott barra mill-Unjoni, iż-żewġ kontroanaliżijiet għandhom jitwettqu minn żewġ bords tad-dewwieqa differenti minn dak li inizjalment ikun stabbilixxa n-nuqqas ta’ konformità.

4.   Meta jwettqu l-kontrovalutazzjonijiet, il-bords tad-dewwieqa għandhom jivvalutaw iż-żejt taż-żebbuġa f’żewġ sessjonijiet separati tad-dewqan. Ir-riżultati miż-żewġ sessjonijiet għaż-żejt taż-żebbuġa soġġett għall-kontrovalutazzjoni jridu jkunu statistikament omoġenji. Jekk le, il-kampjun irid jerġa’ jiġi analizzat darbtejn. Il-valuri rrapportati tal-karatteristiċi organolettiċi taż-żejt taż-żebbuġa soġġett għall-kontrovalutazzjoni għandhom jiġu kkalkolati bħala l-medja tal-valuri miksuba għal dawk il-karatteristiċi fiż-żewġ sessjonijiet statistikament omoġenji.

Artikolu 12

Kontenut ta’ żejt tal-pasta taż-żrieragħ żejtnin u residwi oħra

1.   Il-kontenut ta’ żejt tal-pasta taż-żrieragħ żejtnin u residwi oħra li jirriżultaw mill-estrazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa (il-kodiċijiet NM 2306 90 11 u 2306 90 19) għandu jiġi determinat billi jintuża l-metodu stabbilit fl-Anness IV.

2.   Il-kontenut ta’ żejt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi espress bħala perċentwal tal-piż ta’ żejt għall-piż ta’ materja niexfa.

Artikolu 13

Penali

1.   Fejn jinstab li l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2022/2104 ma jiġux irrispettati, l-Istati Membri għandhom japplikaw penali effettivi, proporzjonati u dissważivi li għandhom jiġu ddeterminati fid-dawl tas-serjetà tal-irregolarità identifikata.

2.   Sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2017/1183, bil-miżuri meħudin għal dak il-għan u mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda għal dawk il-miżuri.

Artikolu 14

Rapportar

Sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapport f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2017/1183 dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul is-sena kalendarja preċedenti. Ir-rapport għandu jkun fih mill-inqas ir-riżultati tal-kontrolli tal-konformità mwettqa fuq iż-żejt taż-żebbuġa f’konformità mal-formola stabbilita fl-Anness V ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2104 tat-29 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 29/2012 (Ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta’ informazzjoni u dokumenti (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 100).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (“ir-Regolament IMSOC”) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).


ANNESS I

Metodi ta’ analiżi użati għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa

 

Karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa

Metodu tal-IOC li għandu jintuża

1

Aċidità

COI/T.20/Doc. Nru 34 (Determinazzjoni tal-aċidi xaħmin liberi, metodu fil-kiesaħ)

2

Valur tal-perossidu

COI/T.20/Doc. Nru 35 (Determinazzjoni tal-valur tal-perossidu)

3

2-gliċeril monopalmitat

COI/T.20/Doc. Nru 23 (Determinazzjoni tal-perċentwal ta’ 2-gliċeril monopalmitat)

4

K232, K268 jew K270, ΔΚ

COI/T.20/Doc. Nru 19 (Investigazzjoni spettrofotometrika fl-ultravjola)

5

Karatterisiċi organolettiċi

COI/T.20/Doc. Nru 15 (Analiżi sensorjalitaż-żejt taż-żebbuġa – Metodu għall-valutazzjoni organolettika taż-żejt taż-żebbuġa verġni) – minbarra l-punti 4.4 u 10.4 tiegħu

6

Kompożizzjoni ta’ aċidi xaħmin, inklużi transisomeri

COI/T.20/Doc. Nru 33 (Determinazzjoni tal-esteri metiliċi tal-aċidi xaħmin permezz tal-kromatografija b’fażi gassuża)

7

Esteri etiliċi tal-aċidi xaħmin, xama’

COI/T.20/Doc. Nru 28 (Determinazzjoni tal-kontenut ta’ xama’, esteri metiliċi tal-aċidi xaħmin, u esteri etiliċi tal-aċidi xaħmin permezz tal-kromatografija b’fażi gassuża f’kolonna kapillari)

8

L-isteroli totali, il-kompożizzjoni tal-isteroli, l-eritrodiol, l-uvaol u l-alkoħol alifatiku

COI/T.20/Doc. Nru 26 (Determinazzjoni tal-kompożizzjoni u l-kontenut ta’ steroli, dialkoħol triterpeniku u alkoħol alifatiku permezz tal-kromatografija b’fażi gassuża f’kolonna kapillari)

9

Stigmastadienes

COI/T-20/Doc. Nru 11 (Determinazzjoni tal-istigmastadienes fiż-żjut veġetali)

10

ΔΕCN42

COI/T.20/Doc. Nru 20 (Determinazzjoni tad-differenza bejn il-kontenut attwali u teoretiku tat-triaċigliċeroli mal-ECN 42)


ANNESS II

TEĦID TA’ KAMPJUNI TAŻ-ŻEJT TAŻ-ŻEBBUĠA KKONSENJAT F’PAKKETTI

Dan il-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni jintuża għal-lottijiet taż-żejt taż-żebbuġa mqiegħda fil-pakketti. Japplikaw metodi differenti tat-teħid ta’ kampjuni, skont jekk il-pakkett ikunx jaqbeż il-5 litri jew le.

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“pakkett” tfisser il-kontenitur li jkun f’kuntatt dirett maż-żejt taż-żebbuġa;

(b)

“lott” tfisser sett ta’ pakketti li jiġu prodotti, manifatturati u ppakkjati f’ċirkustanzi li jkunu tali li ż-żejt taż-żebbuġa li jkun f’kull pakkett jitqies omoġenju f’termini tal-karatteristiċi analitiċi kollha tiegħu. L-individwazzjoni ta’ lott trid issir f’konformità mad-Direttiva 2011/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(c)

“inkrement” tfisser il-kwantità ta’ żejt taż-żebbuġa li tinsab f’pakkett sa 5 litri jew estratta minn pakkett li jaqbeż il-5 litri, meta l-pakketti jintgħażlu minn punt aleatorju tal-lott.

1.   IL-KONTENUT TAL-KAMPJUN EWLIENI

1.1.   Kampjuni ewlenin għal pakketti sa 5 litri

Kampjun ewlieni għall-pakketti sa 5 litri għandu jkun kostitwit skont it-Tabella 1.

Tabella 1

Id-daqs minimu tal-kampjun ewlieni jrid ikun fih dan li ġej:

Meta l-pakkett ikollu kapaċità ta’

Il-kampjun ewlieni jrid ikun fih żejt taż-żebbuġa minn

(a)

750 ml jew aktar

(a)

pakkett 1;

(b)

inqas minn 750 ml

(b)

l-għadd minimu ta’ pakketti b’kapaċità totali ta’ mill-anqas 750 ml

Il-kontenut tal-kampjun ewlieni għandu jiġi omoġenizzat qabel ma jitwettqu l-valutazzjonijiet u l-analiżijiet differenti.

1.2.   Kampjuni ewlenin għall-pakketti li jaqbżu l-5 litri

Kampjun ewlieni għall-pakketti li jaqbżu l-5 litri għandu jkun kostitwit mill-għadd totali ta’ inkrementi estratti mill-għadd minimu ta’ pakketti stabbilit fit-Tabella 2. Il-pakketti għandhom jintgħażlu mil-lott b’mod aleatorju. Ladarba jiġi kostitwit, il-kampjun ewlieni għandu jkollu volum suffiċjenti li jippermetti d-diviżjoni f’diversi eżempji.

Tabella 2

L-għadd minimu ta’ pakketti li għandhom jintgħażlu b’mod aleatorju

Għadd ta’ pakketti fil-lott

Għadd minimu ta’ pakketti li għandhom jintgħażlu

Sa 10

1

Minn … 11 sa 150

2

Minn … 151 sa 500

3

minn 501 sa 1 500

4

minn 1 501 sa 2 500

5

> 2 500 għal kull 1 000 pakkett

Pakkett addizzjonali

Wara l-omoġenizzazzjoni tal-kontenut ta’ kull pakkett, l-inkrement jiġi estratt u jitferra’ f’kontenitur komuni biex jiġi omoġenizzat billi jitħawwad, sabiex il-kampjun jitħares bl-aħjar mod mill-arja.

Il-kontenut tal-kampjun ewlieni għandu jitferra’ f’sensiela ta’ pakketti b’kapacità minima ta’ litru, li kull wieħed minnhom ikun jikkostitwixxi unità tal-kampjun ewlieni. Kull unità ta’ pakkett trid timtela b’tali mod li jitnaqqas kemm jista’ jkun is-saff tal-arja fil-wiċċ tagħha u mbagħad trid tingħalaq u tiġi ssiġġillata kif xieraq biex ikun żgurat li ma tkunx tista’ titbagħbas. Dawn l-unitajiet ta’ pakketti jridu jiġu ttikkettati biex tkun żgurata l-identifikazzjoni korretta tagħhom.

2.   ŻIEDA FL-GĦADD TA’ KAMPJUNI EWLENIN

2.1.

Kull Stat Membru jista’ jżid l-għadd ta’ kampjuni ewlenin skont il-ħtiġijiet tiegħu (pereżempju l-valutazzjoni organolettika jkun għamilha laboratorju differenti minn dak li jkun wettaq l-analiżi kimika, il-kontroanaliżi, eċċ.).

2.2.

L-awtorità kompetenti tista’ żżid l-għadd ta’ kampjuni ewlenin skont it-tabella li ġejja:

Tabella 3

L-għadd ta’ kampjuni ewlenin stabbilit skont id-daqs tal-lott

Daqs tal-lott (f’litri)

Għadd ta’ kampjuni ewlenin

Inqas minn 7 500

2

bejn 7 500 u anqas minn 25 000

3

bejn 25 000 u anqas minn 75 000

4

bejn 75 000 u anqas minn 125 000

5

125 000 u iktar

6  + 1 għal kull 50 000  litru iktar

2.3.

Il-formazzjoni ta’ kull kampjun ewlieni trid titwettaq f’konformita mal-proċeduri msemmija fil-punti 1.1 u 1.2.

2.4.

Meta jintgħażlu b’mod aleatorju l-pakketti għal inkrementi, il-pakketti magħżula għal kampjun ewlieni wieħed iridu jkunu kontigwi ma’ pakketti magħżula għal kampjun ewlieni ieħor. Hemm bżonn li tittieħed nota tal-post ta’ kull pakkett magħżul b’mod aleatorju u li dan jiġi identifikat mingħajr ambigwità.

3.   L-ANALIŻIJIET U R-RIŻULTATI

3.1.

Meta r-riżultati kollha tal-analiżijiet ta’ kull kampjun ewlieni jikkonformaw mal-karatteristiċi tal-kategorija taż-żejt taż-żebbuġa ddikjarata, il-lott kollu għandu jiġi ddikjarat bħala konformi.

3.2.

Meta wieħed mir-riżultati tal-analiżijiet ta’ mill-inqas kampjun ewlieni wieħed ma jkunx jikkonforma mal-karatteristiċi tal-kategorija taż-żejt taż-żebbuġa ddikjarata, il-lott kollu tal-kampjuni għandu jiġi ddikjarat bħala mhux konformi.

(1)  Id-Direttiva 2011/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjeni oġġett tal-ikel (ĠU L 334, 16.12.2011, p. 1).


ANNESS III

DIJAGRAMMA SEKWENZJALI BIEX JIĠI VVERIFIKAT JEKK KAMPJUN TAŻ-ŻEJT TAŻ-ŻEBBUĠA HUWIEX KONSISTENTI MAL-KATEGORIJA DDIKJARATA JEW LE

Tabella ġenerali

Image 1

Tabella 1

Żejt taż-żebbuġa extra verġni — Kriterji tal-kwalità

Image 2

Tabella 2

Żejt taż-żebbuġa verġni — Kriterji tal-kwalità

Image 3

Tabella 3

Żejt taż-żebbuġa extra verġni u żejt taż-żebbuġa verġni — Kriterji tal-purità

Image 4

Tabella 4

Żejt taż-żebbuġa lampante — Kriterji tal-purità

Image 5

Tabella 5

Żejt taż-żebbuġa raffinat — Kriterji tal-kwalità

Image 6

Tabella 6

Żejt taż-żebbuġa (magħmul minn taħlita ta’ żejt taż-żebbuġa raffinat u żjut taż-żebbuġa verġni) – Kriterji tal-kwalità

Image 7

Tabella 7

Żejt taż-żebbuġa raffinat u żejt taż-żebbuġa magħmul minn żejt taż-żebbuġa raffinat u żjut taż-żebbuġa verġni — Kriterji tal-purità Kriterji tal-purità

Image 8

Tabella 8

Żejt mhux raffinat mir-residwi taż-żebbuġ — Kriterji tal-purità

Image 9

Tabella 9

Żejt raffinat mir-residwi taż-żebbuġ -– Kriterji tal-kwalità

Image 10

Tabella 10

Żejt mir-residwi taż-żebbuġ – Kriterji tal-kwalità

Image 11

Tabella 11

Żejt raffinat mir-residwi taż-żebbuġ u żejt mir-residwi taż-żebbuġ — Kriterji tal-purità

Image 12


ANNESS IV

Metodu għall-kejl tal-kontenut ta’ żejt fil-pasta taż-żrieragħ żejtnin u r-residwi

1.   MATERJALI

1.1.   Apparat

apparat xieraq ta’ estrazzjoni mgħammar bi flask b’qiegħ tond ta’ 200 sa 250 ml,

banju msaħħan bl-elettriku (eż, banju bir-ramel, banju bl-ilma) jew hotplate,

bilanċ analitiku,

forn irregolat sa massimu ta’ 80 °C,

forn imsaħħan bl-elettriku mgħammar b’apparat termostatiku rregolat sa 103 ± 2 °Cu ieħor li minnu jista’ jiġi mgħoddi kurrent ta’ arja jew li jista’ jitħaddem bi pressjoni mnaqqsa,

mitħna mekkanika, faċli biex titnaddaf, u waħda li tippermetti t-tħin tar-residwi taż-żebbuġ mingħajr żieda fit-temperatura jew xi tibdil li jinħass fil-kontenut ta’ umdità tagħhom, fil-materja volatili jew fis-sostanzi li jistgħu jiġu estratti bl-eżan,

tubu ta’ estrazzjoni u tajjar jew karta filtru li jkunu diġà tneħħew minnhom sostanzi li jistgħu jiġu estratti bl-eżan,

desikkatur,

passatur b’toqob ta’ dijametru ta’ 1 mm,

partikoli żgħar ta’ ħaffiefa imnixxfa minn qabel.

1.2.   Reaġent

Eżan normali, ta’ grad tekniku, li għandu jħalli residwu ta’ anqas minn 0,002 g kull 100 ml, meta jevapora kollu.

2.   PROĊEDURA

2.1.   Preparazzjoni tal-kampjun tat-test

Jekk ikun hemm bżonn, uża l-mitħna mekkanika, li qabel tkun ġiet imnaddfa sew, biex tidħan il-kampjun tal-laboratorju sabiex tfarrku f’partikoli li jkunu jistgħu jgħaddu għalkollox mill-għarbiel.

Uża madwar ħamsa fil-mija tal-kampjun biex ittemm il-proċess tat-tindif tal-mitħna, armi l-materjal mitħun, itħan li jibqa’ u iġbor, ħallat bir-reqqa u analizza mingħajr dewmien.

2.2.   Porzjon għat-testijiet

Malli tintemm l-operazzjoni tat-tħin, iżen madwar 10 g tal-kampjun sal-eqreb 0,01 g għall-ittestjar.

2.3.   Tħejjija tat-tubu ta’ estrazzjoni

Qiegħed il-porzjon tat-test fit-tubu u sodd bit-tajjar. Jekk tintuża karta filtru, qartas il-porzjon tat-test fiha.

2.4.   Tnixxif preliminari

Jekk ir-residwi taż-żebbuġ ikunu nedjin ħafna (i.e., umdità u kontenut materjali volatili aktar minn 10 %), għamel tnixxif preliminari billi tpoġġi t-tubu mgħobbi (jew il-karta filtru) fil-forn imsaħħan għal ħin xieraq f’temperatura sa 80 °C sabiex tnaqqas l-umdità u l-kontenut materjali volatili għal anqas minn 10 %.

2.5.   Tħejjija tal-flask bil-qiegħ tond

Iżen sal-eqreb 1 mg il-flask li fih partikola waħda jew tnejn mill-ħaffiefa, imnixxfa minn qabel fil-forn f’103 ± 2 °C imbagħad imkessħa f’dessikatur għal mhux anqas minn siegħa.

2.6.   Estrazzjoni tal-bidu

Fl-apparat ta’ estrazzjoni deffes it-tubu (jew il-karta filtru) li fih hemm il-porzjon tat-test. Ferra’ l-kwantita meħtieġa ta’ eżan fil-flask. Qiegħed il-flask fl-apparat ta’ estrazzjoni u qiegħed kollox fuq il-banju msaħħan bl-elettriku. Irregola r-rata tat-tisħin b’mod li r-rata ta’ rifluss ma tkunx anqas minn tliet qatriet kull sekonda (togħlija moderata, mhux bil-qawwa). Wara erba’ sigħat ta’ estrazzjoni, ħallih jiksaħ. Neħħi t-tubu mill-apparat ta’ estrazzjoni u qiegħdu f’kurrent ta’ arja biex tneħħi ħafna mis-solvent li jkun ippenetra.

2.7.   It-tieni estrazzjoni

Aqleb il-kontenut tat-tubu fil-microgrinder u itħan fin kemm jista’ jkun. Qiegħed lura t-taħlita mitħuna fit-tubu mingħajr ma twaqqa’ u qegħedha lura fl-apparat ta’ estrazzjoni.

Issokta bl-estrazzjoni għal sagħtejn oħra billi tuża l-istess flask bil-qiegħ tond li fih hemm l-estratt tal-bidu.

Is-soluzzjoni miksuba fil-flask ta’ estrazzjoni trid tkun ċara. Jekk le, iffiltra b’karta filtru u aħsel il-flixkun oriġinali u l-karta filtru għal bosta drabi bl-eżan. Iġbor il-filtrat u s-solvent tal-ħasil fi flask ieħor bil-qiegħ tond li jkun tnixxef u ġie ttarat sal-eqreb 1 mg.

2.8.   Tneħijja tas-solvent u l-użin tal-estratt.

Neħħi l-parti l-kbira tas-solvent billi tiddistilla fuq banju msaħħan bl-elettriku. Neħħi l-aħħar traċċi tas-solvent billi ssaħħan il-flask fil-forn f’103 ± 2 °C għal 20 minuta. Għin il-proċess ta’ eliminazzjoni jew billi tonfoħ l-arja fih, jew preferibbilment xi gass inerti, f’intervalli jew billi tuża pressjoni mnaqqsa.

Ħalli l-flask f’dessikatur biex jiksaħ għal mill-inqas siegħa u iżen sal-eqreb 1 mg.

Erġa’ saħħan għal 10 minuti fl-istess kondizzjonijiet, kessaħ f’dessikatur u erġa’ iżen.

Id-differenza bejn iż-żewġ piżijiet ma għandhiex taqbeż l-10 mg. Jekk jiġri hekk, erġa’ saħħan għal perjodi ta’ 10 minuti u wara kessaħ u iżen sakemm id-differenza fil-piż tkun 10 mg jew inqas. Ħu nota tal-aħħar piż tal-flixkun.

Wettaq determinazzjonijiet doppji fuq il-kampjun tat-test.

3.   ESPRESSJONI TAR-RIŻULTATI

3.1.   Metodu ta’ kalkolu u formula

(a)

L-estratt imfisser bħala perċentwali bil-massa tal-prodott kif riċevut huwa daqs:

Formula

fejn:

S

=

il-perċentwali bil-massa ta’ estratt tal-prodott kif riċevut,

m0

=

il-massa, fi grammi, tal-porzjon tat-test,

m1

=

il-massa, fi grammi, tal-estratt wara li jinxef.

Ħu bħala riżultat il-medja aritmetika tad-determinazzjonijiet duplikati, sakemm il-kondizzjonijiet ta’ ripetibbiltà jiġu ssodisfati.

Agħti r-riżultat sa punt deċimali wieħed.

(b)

L-estratt hu espress skont il-materja niexfa bl-użu tal-formula:

Formula

fejn:

S

=

il-perċentwali tal-estratt permezz tal-prodott kif riċevut (ara l-punt (a)),

U

=

l-umdità u l-kontenut tal-materja volatili.

3.2.   Ripetibbiltà

Id-differenza bejn id-determinazzjonijiet duplikati mwettqa simultanjament jew f’suċċessjoni rapida mill-istess analista ma għandiex taqbeż iż-0,2 g ta’ estratt ta’ eżan għal kull 100 g ta’ kampjun.

Jekk din il-kondizzjoni ma tiġix issodisfata, irrepeti l-analiżi fuq żewġ porzjonijiet oħra tat-test. Jekk, anki f’dan il-każ, id-differenza taqbeż iż-0,2 g, ħu bħala riżultat il-medja aritmetika tal-erba’ determinazzjonijiet.


ANNESS V

Formola għar-rappurtar tar-riżultati tal-kontrolli tal-konformità msemmija fl-Artikolu 14 f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183

 

Tikkettar

Parametri kimiċi

Karatteristiċi organolettiċi  (4)

Konklużjoni finali

Kampjun

Kategorija

Pajjiż ta’ oriġini

Post tal-ispezzjoni  (1)

Isem ġuridiku

Post ta’ oriġini

Kundizzjonijiet tal-ħżin

Informazzjoni żbaljata

Leġġibbiltà

C/NC  (3)

Parametri lil hinn mil-limitu

Iva/Le

Jekk iva, indika liema  (2)

C/NC  (3)

Valur medjan tad-difett

Valur medjan tat-togħma tal-frott

C/NC  (3)

Azzjoni meħtieġa

Sanzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


(1)  Suq intern (tħin, ibbottiljar, l-istadju tal-bejgħ), esportazzjoni, importazzjoni.

(2)  Kull karatteristika taż-żejt taż-żebbuġa stabbilita fl-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2104 għandu jkollha kodiċi.

(3)  Konformi/mhux konformi.

(4)  Meħtieġa biss għaż-żjut taż-żebbuġa verġni skont it-tifsira tal-Parti VIII, il-punt 1, tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013