28.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2074

tal-20 ta’ Lulju 2022

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 139/2014, fir-rigward tad-definizzjoni ta’ SNOWTAM

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 39(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 (2) jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b’rabta mal-ajrudromi, inklużi dispożizzjonijiet li jindirizzaw ir-rappurtar tal-kundizzjonijiet tas-superfiċje tar-runway u l-oriġini ta’ avviż li jinnotifika l-preżenza jew it-tneħħija ta’ kundizzjonijiet perikolużi minħabba borra, silġ, silġ maħlul jew l-ilma qiegħed (SNOWTAM), bħala parti mill-format globali tar-rappurtar.

(2)

SNOWTAM jenħtieġ li joriġina taħt ċerti kundizzjonijiet, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Anness 15 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) u d-dispożizzjonijiet tal-Proċeduri għas-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru — Ġestjoni tal-Informazzjoni Ajrunawtika (PANS-AIM, Doc 10066), adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(3)

Id-definizzjoni ta’ SNOWTAM li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 139/2014 jenħtieġ li tiġi emendata biex tkun konformi ma’ dik tal-Anness 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u konsistenti ma’ dik ta’ atti legali oħra tal-Unjoni fil-qasam, bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 (3).

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 139/2014 jiġi emendat skont dan.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 75(2)(b)u (c) u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea ħejjiet u ppreżentat l-Opinjoni Nru 03/2022 (4) lill-Kummissjoni fir-rigward tal-abbozz tar-regoli ta’ implimentazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 139/2014, il-punt (41b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(41b)

‘SNOWTAM’ tfisser NOTAM ta’ serje speċjali mogħti f’format standard, li jipprovdi rapport dwar il-kundizzjoni tas-superfiċje li jinnotifika l-preżenza jew il-waqfien ta’ kundizzjonijiet perikolużi minħabba borra, silġ, silġ maħlul, ġlata, ilma qiegħed jew ilma assoċjati mal-borra, mas-silġ maħlul, mas-silġ, jew mal-ġlata fiż-żona tal-moviment;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 tat-12 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b’rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 44, 14.2.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta’ servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħrajn tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom, iħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377 u jemenda r-Regolament (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 62, 8.3.2017, p. 1).

(4)  https://www.easa.europa.eu/document-library/opinions