21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 273/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1988

tat-12 ta’ Lulju 2022

li jestendi l-perjodu ta’ tranżizzjoni biex ikompli għaddej l-għoti tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv f’konformità mal-liġi nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 48(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jkunu ġew awtorizzati skont il-liġi nazzjonali qabel il-10 ta’ Novembru 2021 jistgħu jkomplu joffru s-servizzi ta’ finanzjament kollettiv f’konformità ma’ dik il-liġi nazzjonali sal-10 ta’ Novembru 2022. Dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni ġie introdott biex l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li diġà joperaw jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw l-attivitajiet kummerċjali tagħhom għar-reġim legali l-ġdid u biex ikollhom biżżejjed żmien biex japplikaw għal awtorizzazzjoni skont dan, u biex l-awtoritajiet kompetenti jiġbru biżżejjed informazzjoni u riżorsi biex jiżguraw tranżizzjoni li ma tfixkilx is-suq.

(2)

L-Artikolu 48(3) tar-Regolament (UE) 2020/1503 jirrikjedi li l-Kummissjoni tivvaluta l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1503 għall-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jipprovdu servizzi ta’ finanzjament kollettiv fuq bażi nazzjonali biss u l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-iżvilupp tas-swieq nazzjonali tal-finanzjament kollettiv u fuq l-aċċess għall-finanzi. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni l-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 48(1) ta’ dan ir-Regolament darba, b’perjodu ta’ 12-il xahar.

(3)

Il-Kummissjoni kkonkludiet, wara l-valutazzjoni tagħha fejn qieset il-parir tekniku mħejji mill-ESMA li wasal fid-19 ta’ Mejju 2022, li l-estensjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni bi 12-il xahar hija meħtieġa biex jiġi evitat tfixkil fis-swieq nazzjonali l-kbar tal-finanzjament kollettiv. It-tfixkil jiġi kkawżat min-nuqqas ta’ kapaċità ta’ ċerti awtoritajiet kompetenti biex ilestu l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni sal-10 ta’ Novembru 2022 u mill-inabbiltà tal-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv li joperaw fl-ambitu tal-liġi nazzjonali biex jadattaw ruħhom għal qafas aktar komprensiv fil-ħin.

(4)

Minħabba r-riskju għoli ta’ tfixkil fis-suq, huwa għalhekk xieraq li l-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503 jiġi estiż bi 12-il xahar, sal-10 ta’ Novembru 2023, biex il-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv li joperaw fl-ambitu tal-liġi nazzjonali u l-awtoritajiet kompetenti jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw ruħhom għar-reġim il-ġdid.

(5)

Sabiex il-perjodu ta’ tranżizzjoni eżistenti jiġi estiż qabel l-iskadenza tiegħu jew malajr kemm jista’ jkun wara l-iskadenza tiegħu, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jkun applikabbli sa mhux aktar tard mill-11 ta’ Novembru 2022.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503 huwa estiż sal-10 ta’ Novembru 2023.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-11 ta’ Novembru 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1.