25.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/1


REGOLAMENT (UE) 2022/2036 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Ottubru 2022

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tat-trattament prudenzjali ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti bi strateġija ta’ riżoluzzjoni b’punti multipli ta’ dħul u metodi għas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli biex jissodisfaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ir-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) emendaw il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment permezz ta’ emendi għar- Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), rispettivament. Dawk l-emendi kienu neċessarji biex fl-Unjoni jiġi implimentat id-“Dokument dwar il-Kondizzjonijiet tal-Kapaċità Totali ta’ Assorbiment tat-Telf (TLAC)" internazzjonali, ippubblikat mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja fid-9 ta’ Novembru 2015 (l-“istandard TLAC”), għal banek globali sistemikament importanti, imsejħa fil-qafas tal-Unjoni bħala istituzzjonijiet dinjija ta’ importanza sistemika (G-SIIs - global systemically important institutions), u biex tittejjeb l-applikazzjoni tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) għall-banek kollha. Jenħtieġ li l-qafas rivedut tar-riżoluzzjoni bankarja tal-Unjoni jiżgura aħjar li l-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek iseħħu permezz ta’ mezzi privati meta dawn il-banek isiru finanzjarjament mhux vijabbli u, sussegwentement, jitqiegħdu f’riżoluzzjoni.

(2)

L-Artikolu 12a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jipprevedi li G-SIIs bi strateġija ta’ riżoluzzjoni li taħtha jistgħu jiġu riżolti aktar minn entità waħda fi grupp (“strateġija ta’ riżoluzzjoni b’punt ta’ dħul multipli” jew “strateġija ta’ riżoluzzjoni MPE” (multiple point of entry)) għandhom jikkalkulaw ir-rekwiżit tagħhom ibbażat fuq ir-riskju għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli fuq is-suppożizzjoni teoretika li entità waħda biss tal-grupp tiġi riżolta, bit-telf u l-ħtiġijiet ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ kwalunkwe sussidjarja ta’ dak il-grupp tiġi ttrasferita lill-entità ta’ riżoluzzjoni (“strateġija ta’ riżoluzzjoni b’punt uniku ta’ dħul” jew “strateġija ta’ riżoluzzjoni SPE” (single point of entry)). Rekwiżit simili huwa previst fl-Artikolu 45d(4) tad-Direttiva 2014/59/UE, rigward ir-rekwiżit addizzjonali għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli li jistgħu jiġu imposti mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu. F’konformità mal-istandard TLAC, jenħtieġ li dawk il-kalkoli jqisu l-entitajiet kollha ta’ pajjiżi terzi li huma parti minn G-SII li jkunu entitajiet ta’ riżoluzzjoni li kieku kienu stabbiliti fl-Unjoni.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 45h(2), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2014/59/UE, u f’konformità mal-istandard TLAC, is-somma tar-rekwiżiti attwali għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli ta’ G-SII bi strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE ma għandhiex tkun inqas mir-rekwiżit teoretiku ta’ dak il-grupp taħt strateġija ta’ riżoluzzjoni SPE. Sabiex id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġu allinjati ma’ dawk tad-Direttiva 2014/59/UE u sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni dejjem jaġixxu f’konformità ma’ dik id-Direttiva u jikkunsidraw kemm ir-rekwiżiti għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u kwalunkwe rekwiżit addizzjonali għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli determinati f’konformità mal-Artikolu 45d tad-Direttiva 2014/59/UE, l-Artikolu 12a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jenħtieġ li jiġi emendat u l-Artikolu 92a(3) ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jitħassar. Jenħtieġ li dan ma jipprevjenix lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni milli jikkonkludu li kwalunkwe aġġustament biex jimminimizza jew jelimina d-differenza bejn is-somma tar-rekwiżiti attwali għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli ta’ G-SII bi strateġija ta’ riżoluzzjoni MPE u r-rekwiżit teoretiku ta’ dak il-grupp taħt strateġija ta’ riżoluzzjoni SPE, meta tal-ewwel ikun ogħla minn tal-aħħar, ma jkunx xieraq jew ikun inkonsistenti mal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tal-G-SII. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-Artikolu 12a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 45h(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-kalkolu msemmi fl-Artikolu 45h(2) ta’ dik id-Direttiva jenħtieġ li jqis ukoll l-entitajiet kollha ta’ pajjiżi terzi li huma parti minn G-SII li jkunu entitajiet ta’ riżoluzzjoni li kieku kienu stabbiliti fl-Unjoni.

(4)

L-Artikolu 92b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistabbilixxi li r-rekwiżit għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli għal sussidjarji materjali ta’ G-SIIs mhux tal-UE li mhumiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni jista’ jiġi ssodisfat bi, fost oħrajn, strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli. Madankollu, il-kriterji għal strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 72b(2), il-punti (c), (k), (l) u (m), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jassumu li l-entità emittenti tkun entità ta’ riżoluzzjoni. Jenħtieġ li jiġi żgurat li dawk is-sussidjarji materjali jkunu jistgħu joħorġu strumenti ta’ dejn li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha, kif kien maħsub oriġinarjament.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 72e(4), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, huwa possibbli li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jippermettu li G-SII bi strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE tnaqqas ċerti holdings ta’ fondi proprji u strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli tas-sussidjarji tagħha li ma jappartjenux għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni billi jitnaqqas ammont aġġustat aktar baxx speċifikat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. L-Artikolu 72e(4), it-tieni subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament jeħtieġ li f’każijiet bħal dawn id-differenza bejn l-ammont aġġustat u l-ammont oriġinali titnaqqas mill-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni tas-sussidjarji kkonċernati. F’konformità mal-istandard TLAC, jenħtieġ li dan l-approċċ iqis ir-rekwiżiti bbażati fuq ir-riskju u mhux ibbażati fuq ir-riskju għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tas-sussidjarja kkonċernata. Barra minn hekk, jenħtieġ li dak l-approċċ ikun applikabbli għas-sussidjarji kollha ta’ pajjiżi terzi li huma parti minn dik il-G-SII, dment li dawk is-sussidjarji jkunu soġġetti għal reġim ta’ riżoluzzjoni li, skont l-awtorità ta’ riżoluzzjoni rilevanti fl-Unjoni, ikun legalment infurzabbli u jimplimenta standards miftiehma internazzjonalment, b’mod aktar speċifiku d-dokument “Key Attributes of Effective Resolution Regimes for Financial Institutions” tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, ippubblikat f’Ottubru 2011, u l-istandard TLAC.

(6)

Id-Direttiva (UE) 2019/879 emendat id-Direttiva 2014/59/UE sabiex jiġu introdotti regoli speċifiċi dwar issottoskrizzjoni indiretta tar-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern, jiġifieri fondi proprji u obbligazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 45f(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, fi ħdan gruppi ta’ riżoluzzjoni. Sabiex jiġu operazzjonalizzati dawk ir-regoli u biex jiġi żgurat li s-sottoskrizzjoni indiretta titwettaq b’mod li jkun prudenzjalment sod, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (EBA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), ingħatat mandat taħt l-Artikolu 45f(6) tad-Direttiva 2014/59/UE biex tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex jiġu speċifikati metodi għal tali sottoskrizzjoni indiretta tar-riżorsi eliġibbli. Madankollu, kif enfasizzat mill-EBA fl-ittra tagħha lill-Kummissjoni bid-data tal-25 ta’ Jannar 2021, kien hemm diversi inkonsistenzi bejn ir-rekwiżiti għad-delega stabbiliti fid-Direttiva 2014/59/UE u r-regoli prudenzjali eżistenti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, li ma ppermettewx l-applikazzjoni tat-trattament prudenzjali meħtieġ biex il-mandat jiġi ssodisfat kif kien maħsub oriġinarjament. B’mod aktar preċiż, l-EBA nnotat li r-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma kienx jippermetti t-tnaqqis tar-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern u, sussegwentement, għall-applikazzjoni ta’ piż tar-riskju xieraq fil-każijiet kollha rilevanti għall-mandat skont id-Direttiva 2014/59/UE. Ġew identifikati kwistjonijiet simili fil-qasam tar-rekwiżit tal-proporzjon ta’ lieva finanzjarja stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Fid-dawl ta’ dawk ir-restrizzjonijiet legali, il-metodi żviluppati mill-EBA jenħtieġ li jiġu inkorporati direttament fir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Konsegwentement, l-Artikolu 45f(6) tad-Direttiva 2014/59/UE jenħtieġ li jitħassar.

(7)

Fil-kuntest tas-sottoskrizzjoni indiretta tar-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern minn entitajiet ta’ riżoluzzjoni skont il-qafas rivedut ta’ riżoluzzjoni bankarja tal-Unjoni, jenħtieġ li l-entitajiet intermedji jkunu meħtieġa jnaqqsu l-holding sħiħa tar-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern maħruġa minn entitajiet li huma nfushom ma jkunux entitajiet ta’ riżoluzzjoni u li jappartjenu lill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni. Dak jiżgura l-funzjonament xieraq tal-mekkaniżmi interni ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni fi grupp u jevita l-għadd doppju tar-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern ta’ dawk l-entitajiet għall-finijiet ta’ konformità mill-entità intermedja mal-MREL intern tagħha stess. Mingħajr dak it-tnaqqis, l-implimentazzjoni xierqa tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni magħżula tista’ tiġi kompromessa billi l-entità intermedja tista’ tuża mhux biss il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u rikapitalizzazzjoni tagħha stess iżda anki dik ta’ entitajiet oħrajn li huma nfushom ma jkunux entitajiet ta’ riżoluzzjoni u li jappartjenu lill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni, qabel l-entità intermedja jew dawk l-entitajiet oħrajn ma jibqgħux vijabbli. Biex jiġi żgurat li l-obbligu tat-tnaqqis ikun allinjat mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-entitajiet li jistgħu jintużaw mill-entità ta’ riżoluzzjoni għas-sottoskrizzjoni indiretta tar-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern, u biex jiġi evitat arbitraġġ regolatorju, jenħtieġ li l-entitajiet intermedji jnaqqsu l-holdings tar-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern maħruġa mill-entitajiet kollha li jappartjenu lill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni u li jistgħu jkunu soġġetti għall-konformità mal-MREL intern, u mhux biss il-holdings ta’ riżorsi maħruġa mis-sussidjarji tagħhom. Jenħtieġ li l-istess obbligi japplikaw fil-każ ta’ ħruġ indirett ta’ riżorsi eliġibbli għall-konformità mar-rekwiżit għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli għal sussidjarji materjali ta’ G-SIIs mhux tal-UE stabbilit fl-Artikolu 92b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fejn rilevanti.

(8)

Biex jiġi żgurat li r-reġim tat-tnaqqis jibqa’ proporzjonat, jenħtieġ li l-entitajiet intermedji jkunu jistgħu jagħżlu t-taħlita ta’ strumenti, li tkun tikkonsisti f’fondi proprji jew obbligazzjonijiet eliġibbli, li bihom jiffinanzjaw l-akkwist tas-sjieda ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern. Dak jippermetti lill-entitajiet intermedji jevitaw kompletament kwalunkwe tnaqqis relatat mal-fondi proprji dment li jkunu ħarġu biżżejjed obbligazzjonijiet eliġibbli. Għalhekk jenħtieġ li t-tnaqqis l-ewwel jiġi applikat għall-elementi tal-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entitajiet intermedji. Meta l-entità intermedja tkun meħtieġa tikkonforma mal-MREL intern skont id-Direttiva 2014/59/UE fuq bażi individwali, jenħtieġ li t-tnaqqis jiġi applikat għall-obbligazzjonijiet eliġibbli li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 45f(2) ta’ dik id-Direttiva. F’każ li l-ammont li jrid jitnaqqas jaqbeż l-ammont tal-elementi tal-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entitajiet intermedji, jenħtieġ li l-ammont li jifdal jitnaqqas mill-elementi tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni kif ukoll mill-elementi tal-Grad 1 Addizzjonali u tal-Grad 2, iżda l-ewwel mill-elementi tal-Grad 2 f’konformità mal-Artikolu 66, il-punt (e), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. F’każ bħal dan, huwa neċessarju li t-tnaqqis li jikkorrispondi għall-ammont li jifdal jiġi applikat ukoll meta jiġu kkalkulati l-fondi proprji għall-finijiet tar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Inkella, il-proporzjonijiet ta’ solvenza ta’ entitajiet intermedji li jkunu ħarġu fondi proprji, aktar milli l-obbligazzjonijiet eliġibbli, biex jiffinanzjaw l-akkwist tas-sjieda ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern jistgħu jiġu ddikjarati b’mod eċċessiv. Barra minn hekk, billi t-trattament tal-holdings ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern jinżamm allinjat għal finijiet prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni, tiġi evitata żieda bla bżonn fil-kumplessità, peress li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jkomplu jikkalkulaw, jirrapportaw u jiddivulgaw sett wieħed ta’ ammont totali tal-iskopertura għar-riskju u kejl tal-iskopertura totali għal finijiet prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi emendat skont dan.

(9)

Biex tissaħħaħ aktar il-proporzjonalità tar-reġim ta’ tnaqqis, jenħtieġ li dak ir-reġim ma jkunx applikabbli fil-każijiet eċċezzjonali fejn, skont l-Artikolu 45f(1), it-tielet subparagrafu, u (4) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-MREL intern jiġi applikat fuq bażi konsolidata biss, fir-rigward tal-holdings ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern maħruġa minn entitajiet inklużi fil-perimetru ta’ konsolidazzjoni. Jenħtieġ li l-istess eċċezzjoni tapplika meta r-rekwiżit għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli għal sussidjarji materjali ta’ G-SIIs mhux tal-UE stabbilit fl-Artikolu 92b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi rispettat fuq bażi konsolidata, skont l-Artikolu 11(3a) ta’ dak ir-Regolament.

(10)

Jenħtieġ li s-sottoskrizzjoni indiretta ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern tiżgura li, meta sussidjarja tilħaq il-punt ta’ nonvijabbiltà, it-telf jiġi effettivament ittrasferit lill-entità ta’ riżoluzzjoni, u s-sussidjarja kkonċernata tiġi rikapitalizzata minnha. Għalhekk, jenħtieġ li dak it-telf ma jiġix assorbit mill-entità intermedja, li jenħtieġ li ssir sempliċi mezz li minnu dan it-telf jiġi ttrasferit lill-entità ta’ riżoluzzjoni. Konsegwentement, u biex jiġi żgurat li l-eżitu tas-sottoskrizzjoni indiretta jkun ekwivalenti għal dak ta’ sottoskrizzjoni diretta sħiħa, kif previst skont il-mandat stabbilit fl-Artikolu 45f(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju tal-entità intermedja, jenħtieġ li ma jiġux applikati piżijiet tar-riskju għall-iskoperturi mnaqqsa taħt ir-reġim il-ġdid ta’ tnaqqis li ser jiġi introdott fl-Artikolu 72e tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Bl-istess mod, jenħtieġ li dawk l-iskoperturi jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kejl tal-iskopertura totali tal-entità intermedja. It-trattament li jikkonsisti min-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-piżijiet tar-riskju u l-esklużjoni ta’ dawk l-iskoperturi mill-kejl tal-iskopertura totali jenħtieġ li jkun strettament limitat għal skoperturi li jitnaqqsu f’konformità mar-reġim il-ġdid ta’ tnaqqis li ser jiġi introdott fl-Artikolu 72e ta’ dak ir-Regolament għall-fini tal-operazzjonalizzazzjoni tal-approċċ ta’ sottoskrizzjoni indiretta ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern.

(11)

Il-mudelli għad-divulgazzjoni pubblika ta’ informazzjoni armonizzata dwar l-MREL u dwar ir-rekwiżit għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli għal sussidjarji materjali ta’ G-SIIs mhux tal-UE stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/763 (12) jenħtieġ li jiġu emendati biex jirriflettu r-reġim il-ġdid ta’ tnaqqis għar-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern. Jenħtieġ li l-formoli tad-divulgazzjoni jiġu emendati wkoll biex jinkludu l-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju u l-kejl tal-iskopertura totali li jkollhom l-entitajiet intermedji li kieku ma jeskludux l-iskoperturi mnaqqsa skont dak ir-reġim il-ġdid ta’ tnaqqis.

(12)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi armonizzat bis-sħiħ it-trattament prudenzjali tal-holdings minn entitajiet intermedjarji ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern ta’ entitajiet fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni u li jiġu riveduti b’mod immirat ir-rekwiżiti għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli għall-G-SIIs u għas-sussidjarji materjali mhux tal-UE ta’ G-SIIs, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-objettivi.

(13)

Sabiex jiġu vvalutati kif xieraq il-konsegwenzi potenzjali mhux intenzjonati tas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern, inkluż ir-reġim il-ġdid ta’ tnaqqis, u biex jiġi żgurat trattament proporzjonat u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn tipi differenti ta’ strutturi ta’ gruppi bankarji, speċjalment istituzzjonijiet li jkollhom kumpanija operattiva bejn il-kumpanija azzjonarja u s-sussidjarji tagħha, u għal entitajiet li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tagħhom jipprevedi li jiġu stralċjati bi proċedimenti ta’ insolvenza normali fil-każ ta’ falliment, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina l-implimentazzjoni tas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern mit-tipi differenti ta’ strutturi ta’ gruppi bankarji malajr kemm jista’ jkun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta kif xieraq soluzzjonijiet strutturali possibbli għal kwalunkwe kwistjoni identifikata bħat-tkabbir tal-possibbiltà għal entitajiet li mhumiex huma stess entitajiet ta’ riżoluzzjoni biex jikkonformaw mal-MREL tagħhom fuq bażi konsolidata. Jenħtieġ li l-proposta leġiżlattiva ta’ akkumpanjament li l-Kummissjoni tista’ tadotta tikkunsidra kif xieraq id-data tal-applikazzjoni tat-trattament iddedikat għas-sottoskrizzjoni indiretta tar-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern, sabiex dan ikun jista’ jiġi implimentat qabel ma l-Artikolu 72e(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 isir applikabbli. Proposta leġiżlattiva bħal din jenħtieġ li preferibbilment tkun waħda ddedikata.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ikollhom biżżejjed żmien biex jimplimentaw it-trattament iddedikat għas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern, inkluż ir-reġim il-ġdid ta’ tnaqqis, u li s-swieq ikunu jistgħu jassorbu l-ħruġ addizzjonali ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern, fejn meħtieġ, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu dak it-trattament isiru applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2024, skont l-iskadenza għall-konformità mal-MREL.

(15)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2014/59/UE jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(130a)

“awtorità rilevanti ta’ pajjiż terz” tfisser awtorità ta’ pajjiż terz kif definita fl-Artikolu 2(1), il-punt (90), tad-Direttiva 2014/59/UE;";

(2)

L-Artikolu 12a huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12a

Kalkolu kkonsolidat għal G-SIIs b’entitajiet ta’ riżoluzzjoni multipli

Meta mill-inqas żewġ entitajiet G-SII li huma parti mill-istess G-SII ikunu entitajiet ta’ riżoluzzjoni jew entitajiet ta’ pajjiżi terzi li jkunu entitajiet ta’ riżoluzzjoni li kieku kienu stabbiliti fl-Unjoni, l-istituzzjoni prinċipali tal-UE ta’ dik il-G-SII għandha tikkalkula l-ammont ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli msemmija fl-Artikolu 92a(1), il-punt (a):

(a)

għal kull entità ta’ riżoluzzjoni jew entità ta’ pajjiż terz li tkun entità ta’ riżoluzzjoni li kieku kienet stabbilita fl-Unjoni;

(b)

għall-istituzzjoni prinċipali tal-UE daqslikieku kienet l-unika entità ta’ riżoluzzjoni tal-G-SII.

Il-kalkolu msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jitwettaq fuq il-bażi tas-sitwazzjoni konsolidata tal-istituzzjoni prinċipali tal-UE.

L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom jaġixxu skont l-Artikolu 45d(4) u l-Artikolu 45h(2) tad-Direttiva 2014/59/UE.";

(3)

fl-Artikolu 49(2), jinżdied is-subparagrafu li ġej:

“Dan il-paragrafu ma għandux japplika fir-rigward tat-tnaqqis stabbilit fl-Artikolu 72e(5).”;

(4)

fl-Artikolu 72b(2), jinżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 92b, ir-referenzi għall-entità ta’ riżoluzzjoni fil-punti (c), (k), (l) u (m) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jinftiehmu wkoll bħala referenzi għal istituzzjoni li hija sussidjarja materjali ta’ G-SII mhux tal-UE.";

(5)

l-Artikolu 72e huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Meta istituzzjoni prinċipali tal-UE jew istituzzjoni prinċipali fi Stat Membru li hija soġġetta għall-Artikolu 92a jkollha holdings diretti, indiretti jew sintetiċi ta’ strumenti ta’ fondi proprji jew strumenti tal-obbligazzjonijiet eliġibbli ta’ sussidjarja waħda jew iktar li ma jappartjenux għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni bħal din l-istituzzjoni prinċipali, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ dik l-istituzzjoni prinċipali, wara li tqis debitament l-opinjoni tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jew l-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiż terz ta’ kwalunkwe sussidjarja kkonċernata, tista’ tippermetti lill-istituzzjoni prinċipali tnaqqas tali holdings billi tnaqqas ammont iktar baxx speċifikat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni prinċipali. Dak l-ammont aġġustat għandu jkun tal-inqas daqs l-ammont (m) ikkalkulat kif ġej:

 

mi = max{0; OPi + LPi – max{0; β · [Oi + Li – max{ri · aRWAi; wi · aLREi}]}}

fejn:

i

=

l-indiċi li juri s-sussidjarja;

OPi

=

l-ammont ta’ strumenti ta’ fondi proprji maħruġa mis-sussidjarja i u miżmuma mill-istituzzjoni prinċipali;

LPi

=

l-ammont ta’ strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġa mis-sussidjarja i u miżmuma mill-istituzzjoni prinċipali;

β

=

perċentwal ta’ strumenti ta’ fondi proprji u strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġa minn sussidjarja i u miżmuma mill-istituzzjoni prinċipali, ikkalkulat kif ġej:

Formula
;

Oi

=

l-ammont ta’ fondi proprji tas-sussidjarja i, mingħajr ma jittieħed kont tat-tnaqqis ikkalkolat skont dan il-paragrafu;

Li

=

l-ammont ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli tas-sussidjarja i, mingħajr ma jittieħed kont tat-tnaqqis ikkalkolat skont dan il-paragrafu;

ri

=

il-proporzjon applikabbli għas-sussidjarja i fil-livell tal-grupp ta’ riżoluzzjoni tagħha f’konformità mal-Artikolu 92a(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 45c(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva 2014/59/UE jew, għal sussidjarji ta’ pajjiżi terzi, rekwiżit ekwivalenti ta’ riżoluzzjoni applikabbli għas-sussidjarja i fil-pajjiż terz fejn ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha, sa fejn dak ir-rekwiżit jiġi ssodisfat bi strumenti li jitqiesu bħala fondi proprji jew obbligazzjonijiet eliġibbli skont dan ir-Regolament;

aRWAi

=

l-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju tal-entità G-SII i kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 92(3), b’kont meħud tal-aġġustamenti stabbiliti fl-Artikolu 12a jew, għal sussidjarji ta’ pajjiżi terzi, ikkalkulat skont ir-regolament lokali applikabbli;

wi

=

il-proporzjon applikabbli għas-sussidjarja i fil-livell tal-grupp ta’ riżoluzzjoni tagħha f’konformità mal-Artikolu 92a(1), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament u tal-Artikolu 45c(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tad-Direttiva 2014/59/UE jew, għal sussidjarji ta’ pajjiżi terzi, rekwiżit ta’ riżoluzzjoni ekwivalenti applikabbli għas-sussidjarja i fil-pajjiż terz fejn ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha, sa fejn dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfat bi strumenti li jitqiesu bħala fondi proprji jew obbligazzjonijiet eliġibbli skont dan ir-Regolament;

aLREi

=

il-kejl tal-iskopertura totali tal-entità G-SII i kkalkulat skont l-Artikolu 429(4) jew, għal sussidjarji ta’ pajjiżi terzi, ikkalkulat f’konformità mar-regolamenti nazzjonali applikabbli.

Meta l-istituzzjoni prinċipali titħalla tnaqqas l-ammont aġġustat skont l-ewwel subparagrafu, id-differenza bejn l-ammont ta’ holdings ta’ strumenti ta’ fondi proprji u ta’ strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli msemmija fl-ewwel subparagrafu u dan l-ammont aġġustat għandu jitnaqqas mis-sussidjarja.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-istituzzjonijiet u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b), (c) u (d), tad-Direttiva 2014/59/UE għandhom inaqqsu mill-elementi tal-obbligazzjonijiet eliġibbli l-holdings tagħhom ta’ strumenti ta’ fondi proprji u ta’ strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-istrumenti ta’ fondi proprji u l-istrumenti tal-obbligazzjonijiet eliġibbli jkunu miżmuma minn istituzzjoni jew entità li ma tkunx hija stess entità ta’ riżoluzzjoni iżda li tkun sussidjarja ta’ entità ta’ riżoluzzjoni jew ta’ entità ta’ pajjiż terz li tkun entità ta’ riżoluzzjoni li kieku kienet stabbilita fl-Unjoni;

(b)

l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (a) tkun meħtieġa tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 92b ta’ dan ir-Regolament jew fl-Artikolu 45f tad-Direttiva 2014/59/UE;

(c)

l-istrumenti ta’ fondi proprji u l-istrumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli miżmuma mill-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (a) jkunu nħarġu minn istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 92b(1) ta’ dan ir-Regolament jew fl-Artikolu 45f(1) tad-Direttiva 2014/59/UE li ma tkunx hija stess entità ta’ riżoluzzjoni u li tkun tappartjeni għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni bħall-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (a).

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-holdings ta’ strumenti ta’ fondi proprji u strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli ma għandhomx jitnaqqsu meta l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tkun obbligata tikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu fuq bażi konsolidata u l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tkun inkluża fil-konsolidazzjoni tal-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Parti Wieħed, Titolu II, Kapitolu 2.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, ir-referenza għal elementi ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli għandha tinftiehem bħala referenza għal kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

elementi ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli kkunsidrati għall-finijiet ta’ konformità mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 92b;

(b)

obbligazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 45f(2), il-punt (a), tad-Direttiva 2014/59/UE.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, ir-referenza għal strumenti ta’ fondi proprji u strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli għandha tinftiehem bħala referenza għal kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

strumenti ta’ fondi proprji u strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 92b(2) u (3);

(b)

fondi proprji u obbligazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 45f(2) tad-Direttiva 2014/59/UE.";

(6)

fl-Artikolu 92a, jitħassar il-paragrafu 3;

(7)

fl-Artikolu 113, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Biex jiġu kkalkulati l-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju, il-piżijiet tar-riskju għandhom jiġu applikati għall-iskoperturi kollha, sakemm dawk l-iskoperturi ma jitnaqqsux mill-fondi proprji jew huma soġġetti għat-trattament stabbilit fl-Artikolu 72e(5), l-ewwel subparagrafu, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2. L-applikazzjoni tal-piżijiet tar-riskju għandha tkun ibbażata fuq il-klassi ta’ skopertura li fiha tkun assenjata l-iskopertura u, sal-limitu speċifikat fit-Taqsima 2, il-kwalità kreditizja tagħha. Il-kwalità kreditizja tista’ tiġi stabbilita b’referenza għall-valutazzjonijiet tal-kreditu tal-ECAIs (External Credit Assessment Institutions) jew għall-valutazzjonijiet tal-kreditu ta’ aġenziji dwar krediti għall-esportazzjoni f’konformità mat-Taqsima 3.";

(8)

fl-Artikolu 151, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammonti tal-iskopertura ponderati għar-riskju għal riskju ta’ kreditu għal skoperturi li jappartjenu għal waħda mill-klassijiet ta’ skopertura msemmija fl-Artikolu 147(2), il-punti (a) sa (e) u l-punt (g), għandhom, sakemm dawk l-iskoperturi ma jitnaqqsux mill-fondi proprji jew huma soġġetti għat-trattament stabbilit fl-Artikolu 72e(5), l-ewwel subparagrafu, jiġu kkalkulati f’konformità mas-Subtaqsima 2.";

(9)

fl-Artikolu 429a(1), jinżdied il-punt li ġej:

“(q)

l-iskoperturi li huma soġġetti għat-trattament stabbilit fl-Artikolu 72e(5), l-ewwel subparagrafu.";

(10)

fil-Parti Għaxra, Titolu I, Kapitolu 1, Taqsima 3, tinżdied is-subtaqsima li ġejja:

“Subtaqsima 3a

Tnaqqis minn elementi ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli

Artikolu 477a

Tnaqqis minn elementi ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli

1.   B’deroga mill-Artikolu 72e(4) u sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni prinċipali, wara li tqis debitament l-opinjoni tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jew tal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiż terz ta’ kwalunkwe sussidjarja kkonċernata, tista’ tippermetti li l-ammont aġġustat mi jiġi kkalkulat bl-użu tad-definizzjoni li ġejja ta’ ri, u wi:

ri

=

ir-rekwiżit kapitali totali bbażat fuq ir-riskju applikabbli għas-sussidjarja i fil-pajjiż terz fejn ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha, sa fejn dak ir-rekwiżit jiġi ssodisfat bi strumenti li jitqiesu bħala fondi proprji skont dan ir-Regolament;

wi

=

ir-rekwiżit kapitali totali tal-Grad 1 mhux ibbażat fuq ir-riskju applikabbli għas-sussidjarja i fil-pajjiż terz fejn ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha, sa fejn dak ir-rekwiżit jiġi ssodisfat bi strumenti li jitqiesu bħala kapital tal-Grad 1 skont dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tagħti l-permess imsemmi fil-paragrafu 1 meta s-sussidjarja tkun stabbilita f’pajjiż terz li jkun għad ma għandux fis-seħħ reġim ta’ riżoluzzjoni lokali applikabbli jekk tiġi ssodisfata mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ma jkunx hemm impediment materjali prattiku jew legali attwali jew previst għat-trasferiment minnufih ta’ assi mingħand is-sussidjarja għal għand l-istituzzjoni prinċipali;

(b)

l-awtorità rilevanti tal-pajjiż terz tas-sussidjarja tkun tat opinjoni lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjoni prinċipali li assi ugwali għall-ammont li għandu jitnaqqas mis-sussidjarja skont l-Artikolu 72e(4), it-tieni subparagrafu, jistgħu jiġu ttrasferiti mingħand is-sussidjarja għal għand l-istituzzjoni prinċipali.".

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2014/59/UE

Id-Direttiva 2014/59/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 45d, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Għall-finijiet tal-Artikolu 45h(2), fejn aktar minn entità ta’ G-SII waħda li hija parti mill-istess G-SII tkun entità ta’ riżoluzzjoni jew entità ta’ pajjiż terz li tkun entità ta’ riżoluzzjoni li kieku kienet stabbilita fl-Unjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni rilevanti għandhom jikkalkolaw l-ammont imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu:

(a)

għal kull entità ta’ riżoluzzjoni jew entità ta’ pajjiż terz li tkun entità ta’ riżoluzzjoni li kieku kienet stabbilita fl-Unjoni;

(b)

għall-impriżi prinċipali tal-Unjoni bħal li kieku kienet l-unika entità ta’ riżoluzzjoni tal-G-SII.";

(2)

fl-Artikolu 45f, jitħassar il-paragrafu 6;

(3)

fl-Artikolu 45h, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fejn aktar minn entità G-SII waħda li hija parti mill-istess G-SII tkun entità ta’ riżoluzzjoni jew entità ta’ pajjiż terz li tkun entità ta’ riżoluzzjoni li kieku kienet stabbilita fl-Unjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiddiskutu u, fejn ikun il-każ u b’mod konsistenti mal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tal-G-SII, jaqblu dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 72e tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u kwalunkwe aġġustament biex tkun minimizzata jew eliminata d-differenza bejn it-total tal-ammonti msemmija tal-Artikolu 45d(4), il-punt (a), ta’ din id-Direttiva u l-Artikolu 12a, il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal entitajiet ta’ riżoluzzjoni individwali jew għal entitajiet ta’ pajjiżi terzi u t-total tal-ammonti msemmija fl-Artikolu 45d(4), il-punt (b), ta’ din id-Direttiva u l-Artikolu 12a, il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Tali aġġustament jista’ jiġi applikat soġġett għas-segwenti:

(a)

l-aġġustament jista’ jiġi applikat fir-rigward tad-differenzi fil-kalkolu tal-ammonti totali tal-iskopertura għar-riskju bejn l-Istati Membri jew il-pajjiżi terzi rilevanti billi jiġi aġġustat il-livell tar-rekwiżit;

(b)

l-aġġustament ma għandux jiġi applikat biex ikunu eliminati d-differenzi li jirriżultaw mill-iskoperturi bejn il-gruppi ta’ riżoluzzjoni.

It-total tal-ammonti msemmija fl-Artikolu 45d(4), il-punt (a), ta’ din id-Direttiva u l-Artikolu 12a, il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal entitajiet ta’ riżoluzzjoni individwali jew entitajiet ta’ pajjiżi terzi li jkunu entitajiet ta’ riżoluzzjoni li kieku kienu stabbiliti fl-Unjoni ma għandux ikun iktar baxx mit-total tal-ammonti msemmija fl-Artikolu 45d(4), il-punt (b), ta’ din id-Direttiva u l-Artikolu 12a, il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.";

(4)

fl-Artikolu 129, jinżdied il-paragrafu li ġej:

“Sal-31 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-impatt tas-sottoskrizzjoni indiretta tal-istrumenti eliġibbli biex jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli bil-kondizzjonijiet ekwivalenti bejn it-tipi differenti ta’ strutturi ta’ gruppi bankarji, inkluż fejn il-gruppi jkollhom kumpanija li topera bejn il-kumpanija azzjonarja identifikata bħala entità ta’ riżoluzzjoni u s-sussidjarji tagħha. Hija għandha tivvaluta b’mod partikolari dan li ġej:

(a)

il-possibbiltà li l-entitajiet li huma stess mhumiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni jitħallew jikkonformaw mar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli fuq bażi konsolidata;

(b)

it-trattament, skont ir-regoli li jirregolaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, ta’ entitajiet li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tagħhom jipprevedi li dawn għandhom jiġu stralċjati skont proċedimenti normali ta’ insolvenza;

(c)

l-adegwatezza tal-limitazzjoni tal-ammont ta’ tnaqqis meħtieġ skont l-Artikolu 72e(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport dwar dan quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Fejn xieraq, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva, filwaqt li titqies id-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 72e(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.".

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-konformità mal-Artikolu 2, il-punti (1) u (3), sal-15 ta’ Novembru 2023. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal dan ir-Regolament jew jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert mill-Artikolu 2, il-punti (1) u (3), ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-14 ta’ Novembru 2022.

Madankollu, l-Artikolu 1, il-punt (3), il-punt (5)(b), u l-punti (7), (8) u (9) għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  ĠU C 122, 17.3.2022, p. 33.

(2)  ĠU C 152, 6.4.2022, p. 111.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Settembru 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2022.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rapportar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 226).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment u d-Direttiva 98/26/KE (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 296).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(11)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(12)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/763 tat-23 ta’ April 2021 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar superviżorju u d-divulgazzjoni pubblika tar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli (ĠU L 168, 12.5.2021, p. 1).