|
17.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 269/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1950
tal-14 ta’ Ottubru 2022
li jġedded l-approvazzjoni tal-kreożot bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għat-tip ta’ prodott 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(4)(a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Is-sustanza attiva kreożot iddaħħlet fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) biex tintuża fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8, u b’hekk skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 hija meqjusa li hi approvata skont dak ir-Regolament soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva. |
|
(2) |
Fis-27 ta’ Ottubru 2016, ġiet sottomessa applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-kreożot għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8. Dik l-applikazzjoni ġiet evalwata mill-awtorità kompetenti fir-Renju Unit bħala l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni. |
|
(3) |
Fis-16 ta’ Settembru 2019, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni ppreżentat rakkomandazzjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tal-kreożot lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”). Minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, l-awtorità kompetenti tal-Polonja ħadet f’idejha r-rwol ta’ awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fit-30 ta’ Jannar 2020. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fl-4 ta’ Diċembru 2020 l-Aġenzija adottat opinjoni (3) fformulata mill-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali tagħha, wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni,. |
|
(5) |
Skont dik l-opinjoni, il-kreożot huwa kklassifikat bħala karċinoġenu tal-kategorija 1B f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u jissodisfa l-kriterji biex ikun sustanza persistenti, bijoakkumulattiva u tossika (PBT) u sustanza persistenti ħafna u bijoakkumulattiva ħafna (vPvB) f’konformità mal-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Għaldaqstant, il-kreożot jissodisfa l-kriterji ta’ esklużjoni stipulati fl-Artikolu 5(1), il-punti (a) u (e), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li jissodisfaw il-kriterji ta’ esklużjoni tista’ tiġġedded biss jekk is-sustanza attiva tkun għadha tissodisfa mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Aġenzija, wettqet konsultazzjoni pubblika sabiex tiġbor l-informazzjoni dwar jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(8) |
L-opinjoni tal-Aġenzija u l-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika ġew diskussi mal-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali. L-Istati Membri ntalbu wkoll jindikaw jekk iqisux li mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tkun issodisfata fit-territorju rispettiv tagħhom, u jipprovdu ġustifikazzjonijiet. |
|
(9) |
Mill-informazzjoni miġbura u l-fehmiet espressi mill-Istati Membri, jidher li l-kreożot u l-injam trattat bil-kreożot għadhom meħtieġa f’ħafna Stati Membri għal traversi ferrovjarji u għall-arbli utilitarji għall-elettriku u t-telekomunikazzjoni. |
|
(10) |
L-injam trattat bi prodotti li fihom il-kreożot jintuża biex isiru t-traversi ferrovjarji tal-injam għal diversi raġunijiet tekniċi (piż ħafif meta mqabbel ma’ traversi tal-konkrit u faċilità korrispondenti ta’ manutenzjoni, reżiljenza tajba, stennija tal-għomor tas-servizz għolja mfittxija għall-infrastrutturi ferrovjarji li huma mibnija għal għexieren ta’ snin, materjal sostenibbli). It-traversi ferrovjarji tal-injam għandhom flessibbiltà kbira f’termini ta’ fejn jistgħu jintużaw (bħal żoni inaċċessibbli, punti ta’ kommutazzjoni, mini, pontijiet, kurvi b’raġġ żgħir). Barra minn hekk, il-klassi tal-użu tat-traversi ferrovjarji hija applikazzjoni kritika għas-sikurezza li tista’ tkun soġġetta għall-approvazzjoni tat-tip tal-infrastruttura ferrovjarja jew għar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għal raġunijiet relatati mas-sikurezza tan-nies (il-passiġġieri, l-operaturi tal-ferroviji, eċċ.) u tat-tagħmir ferrovjarju, jiġifieri l-ferroviji u l-infrastrutturi. It-tħaddim tajjeb tal-infrastrutturi ferrovjarji huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-attivitajiet ekonomiċi u tas-soċjetà. Qed jiġu żviluppati prodotti bijoċidali alternattivi għat-trattament tat-traversi ferrovjarji tal-injam, u prodott minnhom li fih taħlita ta’ idrossidu tar-ram, Karbonat DDA u penflufen ġie awtorizzat reċentement f’diversi Stati Membri. Madankollu, huwa meħtieġ iż-żmien għat-testijiet u biex ikun hemm biżżejjed redditu fuq l-esperjenza ta’ dawk il-prodotti alternattivi, u biex ikun żgurat li dawn ikunu jistgħu jissodisfaw il-għomor twil tas-servizz mistennija mit-traversi ferrovjarji. |
|
(11) |
Jeżistu materjali alternattivi għall-injam tat-traversi ferrovjarji, inklużi l-konkrit, l-azzar jew materjali komposti bħall-fowm tal-uretan imsaħħaħ bil-fibri, u kull wieħed jippreżenta vantaġġi (pereżempju, proprjetajiet mekkaniċi u durabbiltà simili għat-traversi ferrovjarji tal-injam trattati bil-kreożot) u żvantaġġi (pereżempju, kwistjonijiet ta’ manutenzjoni ta’ ċerti binarji f’żoni inaċċessibbli, punti ta’ kommutazzjoni, mini, linji sekondarji; kost; impronta ambjentali negattiva ogħla mill-injam; diffikultà fil-manutenzjoni tal-binarji meta jitħalltu traversi tal-injam ma’ traversi magħmula minn materjali oħra minħabba r-rekwiżiti differenti tal-ballast). In-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tal-kreożot bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għat-trattament tal-injam biex isiru t-traversi ferrovjarji joħloq impatti tekniċi u ekonomiċi serji fuq l-operaturi tal-infrastruttura ferrovjarja f’xi Stati Membri fejn is-sostituzzjoni tkun teknikament jew ekonomikament diffiċli għalissa. |
|
(12) |
L-injam trattat bi prodotti li fihom il-kreożot jintuża biex isiru arbli utilitarji għall-elettriku u t-telekomunikazzjoni għal raġunijiet tekniċi varji (pereżempju piż ħafif meta mqabbel ma’ arbli tal-konkrit u faċilità korrispondenti ta’ manutenzjoni, reżiljenza tajba, stennija tal-għomor tas-servizz għolja mfittxija għall-infrastrutturi tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni li huma mibnija għal għexieren ta’ snin, materjal sostenibbli). Qed jiġu żviluppati prodotti bijoċidali alternattivi għat-trattament tal-arbli tal-injam, u prodott li fih taħlita ta’ idrossidu tar-ram, Karbonat DDA u penflufen ġie awtorizzat reċentement f’diversi Stati Membri. Xi prodotti bijoċidali oħra, ibbażati fuq komposti tar-ram jew komposti tal-ammonju kwaternarju bħala sustanzi attivi, laħqu l-istadju finali tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Madankollu, huwa meħtieġ żmien biex jiġi ttestjat u jkun hemm biżżejjed redditu fuq l-esperjenza ta’ dawk il-prodotti alternattivi. |
|
(13) |
Jeżistu alternattivi għall-injam bħala materjal għall-arbli utilitarji, inklużi l-azzar, il-konkrit, il-fibra tal-ħġieġ, materjali komposti jew kisi ta’ protezzjoni b’materjal kompost madwar l-arbli utilitarji tal-injam trattat. Kull waħda minn dawn l-alternattivi tippreżenta vantaġġi (pereżempju, ir-riġidità; karatteristiċi fiżiċi li ma jvarjawx; reżistenti għan-nar) u żvantaġġi (pereżempju, il-ħtieġa għal aktar ittestjar; għomor iqsar tas-servizz possibbli jew tħassib tekniku ieħor; aktar għalja meta mqabbla ma’ arbli tal-injam). Alternattiva oħra hija t-tqegħid ta’ kejbils ta’ trażmissjoni taħt l-art, b’mod partikolari f’ambjenti urbani u fil-bliet, għalkemm din l-għażla tista’ ssir teknikament aktar diffiċli skont it-terren naturali li n-netwerk irid jaqsam minnha (pereżempju, żoni remoti jew muntanji), u l-installazzjoni u l-manutenzjoni jistgħu jidhru aktar kumplessi, għaljin u mhux fattibbli fiċ-ċirkostanzi kollha. In-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tal-kreożot għall-użu f’arbli tal-injam jista’ joħloq impatt ekonomiku fuq l-operaturi tal-infrastruttura tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni, u problemi għall-manutenzjoni ta’ ċerti kejbils tat-trażmissjoni (pereżempju, żoni mhux faċilment aċċessibbli, rispons rapidu f’każ ta’ maltempati serji) f’xi Stati Membri fejn is-sostituzzjoni b’materjali oħra jew bil-kejbils tat-trażmissjoni taħt l-art tkun teknikament jew ekonomikament diffiċli għalissa. |
|
(14) |
L-Aġenzija identifikat riskji għas-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw mill-użu ta’ prodotti bijoċidali li fihom il-kreożot għat-trattament ta’ traversi ferrovjarji u arbli utilitarji għall-ħaddiema responsabbli għat-trattament tal-injam, għal dawk li jinstallaw l-arbli u dawk li jinstallaw l-arbli tal-elettriku, u għall-esponiment tal-pubbliku ġenerali. Jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju biex jillimitaw kemm jista’ jkun l-esponiment għall-kreożot, pereżempju r-rikors għal proċessi mekkaniċi jew awtomatizzati biex jiġi evitat it-tqandil manwali tal-injam trattat, u l-ilbies ta’ tagħmir protettiv personali mill-ħaddiema, u jiġi żgurat li l-injam ittrattat ma jkunx aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali matul il-ħżin. Ir-riskji għall-ambjent ġew identifikati wkoll peress li l-kreożot huwa PBT/vPvB, u jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju biex jiġi limitat kemm jista’ jkun l-esponiment tal-ambjent għall-kreożot, pereżempju bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni industrijali titwettaq f’żona iżolata jew fuq bażi iebsa u impermeabbli b’ħajt ta’ protezzjoni; li l-injam li jkun għadu kemm ġie ttrattat irid jinħażen taħt għata jew fuq bażi iebsa impermeabbli, jew it-tnejn, biex jiġu evitati rilaxxi diretti fil-ħamrija, fid-drenaġġ jew fl-ilma; u li kull rilaxx mill-applikazzjoni tal-prodott irid jinġabar għall-użu mill-ġdid jew għar-rimi. |
|
(15) |
Abbażi tal-informazzjoni miġbura, ġie konkluż li n-nuqqas ta’ approvazzjoni tal-kreożot bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali jkollu impatt negattiv sproporzjonat fuq is-soċjetà meta mqabbel mar-riskji li jirriżultaw mill-użu tas-sustanza għat-trattament tal-injam użat biex isiru t-traversi ferrovjarji u l-arbli utilitarji għall-elettriku u t-telekomunikazzjonijiet. Għalhekk, il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 hija ssodisfata għal dawk l-użi. |
|
(16) |
Għalhekk, jixraq li tiġi mġedda l-approvazzjoni tal-kreożot għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 soġġett għall-konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet. |
|
(17) |
Il-kreożot huwa kandidat għas-sostituzzjoni f’konformità mal-punti (a), (d) u (e) tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u għalhekk jenħtieġ li l-perjodu ta’ tiġdid ma jaqbiżx is-seba’ snin, skont l-Artikolu 10(4) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(18) |
Sabiex l-esponiment għall-bnedmin u għall-ambjent jinżamm f’livell minimu, il-prodotti bijoċidali jenħtieġ li jiġu awtorizzati biss għat-trattament permezz ta’ imprenjazzjoni taħt pressjoni f’vakwu f’installazzjonijiet industrijali biex isiru t-traversi ferrovjarji, jew l-arbli utilitarji għall-elettriku jew it-telekomunikazzjoni. Skont il-punt 10 tal-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-valutazzjoni tal-prodott jenħtieġ li tinkludi evalwazzjoni ta’ kemm ġew issodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) ta’ dak ir-Regolament. Jenħtieġ li jiġi previst li l-prodotti jistgħu jiġu awtorizzati biss għall-użu fl-Istati Membri fejn il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(2), il-punt (c) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tkun issodisfata. |
|
(19) |
Sabiex jiġi żgurat li l-prodotti jiġu fornuti biss għall-użu f’installazzjonijiet industrijali, jenħtieġ li l-prodotti jitħallew jitqiegħdu fis-suq biss f’imballaġġ ta’ kapaċità ta’ 200 litru jew aktar, u jenħtieġ li ma jkunx permess li l-prodotti jitqiegħdu fis-suq għall-pubbliku ġenerali. |
|
(20) |
Barra minn hekk, biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sikurezza għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, it-tqegħid fis-suq ta’ injam trattat bil-kreożot jenħtieġ li jkun soġġett għal kundizzjonijiet. B’mod partikolari, biex jiġi żgurat li l-injam trattat bil-kreożot jitqiegħed fis-suq biss fi Stati Membri fejn l-użu tal-prodotti bijoċidali li fihom il-kreożot jista’ jiġi awtorizzat peress li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 hija ssodisfata, jenħtieġ li l-listi tal-Istati Membri fejn huwa permess it-tqegħid fis-suq ta’ traversi ferrovjarji jew arbli utilitarji għall-elettriku u t-telekomunikazzjoni jkunu disponibbli għall-pubbliku. Jenħtieġ li jkun possibbli għal Stat Membru li jitlob li jitneħħa minn kwalunkwe waħda minn dawk il-listi sabiex l-injam trattat għall-użu/użi kkonċernat(i) ma jkunx jista’ jibqa’ jitqiegħed fis-suq ta’ dak l-Istat Membru. Barra minn hekk, il-persuna responsabbli għat-tqegħid fis-suq tal-injam trattat bil-kreożot jenħtieġ li tiżgura li t-tikketta ta’ dak l-injam trattat tinkludi dikjarazzjonijiet speċifiċi li għandhom l-għan li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, jevitaw l-użu mhux awtorizzat tal-injam trattat, u jiżguraw li l-injam trattat jitqiegħed fis-suq biss fl-Istati Membri li huma inklużi f’listi bħal dawn u fl-Istati Membri li jkunu tneħħew minn lista jitiegħdu għal ċertu perjodu ta’ żmien. |
|
(21) |
F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 kif ukoll l-atti tal-Kummissjoni bbażati fuqu, japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. Għal dik ir-raġuni, il-listi tal-istati fejn l-injam trattat jista’ jitqiegħed fis-suq jenħtieġ li jinkludu wkoll lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, fejn meħtieġ. |
|
(22) |
Fir-rigward tal-użu tal-kreożot lil hinn mit-trattament tal-injam biex isiru t-traversi ferrovjarji u l-arbli utilitarji għall-elettriku u t-telekomunikazzjoni imsemmi fl-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni, għadu ma ntweriex li ġiet issodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. B’mod partikolari, fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 5(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ma ntweriex li n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kreożot bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għal tali użi ikollu impatt negattiv sproporzjonat fuq is-soċjetà meta mqabbel mar-riskji fl-użu tal-kreożot u tal-injam trattat bil-kreożot. Jeżistu alternattivi xierqa u suffiċjenti u diġà huma implimentati fi kważi l-Istati Membri kollha, u dawn jistgħu jiġu implimentati fl-Unjoni kollha. Sabiex jingħata biżżejjed żmien lill-operaturi ekonomiċi biex jadattaw għar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit perjodu ta’ tranżizzjoni li warajh dak l-injam trattat bi prodotti bijoċidali li fihom il-kreożot ma jibqax jitqiegħed fis-suq ħlief bħala traversi ferrovjarji u arbli utilitarji għall-elettriku u t-telekomunikazzjoni. L-istess perjodu jenħtieġ li japplika għat-tqegħid fis-suq ta’ traversi ferrovjarji u arbli utilitarji għall-elettriku u t-telekomunikazzjoni trattati bil-kreożot fl-Istati Membri mhux inklużi fil-listi għall-użi kkonċernati. |
|
(23) |
Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1839 (6), id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-kreożot għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8, ġiet posposta għall-31 ta’ Ottubru 2022. Peress li issa tlesta l-eżami tal-applikazzjoni għat-tiġdid ta’ dik l-approvazzjoni, jixraq li titħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1839. |
|
(24) |
Il-kreożot u l-komposti tiegħu, u l-injam trattat bihom, huma soġġetti għar-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-obbligu ta’ konformità ma’ dawk ir-restrizzjonijiet. |
|
(25) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-approvazzjoni tal-kreożot bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8, soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness, hija mġedda.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1839 hija mħassra.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).
(3) Opinjoni tal-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali (BPC) dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva: kreożot, Tip ta’ prodott: 8, ECHA/BPC/274/2020, adottata fl-4 ta’ Diċembru 2020.
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1839 tal-15 ta’ Ottubru 2021 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-kreożot għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (ĠU L 372, 20.10.2021, p. 27).
ANNESS
|
Isem Komuni |
Isem tal-IUPAC Numri ta’ Identifikazzjoni |
Grad minimu ta’ purità tas-sustanza attiva (1) |
Data ta’ skadenza tal-approvazzjoni |
Tip ta’ prodott |
Kondizzjonijiet speċifiċi |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Kreożot |
Isem tal-IUPAC: Kreożot Numru KE: 232-287-5 Nru CAS: 8001-58-9 |
100 % (w/w) Il-kreożot għandu jkun fih inqas minn:
|
fil-31 ta’ Ottubru 2029. |
8 |
Il-kreożot huwa meqjus bħala kandidat għas-sostituzzjoni f’konformità mal-punti (a), (d) u (e) tal-Artikolu 10(1), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. L-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti bijoċidali huma soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
It-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti trattati huwa soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) Il-purità indikata f’din il-kolonna kienet il-grad minimu ta’ purità tas-sustanza attiva evalwata. Is-sustanza attiva fil-prodott li jitqiegħed fis-suq tista’ tkun tal-istess purità jew ta’ purità differenti jekk ikun ġie ppruvat li hi teknikament ekwivalenti għas-sustanza attiva evalwata.