14.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/13


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1941

tat-13 ta’ Ottubru 2022

dwar il-projbizzjoni tal-introduzzjoni, tal-moviment, taż-żamma, tal-multiplikazzjoni jew tar-rilaxx ta’ ċerti pesti skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-2021, diversi Stati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-preżenza kkonfermata uffiċjalment, fil-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn li joriġinaw minn pajjiżi terzi, ta’ pesti li mhumiex elenkati bħala pest ta’ kwarantina fl-Unjoni, bħala pest ta’ kwarantina f’żona protetta jew bħala pest irregolat mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (2) u li mhumiex irregolati skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(2)

Abbażi tad-data mill-valutazzjonijiet preliminari tar-riskju jew mill-analiżijiet tar-riskju mwettqa s’issa mill-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet kompetenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li dawk il-pesti jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fis-Sottotaqsima 2 tat-Taqsima 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(3)

Chloridea virescens, Leucinodes orbonalis, Leucinodes pseudorbonalis, Resseliella citrifrugis u Spodoptera ornithogalli huma fost il-pesti li għalihom ittieħdu azzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031. Dawk il-pesti ġew interċettati diversi drabi fil-fruntieri tal-Unjoni u mhumiex magħrufa li huma preżenti fit-territorju tal-Unjoni.

(4)

In-Netherlands wettqu valutazzjoni preliminari tar-riskju għall-Chloridea virescens (3) u analiżi tar-riskju tal-pesti għall-ispeċi Spodoptera Amerikana, li tinkludi l-iSpodoptera ornithogalli (4) , għat-territorju tal-Unjoni. It-tnejn li huma jikkonkludu li dawk il-pesti jissodisfaw il-kriterji għall-pesti ta’ kwarantina stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/2031, fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni. Madankollu, hija meħtieġa valutazzjoni tar-riskju ulterjuri biex tiġi appoġġata l-inklużjoni tagħhom fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

(5)

Abbażi tal-kategorizzazzjonijiet tal-pesti mwettqa mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) għal-Leucinodes orbonalis (5) u l-Leucinodes pseudorbonalis (6), dawk il-pesti jissodisfaw il-kriterji għall-pesti ta’ kwarantina stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/2031, fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni. Madankollu, ġew indikati xi inċertezzi dwar l-impatt tagħhom minħabba l-adegwatezza klimatika. Valutazzjoni ulterjuri tal-adegwatezza klimatika, il-valutazzjoni tal-effett tat-tibdil fil-klima fuq l-istabbiliment ta’ dawk il-pesti fl-Unjoni u l-impatt sussegwenti tagħhom għadhom għaddejjin.

(6)

Abbażi tal-kategorizzazzjoni tal-pesti mwettqa mill-Awtorità, ir-Resseliella citrifrugis (7) jissodisfa l-kriterji għall-pesti ta’ kwarantina stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/2031, fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni. Bħalissa għadha għaddejja valutazzjoni tar-riskju ulterjuri fir-rigward tal-mogħdijiet tad-dħul u tat-tixrid ta’ dan il-pest.

(7)

Dawk il-pesti ġew interċettati diversi drabi fil-fruntieri tal-Unjoni u volumi kbar tal-pjanti ospitanti tagħhom għadhom qed jiġu importati minn pajjiżi fejn dawk il-pesti huma magħrufa li huma preżenti, filwaqt li jippreżentaw riskju fitosanitarju għoli għat-territorju tal-Unjoni. Għalhekk jitqies li jeżisti periklu imminenti ta’ dħul ta’ dawk il-pesti fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk huwa xieraq li tittieħed il-miżura ta’ projbizzjoni temporanja tad-dħul tagħhom fl-Unjoni sakemm jitwettqu l-analiżijiet tar-riskju kollha. Jenħtieġ li dawk il-pesti jkunu soġġetti wkoll għal stħarriġiet ibbażati fuq ir-riskju fir-rigward tas-sinjali jew tas-sintomi tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(8)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għal tul ta’ żmien suffiċjenti biex jippermetti t-tlestija ta’ dawk il-valutazzjonijiet u l-analiżijiet tar-riskju.

(9)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Projbizzjoni tal-pesti

Il-pesti elenkati fl-Anness ma għandhomx jiġu introdotti, jiġu mċaqilqa, jinżammu, jiġu multiplikati jew jiġu rilaxxati fit-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sal-31 ta’ Mejju 2027.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4–104).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

(3)  Quickscan Chloridea virescens | Publication | NVWA-English

(4)  American Spodoptera species risk assessment | Publication | NVWA-English

(5)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti). Scientific Opinion on the pest categorisation of Leucinodes orbonalis.EFSA Journal 2021;19(11):6890, 28 pp.https://doi.org/10.2903/j.efsa.2021.6890.

(6)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti). Scientific Opinion on the pest categorisation of Leucinodes pseudorbonalis. EFSA Journal 2021;19(11):6889, 21 pp. https://doi.org/ 10.2903/j.efsa.2021.6889.

(7)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti). Scientific Opinion on the pestcategorisation of Resseliella citrifrugis. EFSA Journal 2021;19(8):6802, 19 pp.https://doi.org/10.2903/j.efsa.2021.6802.


ANNESS

Lista ta’ pesti u l-kodiċijiet tagħhom assenjati mill-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja għall-Protezzjoni tal-Pjanti

1.

Chloridea virescens Fabricius [HELIVI]

2.

Leucinodes orbonalis Guenée [LEUIOR]

3.

Leucinodes pseudorbonalis Mally et al. [LEUIPS]

4.

Resseliella citrifrugis Jiang [RESSCI]

5.

Spodoptera ornithogalli Guenée [PRODOR]