18.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 270/4 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1959
tat-13 ta’ Lulju 2022
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu mudell kuntrattwali għall-kuntratti ta’ likwidità għall-ishma ta’ emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (ir-Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(13), it-tielet subparagrafu tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 13(12) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jipprevedi li l-emittenti ta’ strumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs jistgħu jidħlu f’kuntratt ta’ likwidità għall-ishma tagħhom meta dawn il-kuntratti jikkonformaw ma’, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ prattiki tas-suq aċċettati stipulati fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-Regolament. Dawn il-kundizzjonijiet jiżguraw li l-kuntratti ta’ likwidità jistabbilixxu livell għoli ta’ salvagwardji għall-operat tal-forzi tas-suq u għall-interazzjoni xierqa tal-forzi tal-provvista u d-domanda, li jkollhom impatt pożittiv fuq il-likwidità u l-effiċjenza tas-suq u ma joħolqux riskji għall-integrità tas-swieq relatati. Il-mudell kuntrattwali għall-kuntratti ta’ likwidità pprovdut fih, li għandu l-għan li jiżgura l-konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet, jistabbilixxi l-elementi minimi li għandu jkun fih kuntratt ta’ likwidità, inkluż fir-rigward tat-trasparenza għas-suq u l-prestazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-likwidità. Il-partijiet huma liberi li jdaħħlu klawżoli addizzjonali biex jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tal-każ individwali, skont il-libertà kuntrattwali tagħhom. |
(2) |
Ir-riżorsi ta’ emittent ta’ strumenti finanzjarji li huma ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs u li huma allokati għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ likwidità għall-ishma ta’ dan l-emittent jenħtieġ li jkunu immedjatament identifikabbli. Għaldaqstant il-kuntratt ta’ likwidità jenħtieġ li jipprevedi l-ftuħ ta’ kont ta’ likwidità apposta. Tali kont ta’ likwidità apposta huwa meħtieġ biex tiġi mmonitorjata l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ likwidità u biex jiġi żgurat li n-negozjar imwettaq għall-finijiet tal-kuntratt ta’ likwidità jkun separat minn attivitajiet oħra ta’ negozjar imwettqa mill-fornitur tal-likwidità, u b’hekk jiġi minimizzat r-riskju tal-kunflitti ta’ interess. Dan il-kont ta’ likwidità jenħtieġ li jingħata ammont ta’ riżorsi fi flus u f’ishma li jenħtieġ li jiġu speċifikati fil-kuntratt ta’ likwidità. L-uniku skop ta’ dawn ir-riżorsi jenħtieġ li jkun l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ likwidità. |
(3) |
Ir-riżorsi allokati għall-kuntratt ta’ likwidità (il-“limiti tar-riżorsi”) għandhom ikunu proporzjonali għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. Għall-istess raġuni, in-negozjar mill-fornitur tal-likwidità jenħtieġ li jkun soġġett għal limiti ta’ prezz u volum, li, flimkien mal-limiti tar-riżorsi, jimminimizzaw ir-riskju li l-provvista ta’ likwidità tirriżulta f’bidliet artifiċjali fil-prezz tal-ishma u, fl-istess ħin, tippromwovi negozjar regolari tal-ishma illikwidi. |
(4) |
Skont prattiki tas-suq preċedenti aċċettati dwar il-kuntratti ta’ likwidità, l-awtoritajiet kompetenti analizzaw il-fatturat medju tan-negozjar tal-ishma elenkati fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Din l-analiżi wriet li l-limiti tar-riżorsi jenħtieġ li jiddependu fuq il-profil tal-likwidità tal-ishma kkonċernati (likwidi vs mhux likwidi) u jieħdu inkonsiderazzjoni l-attività tan-negozjar li sseħħ fis-suq ikkonċernat. Abbażi ta’ din l-analiżi, huwa xieraq li l-kuntratt ta’ likwidità jipprevedi l-limiti tar-riżorsi li jkunu stabbiliti bħala perċentwal tal-fatturat medju ta’ kuljum għas-sehem ikkonċernat, b’tali perċentwal jkun kkalibrat abbażi tal-profil tal-likwidità tas-sehem u jiġi limitat sabiex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv mill-kuntratt ta’ likwidità fuq l-integrità tas-suq u fuq il-funzjonament ordnat tas-suq. Sabiex ikun hemm provvediment effettiv ta’ likwidità fejn il-fatturat medju ta’ kuljum ikun baxx, jenħtieġ li japplika limitu uniku għar-riżorsi tal-kuntratt ta’ likwidità. |
(5) |
Il-limiti tal-prezzijiet għandhom jiżguraw li l-attività ta’ negozjar tal-fornitur tal-likwidità mwettqa fil-qafas tal-kuntratt ta’ likwidità ma twassalx għal bidliet artifiċjali fil-prezzijiet tal-ishma meta jkun hemm interess kummerċjali indipendenti disponibbli. |
(6) |
Il-limiti tal-volum għandhom jiżguraw li n-negozji mwettqa mill-fornitur tal-likwidità ma jaqbżux il-perċentwal massimu tal-fatturat medju ta’ kuljum għal ishma illikwidi u likwidi. Huwa xieraq li l-kalkolu ta’ tali fatturat medju ta’ kuljum ikun ibbażat fuq l-20 jum ta’ negozjar li jippreċedu l-jum ta’ negozjar. Dan il-kalkolu jirrappreżenta b’mod xieraq in-negozjar fis-sehem ikkonċernat, minħabba li jipprovdi stampa fuq terminu medju, u jassorbi l-effett tan-negozjar massimu fuq sessjoni waħda jew xi sessjonijiet ta’ negozjar. |
(7) |
Sabiex jitnaqqsu r-riskji tal-abbuż tas-suq, f’ċirkostanzi normali tas-suq, il-kuntratt ta’ likwidità għandu jipprevedi li l-fornitur tal-likwidità jdaħħal ordnijiet għan-negozjar fuq iż-żewġ naħat tal-ktieb tal-ordnijiet, ħlief f’każijiet eċċezzjonali li jimpedixxu l-funzjonament normali tas-suq. Għall-istess raġuni, l-ordnijiet li huma ta’ skala kbira u t-tranżazzjonijiet innegozjati jenħtieġ li jkunu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt ta’ likwidità, dment li jiġu ssodisfati ċerti kondizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ dawn l-ordnijiet u li dawn in-negozji jseħħu f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali. Tali sitwazzjonijiet eċċezzjonali jistgħu jseħħu meta, f’mument speċifiku, il-proporzjon bejn ir-riżorsi fi flus u l-ishma disponibbli għall-fornitur tal-likwidità ma jkunx jippermetti li dan tal-aħħar jipprovdi likwidità skont il-kuntratt. |
(8) |
Il-kuntratt ta’ likwidità jenħtieġ li jobbliga lill-fornitur tal-likwidità biex iwettaq il-kuntratt ta’ likwidità tiegħu indipendentement mill-emittent tas-sehem ikkonċernat u mid-deċiżjonijiet ta’ negozjar ta’ postijiet tan-negozjar, gruppi jew unitajiet oħra fi ħdan il-fornitur tal-likwidità, li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ negozjar fuq dak is-sehem jew fuq strumenti finanzjarji li l-prezz jew il-valur tagħhom jiddependi jew ikollu effett fuq il-prezz jew il-valur tas-sehem ikkonċernat. Tali indipendenza tal-fornitur tal-likwidità hija meħtieġa biex jiġu evitati r-riskji għall-integrità tas-suq. |
(9) |
Sabiex jiġi evitat kull riskju għall-integrità u l-funzjonament ordnat tas-suq tat-tkabbir tal-SMEs ikkonċernat, ir-remunerazzjoni varjabbli tal-fornitur tal-likwidità jenħtieġ li tkun limitata. Barra minn hekk, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, jenħtieġ li tali limiti japplikaw b’mod konsistenti għall-kuntratti ta’ likwidità kollha li jsiru mill-emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs. Madankollu, il-limiti massimi għall-parti varjabbli tar-remunerazzjoni jenħtieġ li jkunu ffissati b’perċentwal raġonevoli tar-remunerazzjoni totali, biex ikunu ta’ inċentiv għall-fornitur tal-likwidità biex jeżegwixxi l-kuntratt b’mod xieraq, mingħajr ma jkunu tant sostanzjali li jinċentivaw imġiba li tista’ toħloq riskju għall-integrità u l-funzjonament ordnat tas-suq ikkonċernat. |
(10) |
It-trasparenza fir-rigward tal-kuntratti ta’ likwidità tiżgura l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-investituri. Sabiex parteċipanti oħra tas-suq ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata dwar l-ishma soġġetti għall-kuntratt ta’ likwidità, il-kuntratt ta’ likwidità jenħtieġ li jipprevedi obbligi ta’ trasparenza li jkopru l-istadji varji tal-forniment ta’ likwidità, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-kuntratt ta’ likwidità, kemm idum fis-seħħ u wara t-terminazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tiġi identifikata parti waħda li se tkun inkarigata mill-obbligi ta’ trasparenza. Sabiex ikun aktar faċli għall-pubbliku li jiġbor informazzjoni dwar l-ishma kkonċernati, din il-parti jenħtieġ li tkun l-emittent, u dan jenħtieġ li jippubblika l-informazzjoni rilevanti fuq is-sit web tiegħu. |
(11) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq. |
(12) |
L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Mudell għall-kuntratt ta’ likwidità
Għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ likwidità kif imsemmi fl-Artikolu 13(12) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-emittenti ta’ strumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs wieħed jew aktar għandhom jużaw il-mudell stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
ANNESS
Mudell għal kuntratt ta’ likwidità
KUNTRATT TA’ LIKWIDITÀ
Dan il-kuntratt ta’ likwidità (il-“ kuntratt ”) sar fi [data]
bejn
[isem il-kumpanija],
kumpanija b’kapital tal-ishma ta’ […] [EUR/munita nazzjonali], li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi [indirizz], mdaħħla fir-reġistru tal-kumpaniji ta’ [belt/pajjiz] bin-numru […], irrappreżentata minn […],
(“ emittent ”)
kif ukoll
[l-isem tal-kumpanija], kumpanija b’kapital tal-ishma ta’ […] [EUR/munita nazzjonali], li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi [indirizz], awtorizzata mill-[awtorità kompetenti nazzjonali], in-numru ta’ referenza […] u mdaħħla fir-reġistru tal-kumpaniji ta’ [belt/pajjiż] bin-numru […], irrappreżentata minn […],
(“ fornitur tal-likwidità ”)
(minn hawn ’il quddiem konġuntement imsejħin il-“ partijiet ”)
Il-Partijiet qegħdin jiftiehmu kif ġej:
1. DEFINIZZJONIJIET
F’dan il-kuntratt [u fl-emendi kollha tiegħu], il-kliem u l-espressjonijiet li ġejjin għandu jkollhom it-tifsiriet li ġejjin:
(a) |
“suq” tfisser is-Suq tat-Tkabbir tal-SMEs li fih l-ishma tal-emittent huma ammessi għall-elenkar u n-negozjar u li fih jiġi eżegwit il-kuntratt, jiġifieri [l-isem tas-Suq/Swieq tat-Tkabbir tal-SMEs]; |
(b) |
“ishma” tfisser il-kapital azzjonarju tal-emittent ta’ [EUR/munita nazzjonali], […], ammess għall-elenkar u għan-negozjar fis-suq u maqsum f’[…] ishma b’valur pari ta’ […] bl-ISIN(s) li ġej(jin): […]; |
(c) |
“kont tal-likwidità”: kont apposta [numru …] miftuħ mill-fornitur tal-likwidità f’isem l-emittent; |
(d) |
“fatturat medju ta’ kuljum” tfisser il-fatturat totali tal-ishma rilevanti diviż b’20 fejn il-fatturat totali tal-ishma kkonċernati għandu jiġi kkalkulat billi jingħaddu flimkien ir-riżultati tal-multiplikazzjoni, għal kull tranżazzjoni mwettqa matul l-20 jum ta’ negozjar preċedenti fis-suq tat-tkabbir tal-SMEs ikkonċernat, l-għadd ta’ ishma skambjati bejn ix-xerrejja u l-bejjiegħa bil-prezz unitarju applikabbli għal tali tranżazzjoni; |
(e) |
“ishma likwidi” tfisser ishma li għandhom suq likwidu kif imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/567 (1). |
(f) |
“ishma illikwidi” tfisser ishma li ma għandhomx suq likwidu skont l-Artikoli 1 u 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/567; |
2. OBBLIGI TAL-FORNITUR TAL-LIKWIDITÀ
2.1. Awtorizzazzjoni
Il-fornitur tal-likwidità, b’dan, jirrappreżenta u jiggarantixxi li l-emittent huwa debitament awtorizzat mill-[awtorità kompetenti nazzjonali] biex iwettaq l-attività ta’ [servizz finanzjarju] u li huwa membru rreġistrat tas-suq. Il-fornitur tal-likwidità jintrabat li jżomm l-awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti u s-sħubija fis-suq għat-tul kollu tal-kuntratt.
[Obbligi addizzjonali]
2.2. Indipendenza tal-fornitur tal-likwidità
2.2.1. |
Il-fornitur tal-likwidità għandu, fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, jaġixxi indipendentement mill-emittent. |
2.2.2. |
Il-fornitur tal-likwidità għandu jkollu fis-seħħ miżuri biex jiżgura li d-deċiżjonijiet ta’ negozjar relatati ma’ dan il-kuntratt jibqgħu indipendenti mid-deċiżjonijiet ta’ negozjar ta’ postijiet, gruppi jew unitajiet oħra ta’ negozjar li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tal-likwidità, involuti f’attivitajiet ta’ negozjar fuq ishma jew fuq strumenti finanzjarji li l-prezz jew il-valur tagħhom jiddependi jew ikollu effett fuq il-prezz jew il-valur tal-ishma taħt il-mandat tal-fornitur tal-likwidità skont dan il-kuntratt, inklużi ordnijiet għal negozjar li jaslu mingħand klijenti, mill-maniġment tal-portafolji jew ordnijiet magħmula f’ismu stess. |
2.2.3. |
Il-fornitur tal-likwidità għandu jżomm struttura u kontrolli interni xierqa li jiżguraw l-indipendenza tal-persunal tiegħu inkarigat min-negozjar skont dan il-kuntratt minn postijiet, gruppi jew unitajiet oħra tan-negozjar involuti f’attivitajiet ta’ negozjar imwettqa mill-fornitur tal-likwidità. |
2.3. Kunflitti ta’ interess
Il-fornitur tal-likwidità għandu jkollu fis-seħħ miżuri xierqa biex jipprevjeni u jiġġestixxi kunflitti ta’ interess li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.
2.4. Il-kont tal-likwidità
2.4.1. |
Il-fornitur tal-likwidità għandu jiftaħ kont tal-likwidità b’riżorsi fi flus u/jew ishma allokati mill-emittent għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ likwidità. |
2.4.2. |
Il-fornitur tal-likwidità għandu jirreġistra t-tranżazzjonijiet kollha mwettqa skont dan il-kuntratt, u dawk it-tranżazzjonijiet biss fil-kont tal-likwidità. |
2.4.3. |
Il-fornitur tal-likwidità għandu juża r-riżorsi allokati għall-kont tal-likwidità esklussivament għall-fini tal-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu skont dan il-kuntratt ta’ likwidità. |
2.4.4. |
Il-fornitur tal-likwidità ma għandux il-faċilità ta’ overdraft mill-kont tal-likwidità, la fir-rigward ta’ flus u lanqas ta’ ishma, u għandu jiżgura li dawn ir-riżorsi jkunu konformi mal-limiti msemmija fil-punt 3.3 tat-tieni paragrafu. |
2.4.5. |
Il-fornitur tal-likwidità għandu jagħlaq il-kont tal-likwidità meta l-kuntratt ikun skada jew ġie terminat, wara li jkun ittrasferixxa immedjatament il-flus jew l-ishma kollha miżmuma fil-kont ta’ likwidità lejn il-kont(ijiet) magħżul(in) mill-emittent. |
2.5. Ordnijiet għax-xiri u l-bejgħ
2.5.1. |
Il-fornitur tal-likwidità jimpenja ruħu li jdaħħal l-ordnijiet biex jixtri u jbigħ l-ishma fis-suq bl-uniku għan li jtejjeb il-likwidità tagħhom u jtejjeb ir-regolarità tan-negozjar f’dawn l-ishma, jew biex jevita bidliet fil-prezzijiet li mhumiex ġustifikati mix-xejra attwali tas-suq. Il-fornitur tal-likwidità għandu jdaħħal l-ordnijiet għan-negozjar fuq iż-żewġ naħat tar-reġistru tal-ordnijiet. |
2.5.2. |
Il-fornitur tal-likwidità jimpenja ruħu li ma jdaħħalx ordnijiet li permezz tagħhom jitqarrqu partijiet terzi. |
2.5.3. |
Il-fornitur tal-likwidità jimpenja ruħu li ma jbiddilx il-prezzijiet fis-suq fejn ikun hemm interess ta’ negozjar minn postijiet, gruppi jew unitajiet ta’ negozjar indipendenti involuti f’attivitajiet ta’ negozjar oħra tal-fornitur tal-likwidità, jew minn partijiet terzi indipendenti. Għal ordnijiet ta’ xiri, il-fornitur tal-likwidità jimpenja ruħu li jagħmel ordnijiet relatati mal-ishma li huma bi prezz li ma jaqbiżx l-ogħla ordni ta’ offerta indipendenti fir-reġistru jew fl-aħħar negozjar indipendenti, skont liema minnhom ikun l-ogħla. Għal ordnijiet ta’ bejgħ, il-fornitur tal-likwidità jimpenja ruħu li jagħmel ordnijiet relatati mal-ishma li jkunu bi prezz li ma jkunx inqas mill-ordni ta’ rikjesta indipendenti l-aktar baxxa fir-reġistru jew fl-aħħar negozjar indipendenti, skont liema minnhom tkun l-inqas. |
2.5.4. |
L-obbligu li jiddaħħlu l-ordnijiet għan-negozjar fuq iż-żewġ naħat tar-reġistru tal-ordnijiet imsemmi fil-punt 2.5.1 ma għandu japplika fl-ebda waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:
|
2.6. Attività ta’ negozjar ta’ kuljum
2.6.1. |
Il-fornitur tal-likwidità, meta jkun qed jinnegozja, ma għandux jaqbeż dawn il-volumi ta’ kuljum li ġejjin:
Meta l-volum stabbilit fil-punt (a) ma jippermettix li l-fornitur tal-likwidità jipprovdi likwidità b’mod effettiv, il-fornitur tal-likwidità jista’ japplika limitu massimu wieħed ta’ EUR 20 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali ddeterminat bl-applikazzjoni tar-rata tal-kambju ta’ referenza tal-euro tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti. |
2.6.2. |
L-ordnijiet il-kbar u t-tranżazzjonijiet innegozjati kif imsemmi fl-Artikolu 4(1), il-punti (b) u (c), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)
u fl-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/587 (3)
għandhom ikunu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ likwidità, dment li dawn ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c), il-fornitur tal-likwidità jista’ jaqbeż il-limiti stabbiliti fil-punt 2.6.1 għal dak il-jum ta’ negozjar. |
2.7. Iż-żamma tar-rekords
2.7.1. |
Il-fornitur tal-likwidità jimpenja ruħu li jżomm rekords adegwati tal-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet relatati mal-kuntratt għal ħames snin. |
2.7.2. |
Il-fornitur tal-likwidità jimpenja ruħu li jżomm għal ħames snin id-dokumentazzjoni li turi li l-ordnijiet introdotti qed jiddaħħlu separatament u individwalment mingħajr l-aggregazzjoni ta’ ordnijiet minn klijenti oħra jew mill-attività ta’ negozjar tiegħu f’ismu stess, u li jivverifika tali dokumentazzjoni permezz tal-funzjoni ta’ konformità jew ta’ funzjoni oħra ta’ kontroll intern. |
2.8. Verifika u konformità
Il-fornitur tal-likwidità jiggarantixxi li jkollu riżorsi ta’ konformità u awditjar biex jimmonitorja u jiżgura f’kull ħin il-konformità mal-qafas leġiżlattiv applikabbli u mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-kuntratt.
2.9. Trasparenza
Il-fornitur tal-likwidità jintrabat li jipprovdi lill-emittent bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex l-emittent ikun jista’ jikkonforma mal-obbligi ta’ trasparenza tiegħu fir-rigward tal-pubbliku u tal-[awtorità kompetenti nazzjonali].
3. OBBLIGI TAL-EMITTENT
3.1. Indipendenza tal-fornitur tal-likwidità
L-emittent ma għandu jeżerċita l-ebda influwenza fuq il-fornitur tal-likwidità fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ likwidità.
3.2. Trasparenza
3.2.1. |
L-emittent għandu minnufih jipprovdi lill-[awtorità kompetenti nazzjonali] rilevanti b’kopja ta’ dan il-kuntratt fuq talba tagħha. |
3.2.2. |
L-emittent jimpenja ruħu li jiżvela u li jaġġorna regolarment fuq is-sit web tiegħu l-informazzjoni kollha li ġejja. [L-informazzjoni se tiġi żvelata wkoll fuq is-sit web tal-fornitur tal-likwidità u/jew fuq is-sit web tas-suq jew b’mezzi oħra].
|
3.3. Il-limiti tar-riżorsi allokati għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt
L-emittent għandu jalloka riżorsi fi flus jew ishma fil-kont tal-likwidità li jkunu proporzjonati u adattati għall-objettiv biex tittejjeb il-likwidità. Dak l-ammont għandu jkun [XXX u XXX, rispettivament fi flus u ishma],
L-emittent għandu jiżgura li l-allokazzjoni ta’ dawn ir-riżorsi ma taqbiżx il-limiti li ġejjin:
(a) |
għall-ishma illikwidi: 500 % tal-fatturat medju ta’ kuljum tas-sehem, b’limitu massimu ta’ EUR 1 miljun; |
(b) |
għall-ishma likwidi: 200 % tal-fatturat medju ta’ kuljum tas-sehem, b’limitu massimu ta’ EUR 20 miljun. |
Fejn il-limitu ta’ 500 % stabbilit fil-punt (a) ma jippermettix li l-fornitur tal-likwidità jipprovdi likwidità b’mod effettiv, jista’ jiġi applikat limitu wieħed ta’ EUR 500 000.
Għal emittenti li jinsabu fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali għandu jiġi ddeterminat bl-applikazzjoni tar-rata tal-kambju ta’ referenza tal-euro tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-31 ta’ Diċembru tas-sena li tippreċedi d-data ta’ dan il-kuntratt.
3.4. Remunerazzjoni tal-fornitur tal-likwidità
Bħala remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti f’dan il-kuntratt, l-emittent jimpenja ruħu li jħallas lill-fornitur tal-likwidità [speċifika l-ammont] u [speċifika l-perċentwal] ta’ [speċifika r-remunerazzjoni, il-kriterji għall-kalkolu tar-remunerazzjoni varjabbli, li ma tistax taqbeż il-15 % tar-remunerazzjoni totali, kif ukoll it-tariffi u l-frekwenza tal-pagamenti].
4. IS-SOSPENSJONI TEMPORANJA JEW IR-RESTRIZZJONI TA’ DAN IL-KUNTRATT
4.1. [Is-sitwazzjonijiet li fihom, jew il-kundizzjonijiet li fihom, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tista’ tiġi sospiża jew ristretta temporanjament]
5. TERMINI U KUNDIZZJONIJIET KUNTRATTWALI OĦRAJN
5.1. [Il-partijiet huma liberi li jdaħħlu klawżoli addizzjonali fil-mudell kuntrattwali biex jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tal-każ individwali, f’konformità mal-libertà kuntrattwali tal-partijiet (pereż. il-liġi li tirregola l-kuntratt, il-kunfidenzjalità, it-tul ta’ żmien, it-terminazzjoni, it-tiġdid, il-ġurisdizzjoni u kwalunkwe dispożizzjoni addizzjonali oħra li tkopri l-ispeċifiċitajiet tal-każ individwali)]
6. SOTTOMISSJONI TAL-ABBOZZ TAL-KUNTRATT
L-emittent issottometta abbozz ta’ dan il-kuntratt lil [operatur tas-suq], li aċċetta t-termini u l-kundizzjonijiet tal-abbozz tal-kuntratt. L-emittent b’dan jikkonferma li t-termini u l-kundizzjonijiet li jinsabu f’dan il-kuntratt huma identiċi għal dawk fl-abbozz tal-kuntratt li [l-operatur tas-suq] jkun aċċetta.
B’xhieda ta’ dan, dan il-kuntratt daħal fis-seħħ nhar [jum], [month] u [sena].
IFFIRMAT MINN
L-emittent
[isem]
għal u f’isem
[isem]
Il-fornitur tal-likwidità
[isem]
għal u f’isem
[isem]
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/567 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-definizzjonijiet, it-trasparenza, il-kompressjoni ta’ portafolli u l-miżuri superviżorji fuq l-intervent fuq prodotti u pożizzjonijiet (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 90).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/587 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta’ trasparenza għaċ-ċentri tan-negozjar u ditti ta’ investiment fir-rigward ta’ ishma, irċevuti depożitarji, fondi nnegozjati fil-boroż, ċertifikati u strumenti finanzjarji simili oħrajn u dwar obbligi ta’ eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni fir-rigward ta’ ċertu ishma f’ċentru tan-negozjar jew minn internalizzaturi sistematiċi (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 387).