13.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 266/13


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1930

tas-6 ta’ Lulju 2022

li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mar-reġim tax-xiri sfurzat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(15) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1229 (2) jispeċifika l-miżuri għall-prevenzjoni u l-indirizzar ta’ fallimenti tas-saldu, u biex iħeġġu d-dixxiplina fis-saldu. Dawk il-miżuri jinkludu l-monitoraġġ ta’ fallimenti ta’ saldu u l-ġbir u d-distribuzzjoni ta’ penali fi flus kontanti għal fallimenti ta’ saldu. Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 jispeċifika wkoll id-dettalji operazzjonali tal-proċess ta’ xiri sfurzat imsemmi fl-Artikolu 7(3) sa (8) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

(2)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 ġie emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1212 (3) biex id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 tiġi differita sal-1 ta’ Frar 2021. Dik id-data differita tad-dħul fis-seħħ reġgħet ġiet differita għall-1 ta’ Frar 2022 bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/70 (4).

(3)

Madankollu, il-partijiet ikkonċernati pprovdew evidenza li x-xiri sfurzat obbligatorju jista’ jżid il-pressjoni tal-likwidità u l-kostijiet tat-titoli f’riskju li jinxtraw b’xiri sfurzat. Impatt bħal dan jista’ jkompli jiġi aggravat f’każijiet ta’ volatilità tas-suq. F’dan l-isfond, l-applikazzjoni tar-regoli dwar ix-xiri sfurzat obbligatorju kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 909/2014 u speċifikati aktar fir-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 jista’ jkollha impatt negattiv fuq l-effiċjenza u l-kompetittività tas-swieq kapitali fl-Unjoni. Dak l-impatt jista’ mbagħad iwassal għal firxiet usa’ bejn it-talba u l-offerta, tnaqqis fl-effiċjenza tas-suq u tnaqqis fl-inċentivi għas-self ta’ titoli fis-swieq tas-self u repo ta’ titoli u għas-saldu ta’ tranżazzjonijiet ma’ depożitorji ċentrali tat-titoli stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, il-kostijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar ix-xiri sfurzat obbligatorju, kif speċifikat bħalissa fir-Regolament (UE) Nru 909/2014, huma mistennija li jegħlbu l-benefiċċji potenzjali.

(4)

L-Artikolu 76(5) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 ġie emendat bl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2022/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Din l-emenda tipprovdi għall-possibbiltà li jkun hemm dati differenti ta’ applikazzjoni għal kull waħda mill-miżuri tad-dixxiplina tas-saldu msemmija fl-Artikolu 7(1) sa (13) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, kif speċifikat aktar fir-Regolament Delegat (UE) 2018/1229, bil-għan li tipprovdi għal żmien suffiċjenti biex jiġi evalwat mill-ġdid il-qafas tad-dixxiplina tas-saldu stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 909/2014, u b’mod partikolari tar-regoli dwar ix-xiri obbligatorju. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 li huma relatati max-xiri sfurzat obbligatorju ma japplikawx sakemm dik ir-rivalutazzjoni tkun ġiet iffinalizzata. Dan jiżgura wkoll li l-parteċipanti fis-suq ma jġarrbux kostijiet ta’ implimentazzjoni duplikati f’każ li dawk ir-regoli jiġu emendati bħala riżultat ta’ rieżami tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 (6).

(5)

B’riżultat ta’ dan, dawk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 li huma relatati max-xiri sfurzat obbligatorju jenħtieġ li ma japplikawx mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sa 2 ta’ Novembru 2025

(6)

Skont l-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, u l-Artikolu 76(5) ta’ dak ir-Regolament kif kien ġie emendat qabel bir-Regolament (UE) 2022/858, l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tħassar mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229, biex jirrifletti l-fatt li minn dik id-data, ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 u r-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 kienu mistennija li jarmonizzaw fil-livell tal-Unjoni l-miżuri għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-fallimenti tas-saldu b’kamp ta’ applikazzjoni usa’ mir-Regolament (UE) Nru 236/2012. Minħabba li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 li jittrattaw ix-xiri sfurzat obbligatorju mhux se japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sa 2 ta’ Novembru 2025, huwa meħtieġ li jiġu previsti l-proċeduri ta’ xiri sfurzat li kienu stabbiliti qabel fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 sakemm japplikaw ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 21 sa 38 tar-Regolament (UE) 2018/1229.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 jiġi emendat kif xieraq.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).

(9)

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-emenda, il-ħtieġa li tingħata ċarezza lill-parteċipanti fis-suq malajr kemm jista’ jkun, u l-kontribut diġà pprovdut minn dawk il-parteċipanti tas-suq għall-konsultazzjoni pubblika mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-proposta leġiżlattiva għar-Regolament (UE) 2022/858, l-ESMA ma wettqet l-ebda konsultazzjoni pubblika miftuħa. Madankollu l-ESMA wettqet analiżi ta’ livell għoli tal-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Fl-iżvilupp tal-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, l-ESMA kkooperat ukoll mal-membri tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Kapitolu IV, Dispożizzjonijiet finali għandu jiddaħħal l-Artikolu 41a li ġej:

“L-Artikolu 41 a

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Sa 2 ta’ Novembru 2025, kontroparti ċentrali fi Stat Membru li tipprovdi servizzi tal-ikklerjar għall-ishma ma tiżgura li jkun hemm fis-seħħ proċeduri li jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

meta persuna fiżika jew ġuridika li tbigħ ishma ma tkunx tista’ tikkonsenja l-ishma għas-saldu fi żmien erbat ijiem ta’ negozju mill-jum li fih ikun dovut is-saldu, jiskattaw awtomatikament proċeduri għax-xiri sfurzat tal-ishma sabiex jiżguraw il-konsenja għas-saldu;

(b)

fejn ix-xiri sfurzat tal-ishma għall-konsenja ma jkunx possibbli, jitħallas ammont lix-xerrej abbażi tal-valur tal-ishma li jrid jiġi kkonsenjat fid-data tal-konsenja flimkien ma’ ammont għal telf imġarrab mix-xerrej bħala riżultat tal-falliment tas-saldu;

(c)

il-persuna fiżika jew ġuridika li tonqos milli ssalda għandha tirrimborsal-ammonti kollha mħallsa kollha skont il-punti (a) u (b).”;

(2)

L-Artikolu 42 huwa emendat kif ġej:

(i)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ Dħul fis-seħħ u applikazzjoni ”;

(ii)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-miżuri dixxiplinari tas-saldu stabbiliti fl-Artikoli 21 sa 38 ma għandhomx, madankollu, japplikaw sa 2 ta’ Novembru 2025 ”.

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1229 tal-25 ta’ Mejju 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar id-dixxiplina tas-saldu (ĠU L 230 13.9.2018, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1212 tat-8 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1229 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar id-dixxiplina tas-saldu (ĠU L 275, 24.8.2020, p. 3).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/70 tat-23 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar id-dixxiplina tas-saldu, fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tiegħu (Ġu L 27, 27.1.2021, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2022/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar reġim pilota għall-infrastrutturi tas-suq ibbażati fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 909/2014 u d-Direttiva 2014/65/UE (ĠU L 151, 2.6.2022, p. 1).

(6)  Fis-16 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta leġiżlattiva biex temenda r-Regolament (UE) Nru 909/2014 biex ittejjeb l-effiċjenza tas-swieq tas-saldu tal-Unjoni, filwaqt li tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja (https://ec.europa.eu/info/publications/220316-central-securities-depositories-regulation-review_en).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 86, 24.3.2012, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).